Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qawra — Triq Porzjunkola - pelican lights

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fl-inħawi tal-appartamenti tal-gvern in-naħa ta' Triq Porzjunkola, il-Qawra, San Pawl il-baħar, jiġu stallati pelican lights minħabba l-fatt li hemm bosta familji (bosta minnhom bi tfal żgħar) li jkollhom bżonn jaqsmu min-naħa għal oħra tat-triq minħabba l-karozzi tal-linja jew trasport għall-iskejjel?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li għaddejt l-osservazzjoni tiegħu lill-ADT. Ninfurmah ukoll li l-prattika dwar l-istallazzjoni ta' pelican lights hi li dawn isiru fuq inizjattiva tal-Kunsilli Lokali.

Problema f'għalqa minħabba l-ilma tax-xita

Question

Jista' l-Ministru jitkellem ma' dawk konċernati mill-proġett ta' toroq sekondarji li bosta minnhom jinsabu mdawrin bir-raba' u jara li f'ċerti postijiet jingħata widen għall-ħteġijiet tal-bdiewa li f'ċerti każi minħabba kif jinsab il-livell tat-triq qed ikollhom problemi serji fejn għandu x'jaqsam l-ilma tax-xita li qed jaqleb l-ilma ġo l-għalqa tagħhom u dan b'referenza partikolari għal għalqa li tinsab f'kantuniera bejn Triq San Tumas, Żejtun u Triq iz-Ziju, Marsaskala?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jindika għal liema toroq qed jirreferi.

Total ta' elettriku li ntuża mill-fabbriki

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6870, 5733, 5330, 4807 u 4508 u jgħid x'kien it-total ta' elettriku (f'megawatts) li intuża fl-ewwel għaxar xhur ta' din is-sena minn fabbriki f'Malta u Għawdex separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant ma tinżammx iżda total ta' elettriku, non-residential, li ntuża f'Malta kien ta' 117,441,993 units u f'Għawdex kien ta' 2,206,338 units.

San Pawl il-Baħar — Triq il-Port Ruman - xogħol fuq it-triq

Question

Billi Triq il-Port Ruman il-Qawra, San Pawl il-Baħar hi waħda mill-itwal toroq li hemm fl-inħawi li f'partijiet minnha għadha bla servizzi u bla wiċċ tat-tarmac, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex is-servizzi u x-xogħol nieqes li għad irid isir, fil-fatt isir kemm jista' jkun malajr?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-triq msemmija mill-Onor Interpellant hi nkluża fil-programm ta' bini ta' toroq residenzjali li ħejjiet l-Awtorità, liema programm hu kkundizzjonat mil-limiti ta' riżorsi u mill-prioritajiet relattivi.

Ħal Luqa — Toroq li għandhom bżonn it-tarmak

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7223, 6948 u 6705 u jgħid liema huma t-toroq ġo Ħal Luqa li ser jingħataw resurfacing u tarmak, peress li tista' tgħid it-toroq kollha interni ġo Ħal Luqa huma mkissrin?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari Nru. 5721.

Mosta — Triq id-9 ta' April - water culvert

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6702, 5814 u 5151 u jieħu l-passi neċessarji biex il-problemi tal-ilma tax-xita fi Triq id-9 ta' April il-Mosta, liema ilmijiet jinġabru ġo l-istess triq b'inkonvenjent kbir għar-residenti tal-inħawi, jiġu solvuti permezz tat-tkabbir tal-culvert eżistenti jew isir xi intervent ieħor ħalli dak l-ilma li jinġabar f'din it-triq jimxi u ma jibqax qiegħed?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lill-ADT.

Mosta — żona tad-dib - wiċċ ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm biex iż-żona tad-"dib" ġewwa l-Mosta tingħata wiċċ ġdid, liema toroq jinstabu f'istat ħażin ħafna u l-ilma tax-xita qiegħed joħloq umdità kbira fid-djar għaliex qed jinxtorob mit-toroq ħżiena li hemm?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-resurfacing tat-triq imsemmija hijar-responsabbiltà tal-kunsill lokali.

Mellieħa — żona taċ-Ċumnija - Sewage

Question

Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni tal-periklu li ħoloq is-sewage fil-baħar tal-Mellieħa, fiż-żona taċ-Ċumnija? Huwa aċċettabbli li impjant ta' €10.7 miljun iwassal għal dan kollu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-iżbroff ta’ activated sludge fl-inħawi ta`-ċumnija, limiti tal-Mellieħa, ma kienx minħabba tħaddim ħażin tal-impjant kif jallega l-Onor. Interpellant imma kien riżultat ta’ ammont sostanzjali ta’ materjal li qed jasal l-impjant minn diversi irziezet tal-majjali li juzaw is-sistema tad-drenagg fit-tramuntana ta’ Malta. Dan il-materjal mhux suppost jintrema fis-sistema tad-drenaġġ u ddisturba il-bilanċ tal-proċess tat-trattament ta’ l-impjant. Dan il-materjal qed jintefa' fis-sistema tad-drenaġġ illegalment. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ I-Ilma qed tieħu il-miżuri kollha neċessarji sabiex dan il-każ ma jibqax jirrepeti ruħu. L-iżbroff li seħħ kien wieħed temporanju, u ta’ drenaġġ ipproċessat parzjalment. Għaldaqstant l-impatt ambjentali kien wieħed minuri.

Ilma baħar jinbidel f'ilma ħelu — infieq fuq enerġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li pajjiżna qed jonfoq fuq enerġija biex jibdel l-ilma baħar f'ilma ħelu? X'tip ta' alternattivi qed jaħdem fuqhom il-Gvern biex iżid il-provvista ta' l-ilma mingħajr l-użu ta' fossil fuel?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ispiża tal-pajjiż fuq enerġija biex jibdel l-ilma baħar f’wieħed tajjeb għax-xorb hija ta’ madwar €6.1 miljun fis-sena. F’dawn l-aħħar snin il-KSI investit f’apparat ġdid biex tirkupra enerġija mil-proċess b’mod aktar effiċjenti. Inbidlu ukoll membrani biex b’hekk l-ispiża fl-użu ta’ enerġija f'dan il-qasam niżlet b’ 25 fil-mija.

Roads Network Limited

Question

B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 5522, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'ser tkun il-funzjoni tar-Roads Network Limited? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-istaff li llum jaħdem ma' l-Awtorita' dwar it-Trasport fil-qasam tat-toroq, hux ser jiġu ngaġġati minn din il-kumpannija?

Response (GATT, AUSTIN)

In vista li issa saret Awtorità ġdida, din il-kumpanija mhix se tintuża.

speed cameras — citazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet bl-ispeed cameras fl-ewwel erba' xhur tas-sena 2009? Jista' jgħid kemm minn dawn l-flus taċ-ċitazzjonijiet tal-ispeed camera qed jintużaw biex issir il-manutenzjoni tat-toroq?

Response (GATT, AUSTIN)

Filwaqt li nitlob l-Onorevoli Interpellant jagħmel l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat fir-rigward ta' l-ewwel parti, rigward it-tieni parti, ninsab infurmat li dawn il-fondi ma jmorrux għal manutenzjoni tat-toroq, u dan skond il-ftehim bejn l-ADT u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali; li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korporazzjoni Enemalta — qari tal-konsum

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7537 u cioè: Jikkonferma l-Ministru li meta tinbiegħ dar u l-bejjiegħ jitlob lill-Korporazzjoni Enemalta jieħu l-aħħar qari tal-konsum u jitniżżel l-isem tax-xerrej biex l-kontijiet jibdew jintbagħtu f’ismu, irid jintbgħat il-kuntratt ta’ bejgħ lill-Korporazzjoni Enemalta? Ma jaħsibx li m’hemmx bżonn li affarijiet li jkun personali jintbagħtu lil entità pubblika? Għaliex meta jkun hemm każ bħal dan ma ssirx karta ġuramentata u din tkun aċċetatta mill-Korporazzjoni Enemalta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li sabiex ikun jista’ jiġi trasferit il-meter tad-dawl meta tinbiegħ proprjetà, l-Enemalta titlob lill-bejjiegħ jieħu l-aħħar qari liema qari jrid ukoll ikun ikkonfermat mix-xerrej. L-Enemalta titlob ukoll kopja tal-kuntratt ta’ bejgħ sabiex tkun tista’tikkonferma li fil-fatt ma jkunx każ ta’ kiri u dan għaliex f’każ ta’kiri l-Enemalta titlob depożitu sabiex ikun protett is-sid. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li fil-fatt kuntratt ta’ bejgħ huwa wieħed pubbliku u mhux personali.

Awtorità dwar it-Trasport ta' Malta — numru ta' kuntratturi

Question

Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni dwar kemm hu n-numru ta' kuntratturi li jaħdmu xogħlijiet ta' toroq, kif jirriżultaw lill-Awtorità dwar it-Trasport ta' Malta? Hemm xi klassifikazzjoni partikolari għar-rigward ta' dawn il-kuntratturi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-numru ta' kuntratturi reġistrati mal-ADT li jaħdmu xogħlijiet ta' toroq huma 76. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija r-risposta hija le.

Diesel, petrol, pitlorju, dawl u ilma — qliegħ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 8475 u 7460 u jgħid kemm sar qliegħ minn fuq id-diesel/petrol/pitlorju, dawl u ilma matul x-xhur: a) Settembru 2008? b) Ottubru 2008? ċ) Novembru 2008? d) Diċembru 2008? e) Jannar 2009? f) Frar 2009?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba dwar id-diesel, petrol u pitlorju hija meqjusa bħala kummerċjalment sensittiva u għalhekk ma tistax tingħata. Fuq id-dawl ninsab infurmat li fil-perijodu in kwistjoni l-Enemalta m’għamlitx qliegħ. Dwar il-qliegħ li sar mill-ilma ninforma lill-Onor Interpellant la ma jsirx qliegħ fuq il-bejgħ tal-ilma mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' direct orders li ħarġu mill-Ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru fix-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu u April ta' din is-sena? Kemm kienet iċ-ċifra totali ta' flus ta' dawn id-direct orders? Jista' jinformani bl-istess informazzjoni għall-perijodu tas-snin 2007 u 2008?

Response (GATT, AUSTIN)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet parlamentari nru 4292 u 7492, ninfurmak li Civil Aviation ma taw l-ebda Direct Order, filwaqt li l-uffiċju tad-DCS, l-ammont ta’ Direct Orders u s-somma nvoluta kienu 7 u €182,879. L-istess ċifri għall-Land and Public Registry Division huma waħda u s-somma nvoluta hi €37,000.

Offerti għat-trasport marittimu bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8779 u jgħid jekk is-sejħa għall-offerti għat-trasport marittimu bejn Malta u Għawdex hijiex se torbot lill-kuntrattur li jħaddem b'mod regolari, tal-anqas kif inhu llum, is-servizz tal-cargo għal Sa Maison? Jekk le, għaliex?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi s-sejħa għall-offerti għat-trasport bejn Malta u Għawdex se tkun tinkludi wkoll is-servizz tal-cargo bejn Għawdex u l-Port il-Kbir.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — Triq San Ġorġ - xogħlijiet meħtieġa

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma twettaq xogħol li kien u għadu meħtieġ li jsir fl-ewwel parti ta' Triq San Ġorġ u cioè bejn Triq il-Parroċċa u Triq San Pawl, u dan biex l-inkonvenjenti kbar lir-residenti u lil dawk li jgħaddu minn din it-triq, fil-fatt jispiċċaw?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-manutenzjoni tat-triq imsemmija taqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali rispettiv.

Imtarfa — Xogħol tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-istima għax-xogħol sabiex isir devjazzjoni ta' drenaġġ fl-Imtarfa? Id-dettalji ta' dan ix-xogħol qed jintbagħat b'mod separat.

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-istima tax-xogħol sabiex isir devjazzjoni tad-drenaġġ fl-Imtarfa hija ta' bejn wieħed u ieħor €36,000.

Burmarrad u San Pawl il-Baħar — tqegħid ta' pelican lights

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fid-dawl (pelican lights) approvati f'Burmarrad u Lilly Road San Pawl il-Baħar, jiġu stallati kemm jista' jkun malajr u dan biex jiġu evitati inċidenti bla bżonn li jistgħu jinqalgħu? Kemm ilhom li ġew approvati dawn il-lights u x'wassal biex idumu daqshekk biex jiġu mqiegħda f'posthom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol fuq l-istallazzjoni ta' dawn il-pelican lights ser isiru aktar tard matul din is-sena. Lilly Road, San Pawl il-Baħar ma teżistix.

Korporazzjoni Enemalta — persuni ingaġġati jew promossi

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar sentejn: a) kemm-il persuna ġiet ingaġġata jew promossa għal grad ta' chief manager fil-Korporazzjoni Enemalta? b) X'inhu xogħolhom? ċ) Kemm hu s-salarju marbut ma' dan il-grad? d) Hemm aktar allowances u benefiċċji marbuta ma' dan il-grad u jekk fl-affermattiv, x'inhuma u kemm jiswew lill-korporazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li f'dawn l-aħħar sentejn 6 persuni ġew ingaġġati jew promossi għall-grad ta' Chief Officer fl-Enemalta. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.