Legislature:
Category:
Reset
Active:

intrapriżi li kkwalifikaw mill-micro-credit

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-intrapriżi żgħar u medji u s-self-employed li matul l-ewwel disa' xhur tas-sena kkwalifikaw mill-micro-credit ta’ mhux aktar minn €25,000 li kien tħabbar fid-diskors tal-Budget 2010 ?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kif kelli okkażjoni ngħid fil-pubbliku, l-iskema tal-Micro Credits hija proċess li jiddependi mill-Fond Ewropew għall-Investiment. Matul ix-xahar ta’ Settembru infetħet sejħa pubblika għall-espressjoni ta’ interess minn istituzjonijiet finanzjarji. L-iskema li minnha intrapriżi żgħar u medji u self-employed jistgħu jibbenefikaw sa €25,000 f’ tax credit iġġib l-isem ta’ Microinvest, u hija skema fiskali. Għaldaqstant it-talba ta’ rimborż issir darba f’sena ma għeluq is-sena fiskali u allura it-talba fir-rigward ta’ investiment li sar matul l-2010 issir fid-dikjarazzjoni tat-taxxa li tiġi sottomessa fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.

Dar Malta fi Brussell — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa Dar Malta fi Brussell biex tlestiet? Jista' jgħid ukoll jekk hijiex lesta kompletament? Jista' l-Ministru jgħid x’tip ta’ revenue jew dħul ieħor il-Gvern Malti daħħal mill-binja ta’ Dar Malta u ċioe jekk kienx hemm xi trasferiment ta’ parti mill-proprjetà kollha lil terzi, kemm bi ħlas kif ukoll mingħajr ħlas, u kemm kien il-ħlas jekk hu l-każ u min huma l-persuni li favur tagħhom sar dan it-trasferiment?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tingħata f'seduta oħra.

bajja tax-Xlendi — żbroff tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm swew jew kemm se jkunu jiswew it-tiswijiet li saru jew għandhom bżonn isiru sabiex tkun riparata l-ħsara li saret meta żbroffa d-drenagg fil-bajja tax-Xlendi? Jista' l-Ministru jgħid x'entitá ta’ ħsarat kien hemm?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-ħsara li ġiet ikkawżata ftit tal-ġimgħat ilu fuq il-mejn tad-drenaġġ fix-Xlendi, mill-Kuntrattur li kien qed jaħdem fl-inħawi, issewwiet kollha mill-istess kuntrattur, taħt is-superviżżjoni tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Il-Korporazzjoni pprovdiet biss fitting għat-tiswija (madwar €50). Il-kont għal dan il-fitting u tas-superviżżjoni (madwar €100) se jintbagħad lill-Kuntrattur qabel ma jitlesta x-xogħol tiegħu fix-Xlendi.

Twaħħil ta' meter tad-dawl

Question

Jista' l-Ministu jgħid għaliex il-meter tad-dawl tal-fond li d-dettalji dwaru qed jintbgħatu separatament, reġa' twaħħal u b’hekk reġa' ġie konness is-servizz tal-elettriku fil-fond in kwestjoni nhar il-Ġimgħa 1 t’Ottubru 2010 bil-lejl u dan minkejja li l-individwu li fuqu qiegħed dan il-meter li d-dettalji tiegħu qed jintbgħatu separatament, kien talab li tali meter jinqala’ u s-servizz jiġi sospiż u ma kien hemm l-ebda talba oħra li jerġa' jitħwahhal is-servizz fuq ismu? Jista' jgħid ukoll għaliex il-meter tal-ilma fuq dan il-fond u fuq isem l-istess persuna ma nqalax minkejja li saret talba apposta biex jinqala’? Jista' jgħid min ta l-ordni biex dan il-meter tad-dawl jitwaħħal mill-ġdid u jerġa' jkun hemm servizz tal-elettriku?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba se tingħata f'seduta oħra.

mħażen privati użati mill-Korporazzjoni Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex s'issa kera li kellha titħallas mill-Korporazzjoni Enemalta lil sidien tal-proprjetà li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, qed tintuża mill-istess Enemalta bħala mħażen u jara li din il-kera dovuta effettivament titħallas lis-sidien?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf l-Onorevoli Interpellant li l-aħħar ħlas relatat ma’ din il-kera sar f’Ġunju ta’ din is-sena. Iċ-ċwievet ta’ din il-proprjetà se jingħataw lura lil sidha fi ftit ġimghat oħra u qed isiru arranġamenti sabiex kull kera dovuta tiġi mħallsa.

Kontijiet tad-dawl u l-ilma — bord li jisma l-claims u l-ilmenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien ilu ma jiltaqa' l-bord li jisma' l-claims u l-ilmenti fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma qabel l-1 ta' Mejju 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jiċċara d-domanda tiegħu.

Devoluzzjonijiet ta' proprjetajiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru devoluzzjonijiet ta' proprjetà tal-gvern lill-kunsilli lokali matul dawn l-aħħar għaxar snin? Liema kienu l-proprjetajiet, lil liema kunsill għaddew u jekk kien hemm kirja/ċens ta' kemm kien?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

Budget għall-isport

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-budget għall-isport bħala persentaġġ tal-budget tal-gvern għal dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tingħata f'seduta oħra.

kunflitt ta' interess

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19270 u ċioe: B’referenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 19114, jista' l-Ministru jgħid: a) Kemm kien il-valur tax-xogħol mogħti lil BIM Ltd, meta ingħata dan ix-xogħol u jekk ingħatax b’sejħa għal tenders jew b’ direct order ? b) Kemm kien il-valur tax-xogħol mogħti lil Mediterranean Insurance Brokers, meta ingħata dan ix-xogħol u jekk ingħatax b’sejħa għal tenders jew b’direct order ? ċ) Jekk il-persuni msemmija fit-tweġiba, it-tnejn diretturi tal-Korporazzjoni Enemalta, iddikjarawx l-interess tagħhom f’dawn iż-żewġ kumpaniji msemmija iktar ‘il fuq ? Jekk iva, f’liema stadju għamlu dan u b’liema mod? Jekk le, għaliex ma sarx dan? d) Minn liema data ilhom jokkupaw il-kariga ta’ diretturi fil-Korporazzjoni Enemalta ż-żewġ persuni msemmija fit-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 19114 ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-valur tax-xogħol mogħti lil Bim Limited mill-Korporazzjoni Enemalta bejn Settembru 2007 u Diċembru 2009 kien ta’ € 9,316.50. Dan ix-xogħol ingħata b’direct order. Il-valur tax-xogħol mogħti lil Mediterranean Insurance Brokers mill-istess Korporazzjoni bejn Lulju 2007 u Diċembru 2009 kien ta’ € 7.1 miljun. Dan il-valur ta’ assigurazzjoni jirrifletti l-premium ta’ insurance covers li l-Korporazzjoni għandha ma’ diversi kumpaniji tal-assigurazzjoni. It-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra tagħti dettal ta’ din il-lista. Id-diretturi konċernati ma ddikjarawx l-interessi tagħhom peress li t-transazzjonijiet imsemmija huma purament amministrattivi, u li saru wara deċiżjoni maniġerjali. Id-diretturi msemmija ilhom jokkupaw il-kariga ta’ diretturi fil-Bord mit-22 ta’ April 2008.

Kumpaniji, awtoritajiet u entitajiet pubblici li mhumiex klassifikati bħala parti mid-definizzjoni tal-Gvern estiż

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont, sena b’sena, mill-2003 sa l-2009, kemm kien id-dħul u n-nefqa ta' dawk il-kumpaniji, awtoritajiet u entitajiet pubblici li mhumiex klassifikati bħala parti mid-definizzjoni tal-Gvern estiż? Jista' jagħti rendikont, sena b’sena, mill-2003 sa l-2009, kemm kien id-dejn ta' dawk il-kumpaniji, awtoritajiet u entitajiet pubbliċi li mhumiex klassifikati bħala parti mid-definizjoni tal-Gvern estiż? Jista' jagħti rendikont għas-snin 2003 sa l-2009, kemm kien d-dħul minn taxxi, liċenzji, kontribuzzjonijiet u tariffi f’dawk il-kumpaniji, awtoritajiet u entitajiet pubbliċi li mhumiex klassifikati bħala parti mid-definizzjoni tal-Gvern estiż? Jista' jagħti rendikont għas-snin 2003 sa l-2009, kemm kien hemm persuni impjegati u x’kien l-infiq f’pagi u allowances f’dawk il-kumpaniji, awtoritajiet u entitajiet pubbliċi li mhumiex klassifikati bħala parti mid-definizzjoni tal-Gvern estiż?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ġiet impoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra jew sottomessa fl-MFSA, skont kif inhu rikjest bil-liġi. Lista tal-kumnpaniji/entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Abb Malta Sicily Interconnector Consortium

Question

B'referenza għat-tender għall-cable tal-elettriku sottomarin bejn Malta u Sqallija li ngħata lil Abb Malta Sicily Interconnector Consortium, jista' l-Ministru jgħid: a) min kienu l-kumpaniji l-oħra li għamlu l-offerta tagħhom fi stadju ta' prekwalifikazzjoni; b) meta se jiġi ffirmat il-kuntratt relattiv; ċ) sarx eżerċizzju ta' due dilegence min-naħa tal-gvern jew l-Korporazzjoni Enemalta dwar l-Abb Malta Sicily Interconnector Consortium; u d) jirriżultalux il-gvern li l-Abb Malta Sicily Interconnector Consortium jew kumpaniji sussidjarji tagħha kienu nstabu ħatja ta' korruzzjoni fi qrati esteri?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi b’referenza għat-tender tal-interconnector bejn Malta u l-Sqallija, it-tender għadha ma ġietx mirbuħa mill-ebda kumpanija s’issa, għax għadha tiġi evalwata. Il-kuntratt jiġi ffirmat biss wara li titlesta l-aġġudikazzjoni tat- tender li bħalissa qiegħda fil-proċess.

Maternity leave

Question

B'referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 19036 u oħrajn simili u 19237, la darba l-Gvern jirriżulta li m'għandux informazzjoni dwar kemm nisa jieħdu maternity leave fis-settur privat, fuq liema data l-Gvern qed jibbaża l-kalkoli tiegħu dwar l-impatt li żieda proposta fil-leave tal-maternità mill-Unjoni Ewropea jista' jkollha fuq is-settur privat f'pajjiżna?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara d-domanda tiegħu.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Staff

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri fis-Segretarjat Ministerjali tiegħu (l-ismijiet mhumiex meħtieġa)? X’inhuma s-salarji u allowances li għandha kull persuna f’kull kariga u designation mill-Head of Secretariat sal-messenger/drivers? Kemm hemm membri tal-istaff ministerjali li qegħdin b’kuntratt definit u li mhumiex civil servants jew public officers? Liema karigi jinsabu jokkupaw? Il-kuntratti tagħhom kull meta jiskadu? Jekk hemm, kemm hemm membri tal-istaff ministerjali tiegħu li jservu wkoll fuq boards li fihom hemm rappreżentanza tal-Gvern Malti anke bħala minority shareholder? Liema huma dawn il-membri tal-istaff, x’karigi għandhom, fuq liema boards iservu u kemm jitħallsu ta’ dan?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fis-Segretarjat Ministerjali tiegħi hemm 18-il membru. Is-salarji u allowances li għandhom huma skont il-linji gwida fl-Engagement of Staff for Ministers’ Secretariats maħruġ f’Ottubru 2007 u li kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Minn dawn hemm 3 membri b’kuntratt definit li mhumiex miċĊivil jew Public Sector: wieħed jokkupa l-kariga ta’ Head of Secretariat u t-tnejn l-oħra huma Driver/Security Officer . Il-Kuntratti tal-membri kollha tal-istaff fis-Segretarjat tiegħi huma għal sena u jistgħu jerġgħu jiġġeddu. L-uniku membru li jservi fuq xi bord huwa l-Head of Secretariat li qiegħed fil-University Board u fil-bord ta’ Finance Malta. Ma jirċievi ebda remunerazzjoni għal dan.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti mal-Ministeru tiegħu li jaħdmu minimu ta’ 15-il siegħa fil-ġimgħa u/jew minimu ta’ 60 siegħa fix-xahar? Min huma? X’inhu x-xogħol ta’ konsulenza tagħhom? Kemm jitħallsu u kif - fuq bażi ta’ somma fissa maqbula bil-quddiem, jew fuq bażi ta’ hourly attendance rate? Kemm minnhom huma specifically assignment based u min huma?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u se tingħata f'seduta oħra.

Sea Malta — ħlasijiet dovuti lill-ħaddiema li kienu jaħdmu fuq il-baħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-ħlas tan-notice money jew xi ħlasijiet oħra dovuti lill-ħaddiema li kienu jaħdmu fuq il-baħar ma' Sea Malta? Wara aktar minn ħames snin li għalqet is-Sea Malta x'għad fadallu jieħu l-gvern mingħand debituri u x'ghad fadallu jagħti bhala kreditur? X'ammont u lil min?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Istralċjari tas-Sea Malta jixtiequ jinfurmaw li l-każ tal-ħaddiema li kienu jaħdmu fuq il-baħar għadu sub judice u għal daqstant, mhumiex f'pożizzjoni li jissottomettu l-informazjoni rikjesta. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-debituri u tal-kredituri.

Awtoritajiet, Dipartimenti u Aġenziji tal-Gvern — ħlas ta' kera

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta’ kemm iħallsu f’kera fuq bażi annwali dawk l-Awtoritajiet, Dipartimenti tal-Gvern u Aġenziji tal-Gvern bħalma hi l-MITA (ex-Mitts)?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kors tat-Taxxa fl-MCAST — proċeduri biex jintagħżlu l-impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid b'liema proċedura intagħżlu l-persuni impjegati fiċ-Ċivil biex jagħmlu kors fuq taxxa fl-MCAST? Kien hemm xi shortlist? Jekk iva, fuq liema kriterju saret? X'kienu l-kwalifiki mitluba, jekk kien hemm xi kwalfiki rikjesti? Sar interview lil dawk shortlisted?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-ebda impjegat ma ġie magħżul biex jagħmel kors fuq it-taxxa fl-MCAST.

Refunds ta' taxxa fuq qligħ

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar refunds ta' taxxa fuq qligħ (income tax) li huma dovuti lill-individwi, kumpaniji lokali u esteri reġistrati f'Malta, u entitajiet oħra skond il-klassifikazzjoni fl-istess dipartiment sal-aħħar ta' Awwissu 2010? Kemm huma l-imgħaxijiet li qegħdin jiddekorru fuq l-istess refunds fis-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-refunds li kienu dovuti mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni sal-aħħar ta’ Awwissu 2010 huma kif indikati fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-imgħaxijiet li jiddekorru bir-rata ta’ 0.75% fix-xahar huma €459,629.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Talbiet għal reduced working hours

Question

Jista l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal reduced working hours fl-aħħar sitt xhur f'kull dipartiment separatament li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm minnhom saru minn ħaddiema nisa u kemm minnhom saru minn ħaddiema rġiel? Kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm minnhom ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista' jgħid fil-każ tar-rifjut tat-talba x'kienet ir-raġuni u fil-każ ta' talbiet pendenti f'liema stadju waslet it-talba?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment tat-Taxxi Interni — ħlas ta' kera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħallas f’kera d-Dipartiment tat-Taxxi Interni tal-proprjetà li kien jopera minnha għal xi snin fil-Furjana, fejn dahri kien hemm il-Customer Service? Lil min kienet titħallas il-kirja u għal kemm żmien?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment tat-Taxxi Interni għamel total ta’ ħames snin (1999 sa 2004) jopera il-Customer Service Section minn propjetà mikrija minngħand KPMG Services Ltd. Il-kera li tħallset tul dawn il-ħames snin ammontat għal total ta’ Lm 44,200 (Euro 102,958).