Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #28046 Sitting 393 2011-10-17 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru għal Għawdex

Inċentivi mogħtija lil studenti Għawdxin

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista ta’ inċentivi mogħtija lil studenti Ghawdxin fl-2008, 2009 u 2010 li għazlu li jsegwu korsijiet ta’ livell terzjarju marbuta mal-miri strateġiċi tal-Gvern għall-iżvilupp ta' Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-istudenti Għawdxin li jattendu l-Università f'Malta fuq bażi full-time, inklużi dawk li jattendu korsijiet ta' livell terzjarju marbuta mal-miri strateġiċi tal-gvern għall-iżvilupp ta' Għawdex, jirċievu mingħand il-Ministeru għal Għawdex sussidju li jammonta għal €116.47 kull xahar kif ukoll sussidju ta' €0.47 għal kull ġurnata li huma jaqsmu minn Għawdex għal Malta sabiex jattendu l-Università.
Leg 11 PQ #28047 Sitting 393 2011-10-17 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali ta' Għawdex — Records u medical files elettroniċi

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol fuq is-sistema ta’ records u medical files elettroniċi fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li jkunu magħquda u kompatibbli mal-Isptar Mater Dei? Tista' tgħid x’kienet l-ispiza b’rabta ma’ din l-inizjattiva fl-2008, 2009 u 2010 b’mod separat? Hemm data ta’ meta din l-inizjattiva se tkun lesta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li sew l-Isptar Mater Dei kif ukoll l-Isptar Ġenerali t'Għawdex irid ikollhom sistemi ta' files mediċi ugwali biex ma jinħolqux problemi meta pazjenti jiġu riferuti minn sptar għall-ieħor. Għaldaqstant x'ħin jiġi deċiż x'sistema se titħaddem fl-Isptar Mater Dei, jinbdew ukoll il-proċeduri biex din tiġi introdotta fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex. Infatti s-sistemi tal-Patient Administration System, Picture Archiving and Communication System/Radiology Information System u Laboratory Information System imħaddma fl-Isptar Mater Dei huma ukoll imħaddma fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex.
Leg 11 PQ #28048 Sitting 393 2011-10-17 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru għal Għawdex

Direttorat tat-Turiżmu f'Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’inizjattivi ttieħdu fl-2008, 2009 u 2010 mid-direttorat fi ħdan il-Ministeru għal Ghawdex responsabbli mill-promozzjoni tat-turizmu f’Għawdex? Tista' tgħid kemm kien il-budget allokat lil dan id-direttorat sena b’sena matul l-istess snin? Tista' tgħid min huwa/hija l-persuna responsabbli mit-tmexxija ta’ dan id-direttorat?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Direttorat responsabbli mit-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku ġie mwaqqaf fis-16 ta' Lulju tal-2010. L-ewwel allokazzjoni finanzjarja direttament relatata mal-promozzjoni tat-Turiżmu f'Għawdex, abbinata ma' dan id-Direttorat, bdiet mis-sena 2011 (Ministry for Gozo - Vote 16 Recurrent, Programmes and Initiatives - 5585 Tourism Promotion Allocation). Xogħlijiet li saru fl-2010, marbuta ma' dan id-Direttorat, twettqu bil-kollaborazzjoni ta' dipartimenti oħrajn fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, tal-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta u l-Assoċjazzjoni għat-Turiżmu f'Għawdex. Dawn kienu jinkludu numru ta' inizjattivi relatati mal-promozzjoni tal-gżira Għawdxija kemm fis-suq domestiku, bir-reklamar ta' diversi attivitajiet kulturali, kif ukoll dak internazzjonali bil-promozzjoni ta' Għawdex bħala destinazzjoni distinta. Fl-aħħar xhur tal-2010 twettaq ukoll xogħol preparatorju għal diversi inizjattivi li qed jiġu implimentati tul l-2011. Id-Direttur responsabbli mit-tmexxija ta' dan id-Direttorat huwa s-Sur Manuel Tabone M.A.Econ.,B.Com.(Hons.)Econ.
Leg 11 PQ #28566 Sitting 393 2011-10-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — xiri ta' karozzi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm inxtraw karozzi ġodda mill-Ministeru, dekasteri u entitajiet oħra li jaqgħu taħtha matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #28386 Sitting 391 2011-10-11 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Għasri - servizz ta' bus għan-naħa Ta' Għammar

Question

Peress li qed isiru ilmenti minn studenti u ġenituri tal-Għasri għaliex il-bus tal-iskola qed tniżżel lit-tfal il-pjazza tal-Għasri u allura dawk li joqogħdu fl-inħawi Ta' Għammar ikollhom imorru lura d-dar bil-mixi u li hu ftit imbiegħed mill-pjazza, peress ukoll li meta saru l-ilmenti lill-Kunsill Lokali tal-Għasri, ingħatat informazzjoni li l-Ministeru għal Ghawdex qed jitlob €5 kuljum biex il-bus tibqa' dieħla f'Ta' Għammar, tista' l-Ministru tagħti spjegazzjoni għal dan u tara li din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata speċjalment issa li dieħla x-xitwa u jiżdied l-inkonvenjent minħabba x-xita?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li fir-reviżjoni tar-rotot il-ġodda għas-sena skolastika 2011/12 it-Triq ta' Għammar ġiet inkluża fit-trasport ta' filgħaxija wkoll. Għalhekk minn din is-sena qed jingħata s-servizz mitlub mingħajr ħlas miżjud.
Leg 11 PQ #28399 Sitting 391 2011-10-11 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Qorti t'Għawdex — Wi-Fi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 26748 li saret fis-seduta ta’ l-14 ta’ Gunju 2011 u għar-risposta relattiva fir-rigward l-istallazzjoni tal-Wi-Fi fil-bini tal-Qorti ta’ Għawdex, peress li fit-tweġiba l-Ministru qalet li dan kien se ssir fi ftit żmien ieħor u peress li sal-lum għadna bla Wi-Fi, tista' l-Ministru tgħid u tispjega x’inhi s-sitwazzjoni vera u reali?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li x-xogħol tal-istallazzjoni tal-Wi-Fi ġewwa l-bini tal-Qorti ta' Għawdex huwa fi stat avvanzat u s-servizz ser ikun aċċessibbli fil-ġranet li ġejjin.
Leg 11 PQ #28400 Sitting 391 2011-10-11 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Qorti ta’ Għawdex — sistema ta' arja kondizzjonata

Question

Peress li l-ħaddiema tal-Qorti ta’ Għawdex fis-sajf jaħmu fi sħana kbira u fix-xitwa jkollhom ħafna ksieħ u dan għaliex fir-reġistru u fid-diversi uffiċċji m' hemmx sistema ta’ arja kondizzjonata u dan qed jikkaġuna tbatija żejda fost il-ħaddiema, tista' l-Minsitru tara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li fil-Qorti ta' Għawdex hemm sistema ta' arja kundizzjonata fiż-żewġ awli prinċipali. Fis-sezzjonijiet l-oħra, għalkemm m'hemmx arja kundizzjonata, żdied in-numru ta' fans biex dawn itaffu mis-sħana. Madanakollu, id-dipartiment konċernat xorta se jkompli jara kif jista' jtejjeb is-sitwazzjoni f'dan l-aspett.
Leg 11 PQ #28649 Sitting 391 2011-10-11 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — lista' ta' konsulenzi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari W334, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru, dipartimenti jew entitajiet użax is-servizzi ta' din il-persuna/kumpanija? Liema kienu dawn il-każijiet u kemm kien hemm ħlasijiet?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-Ministeru u d-Direttorati li jaqgħu taħtu ma użawx is-servizzi tal-persuna/kumpanija msemmija.
Leg 11 PQ #27851 Sitting 390 2011-10-10 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — infiq fi fuel

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont dettaljat ta’ kemm intnefaq fi fuel fid-dekasteri kollha li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha minn Marzu 2008 sa Awwissu 2011?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #28269 Sitting 390 2011-10-10 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Vetturi li xtraw mill-Ministeru ta' Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm inxtraw vetturi mill-Ministeru għal Għawdex f'din l-aħħar sena? Tista' tgħid x'tip ta' vettura kienet u tagħti d-dettalji u l-ispecifications ta' kull waħda? Mingħand min inxtraw, kemm jiswew u jekk inħareg tender tagħti d-dettalji relattivi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #28270 Sitting 390 2011-10-10 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-FSWS

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li gie ffirmat bejn il-Ministeru u l-Foundation for Social Welfare Services (FSWS)?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim mitlub mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #28283 Sitting 390 2011-10-10 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdxin li jixtiequ jagħtu d-demm — ħinijiet

Question

Peress li ħafna Għawdxin jixtiequ jagħtu d-demm iżda ma jkunux jistgħu jmorru l-isptar filgħodu minħabba impenji ta' xogħol, tista' l-Ministru tikkonsidra li jkun hemm ġurnata filgħaxija li fiha dawn in-nies ikunu jistgħu jmorru jagħtu d-demm wara x-xogħol tagħhom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li għaddejjin xi taħdidiet mad-Direttur tan-National Blood Transfusion Centre, Malta, biex il-ħinijiet jitwalu u hekk il-pubbliku jinqeda aħjar. Hemm xi issues, prinċipalment ta' staff u ta' ġarr tad-demm lejn l-NBTC li jridu jiġu riżolti.
Leg 11 PQ #28173 Sitting 389 2011-10-05 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — talbiet għal reduced hours, telework u career breaks

Question

Tista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet għal reduced hours, telework u career breaks f'kull dipartiment u uffiċċju li jaqa' taħt id-dekasteru tagħha? Tista' tgħid kemm minn dawk it-talbiet saru minn nisa u kemm minn irgiel? Kemm ilhom pendenti dawn it-talbiet?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #28493 Sitting 388 2011-10-04 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — xogħol u titjib tal-ħiliet tar-riżorsi umani

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li ġie kkummissjonat biex janalizza s-sitwazzjoni preżenti u jagħti pariri dwar strateġija marbuta mal-ħolqien tax-xogħol u t-titjib tal-ħiliet tar-riżorsi umani f’Għawdex? Tista’ l-Ministru tgħid minn min tħejja dan ir-rapport?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan ir-rapport tħejja minn E-Cubed Consultations Ltd. wara sejħa għall-offerti li kienet ħarġet fis-7 ta' Settembru 2010. Dan ir-rapport se jkun imqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra meta jkun finalizzat aktar 'il quddiem.
Leg 11 PQ #28495 Sitting 388 2011-10-04 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Xewkija — proġett tal-farm tal-gvern

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta mistenni jitlesta l-proġett kollu fil-farm tal-Gvern fix-Xewkija, bil-għan li dan jiġi żviluppat f’ċentru ta’ Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni fl-Agrikoltura? Fiex jikkonsisti dan il-proġett?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet tal-fażi tal-proġett li għaddejja bħalissa, huma ppjanati li jitlestew sa Ġunju 2012 u li l-proġett jikkonsisti minn upgrading tal-faċilitajiet eżistenti u provista ta' faċilitajiet ta' riċerka u tagħlim ġodda u li jsiru proġetti ta' riċerka flimkien mal-Università ta' Malta fl-oqsma tal-agrikoltura u ta' protezzjoni ta' razez indiġeni u l-użu tal-ilma.
Leg 11 PQ #28496 Sitting 388 2011-10-04 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Eko Għawdex — applikazzjonijiet għaż-żewġ skemi

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sejħiet għall-applikazzjonijiet għaż-żewġ skemi ta’ eko-Għawdex, imnedija mill-Ministeru għal Għawdex, waħda għall-Organizzazzjonijiet mhux Governattivi u l-oħra għall-Kunsilli Lokali u Kumitati Amministrattivi? Tista’ tgħid minn huma l-51 benefiċċjarju ta’ dawn l-iskemi, x’inhuwa l-proġett ta’ kull benefiċċjarju, kemm hu l-valur totali ta’ kull proġett u kemm hi l-għotja li se jingħata kull benfiċċjarju? Meta kellu jinbeda u meta għandu jispiċċa kull proġett?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Jiena nfurmata li dawn il-proġetti għandhom jispiċċaw sa Novembru 2011.
Leg 11 PQ #245 Sitting 387 2011-10-03 Written · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Marsalforn — Problema ta' parking

Question

Tista' l-Ministru tispjega għaliex għal ħabta tal-ħin tal-ikel, Marsalforn ikun miżgħud bil-wardens jagħtu ċ-ċitazzjonijiet lil dawk li jkunu qed jieklu fir-restaurants ta' hemmhekk? Ma jidhrilhiex l-Ministru li dan l-aġir qiegħed jipperikola n-negozju ta' tant restaurants fl-area? Fejn taħseb li għandhom jipparkjaw il-vetturi l-viżitaturi numerużi li jkunu Marsalform matul dan iż-żmien u dan għaliex il-parkeġġ li hemm mhux biżżejjed għal volum tan-nies? Ma taħsibx għalhekk l-Ministru li għandu jiġi ppjanat proġett ta' parking li jkun ambjentalment aċċettabbli biex ma jkunx hemm il-periklu ta' telf ta' negozju?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-servizz tal-wardens f'Marsalforn ma jaqax taħt ir-responsabilità ta' dan il-Ministeru u għalhekk nitlobha tirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmata li l-proġett tal-Masterplan għal Marsalforn jieħu ħsieb jipprovdi żieda ta' spazju għall-parkeġġ.
Leg 11 PQ #287 Sitting 387 2011-10-03 Written · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Business Incubation Centre

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett tal-Business Incubation Centre fit-teknoloġija tal-informatika u l-innovazzjoni f'Għawdex? X’kienet l-ispiża magħmula s'issa fuq dan il-proġett sena b’sena b’mod separat, fl-2008, 2009 u 2010 ? Hemm data ta’ meta dan il-proġett se jkun lest?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li ma kien hemm l-ebda spiża fuq dan il-proġett għall-perjodu msemmi. Il-Ministeru għal Għawdex għaddej b'diskussjonijiet mal-Awtoritajiet kompetenti biex il-proġett jitwettaq bl-aħjar mod. F'dan l-istadju nħoss li huwa prematur li jkun hemm data ta' meta dan il-proġett ser jitlesta.
Leg 11 PQ #288 Sitting 387 2011-10-03 Written · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Open Air Studio — produzzjonijiet ta' films f'Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett ta’ faċilità ta’ open-air studio għall-produzzjoni tal-films f'Għawdex? X’kienet l-ispiża magħmula s'issa fuq dan il-proġett sena b’sena b’mod separat, fl-2008, 2009 u 2010? Hemm data ta’ meta dan il-proġett se jkun lest?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment.
Leg 11 PQ #289 Sitting 387 2011-10-03 Written · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Ċentru ta' faċilitajiet sportivi fl-inħawi Ta' Xħajma

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol fuq iċ-ċentru ta’ faċilitajiet sportivi fl-inħawi Ta’ Xħajma? X’kienet l-ispiża magħmula s'issa fuq dan il-proġett sena b’sena b’mod separat, fl-2008, 2009 u 2010 ? Hemm data ta’ meta dan il-proġett se jkun lest?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li tħejjew pjanti tal-proġett biex jiġu diskussi internament qabel ma jsiru proċeduri oħra.