Tista' l-Ministru tgħid meta se jinbidlu s-suffetti tal-asbestos li għad baqa' fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li x-xogħol ta' tneħħija ta' suffetti tal-asbestos diġà beda u l-istallazzjoni ta' suffett ġdid ikun jista' jitkompla meta jingħataw il-kuntratti relatati u jikkumplimentaw dan ix-xogħol.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28399, tista' l-Ministru tgħid meta se jsir il-Wi-Fi fil-Qorti ta' Għawdex peress li ħadd ma jaf xejn dwar dak li rreferiet għalih il-Ministru, lanqas it-tekniċi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li s-servizz tal-Wi-Fi huwa stallat fil-Qorti ta' Għawdex.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28400, peress li l-ħaddiema tal-Qorti t'Għawdex issa li ġejja x-xitwa se jbatu minħabba l-kesħa u l-umdità li hemm fil-bini tal-qorti, li huma iktar aċċentwati minn postijiet oħra peress li l-bini hu antik u qiegħed fiċ-Ċittaddella li huwa fil-għoli, tista' l-Ministru tgħid konkretament x'inhu jsir?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li fil-bini tal-Qorti ta' Għawdex, kull kamra hi mgħammra b'diversi heaters u de-humidifiers filwaqt li ż-żewġ awli prinċipali huma air-conditioned.
Xewkija — Triq il-Mitħna - xogħlijiet ta' manutenzjoni
Question
Tista' l-Ministru tgħid meta se jsiru x-xogħlijiet ta' manutenzjoni fi Triq il-Mitħna fix-Xewkija f'dik il-parti ta' fuq tagħha li mhix inkluża fil-parti segregata bil-gate li saret proviżorjament sakemm qed isiru x-xogħlijiet fit-triq għar-Rabat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li Triq il-Mitħna isirilha manutenzjoni skont il-bżonn sakemm tkun tista' tiġi asfaltata.
Ministeru għal Għawdex — informazzjoni dwar l-impjegati
Question
Tista' l-Ministru tagħti rendikont ta' kemm daħlu impjegati fid-dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtha, f'liema rwoli u b'liema salarji mill-2004 sal-lum? Tista' tgħid jekk humiex Maltin jew barranin? Tista' tgħid minn liema lokalitajiet ġejjin? Għall-istess perjodu, tista' tgħid kemm irtiraw, irriżenjaw u tkeċċew nies mill-istess dipartimenti u entitajiet?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid, mingħajr ma jissemmew ismijiet, x’inhuma il-karigi, gradi u job descriptions tal-membri tal-istaff tal-Ministeru li jagħmlu parti mid-direttorat ambjentali għall-Eko-Għawdex u żvilupp reġjonali msemmi f’mistoqsija parlamentari 27906 flimkien mal-impjegata li tinsab fuq parental leave?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista aġġornata tal-membri tal-istaff f'dan id-direttorat kif mitluba.
Tista’ l-Ministru tgħid meta mistenni jitlesta minn kollox il-proġett taż-Żewwieqa? Tista’ tgħid jekk intalbitx xi approvazzjoni/jiet għall-estensjoni taż-żmien għat-tlestija tal-proġett? Kemm se jiswa b’kollox dan il-proġett? Kemm tħallsu flus s’issa? Kemm hemm flus kommessi biex jitħallsu din is-sena u s-sena dieħla rispettivament?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li ġiet approvata t-talba għall-estensjoni taż-żmien ta' dan il-proġett li huwa mistenni li jkun lest lejn l-aħħar tas-sena d-dieħla. Il-proġett se jiswa madwar €5m (vat inkluż). S'issa tħallsu €839,709.66 (vat inkluż).
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm shifts jaħdmu kuljum fil-gates tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex? Minn kemm impjegati huwa magħmul kull shift?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li kuljum jaħdmu żewġ shifts mas-security section li jieħdu ħsieb il-gates tal-isptar. Ix-xiftijiet jaħdmu hekk: wieħed mis-7.00 sas-19.00 u ieħor mis-19.00 sas-7.00. B'kollox hemm erba' shifts A, B, C u D. Shift A għandu 5 impjegati, Shift B għandu 6 impjegati, Shift C għandu 6 impjegati, Shift D għandu 6 impjegati. Żewġ ħaddiema jaħdmu b'roster ma' xiftijiet A u B, żewġ ħaddiema jaħdmu b'roster ma' xiftijiet C u D u żewġ ħaddiema jaħdmu ma' xiftijiet D u A. Impjegata oħra taħdem b'roster ma' xiftijiet A, C u D u impjegata oħra taħdem b'roster ma' xiftijiet B, C u D.
Mal-gate tal-isptar tal-Ibraġġ hemm 6 impjegati u dawn imqassmin hekk: Shift A żewġ impjegati, Shift B żewġ impjegati, Shift C impjegat u Shift D impjegat.
Hemm ukoll żewġ principal security officers, wieħed hu in charge minn xiftijiet A u B u l-ieħor in charge minn xiftijiet C u D.
Għawdex — Sptar Ġenerali - Triq Għajn Qatet - Gate magħluqa
Question
Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-gate t'isfel tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex li tagħti għal Triq Għajn Qatet hija magħluqa? Tikkonsidra li d-Direttur tal-Customer Care għandha tagħti ordni biex din il-gate terġa' tinfetaħ u li min mhux suppost jidħol jiġi mwaqqaf milli jagħmel hekk minn min huwa inkarigat minn dan ix-xogħol?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-gate tal-isptar hi miftuħa għall-pubbliku bil-mixi mis-7.00a.m. sas-6.55p.m. kuljum, kif ukoll għall-ambulanzi u għal kull min għandu permess mingħand il-management tal-isptar.
Sptar Ġenerali t'Għawdex — impjegati neqsin fil-wards
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati neqsin fil-wards tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex? X'inhuma l-gradi tagħhom u x'inhi n-natura tax-xogħol tagħhom? Hemm impjegati żejda f'sezzjonijiet oħra fl-isptar? Jekk hemm, tikkonsidra li jsir deployment aħjar tan-nies?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li fil-wards fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex jeżistu vakanzi fil-gradi ta' infermier u cleaner u li ma jirriżultax li hemm impjegati żejda f'sezzjonijiet oħra fl-isptar li jistgħu jagħmlu dan ix-xogħol.
Ċimiterju ta' Santa Marija — konċessjoni tal-oqbra l-ġodda
Question
Tista' l-Ministru tgħid meta se jsiru l-kuntratti għall-konċessjoni tal-oqbra l-ġodda fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija? Tista’ tgħid jekk ix-xogħol fuq dawn l-oqbra tlestiex? Jekk le, x’jonqos isir? Jekk iva, meta tlesta? X’jonqos isir biex dawn il-kuntratti jsiru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li fil-ġimgħat li ġejjin ser jiġu ffirmati l-kuntratti għall-konċessjoni tal-oqbra. Għar-rigward tal-permess jiena nfurmata wkoll illi fil-ġranet li ġejjin għandha tittieħed deċiżjoni finali mill-MEPA.
Minsteru għal Għawdex — spazji tal-bjut tal-binjiet
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il metru kwadru ta' spazju għandu l-gvern fid-dipartimenti/agenziji/awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru, fil-bjut tal-binja tiegħu? Kemm minn dan l-ispazju f'persentaġġ għandu photovoltaic cells? X'titjib kien hemm minn sentejn u nofs 'il hawn?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-bjut ta' dipartimenti/aġenziji/awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex għandhom spazju totali ta' madwar 45,700 metru kwadru. Dan l-ispazju mhux kollu hu adattat għal photovoltaic cells. L-ispazju f'persentaġġ li għandu l-photovoltaic cells jammonta għal 1.25% tal-ispazju kollu inkluż dak li ma hux ikkunsidrat adattat għal dan l-iskop. F'dawn l-aħħar xhur saret installazzjoni ta' 20KW Peak fuq il-bejt tal-Iskola Sekondarja tas-subien fi ħdan il-Kulleġġ ta' Għawdex u nħarġet offerta għall-installazzjoni ta' 40KW Peak.
Ministeru għal Għawdex — Xogħlijiet b'risq persuni b'diżabilità
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'ħidma u xogħlijiet saru b'riżq persuni b'diżabilità mill-Ministeru tiegħu f'kull uffiċċju u dipartiment li jaqa' taħt id-dekasteru tagħha f'din l-aħħar sena?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma t-80 proġett jew skema differenti b’rabta ma’ Eko-Għawdex li għandhom baġit ta’ €25 miljun fuq medda ta’ tliet snin? Tista’ tgħid kull proġett kemm se jiswa flus?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li t-80 miżura b'rabta ma' Eko-Għawdex huma dawk ippubblikati fid-Dokument 'Eco-Gozo: A Better Gozo. Proposed Action 2010-2012' imqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f'Ottubru 2009 waqt id-Diskors tal-Budget għas-sena 2010. Jiena nfurmata wkoll illi diffiċli wieħed jgħid minn issa kemm se tkun l-ispiża finali għall-implimentazzjoni kompleta tal-Pjan t'Azzjoni.
Tista' l-Ministru tgħid x’sar s’issa minn dak li għandu jsir taħt kuntratt għall-provvista, stallazzjoni, ittestjar u kummissjonar ta' apparat u servizzi anċillari tal-Biċċerija ta' Għawdex? X’jonqos isir fuq dan il-kuntratt? Meta mistennija terġa’ tiftaħ u topera kompletament din il-biċċerija?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li x-xogħol tal-kuntratt għall-provvista, stallazzjoni, ittestjar u kummissjonar ta' apparat u servizzi anċillari tal-Biċċerija ta' Għawdex huwa prattikament lest u li l-biċċerija se tiftaħ formalment fil-futur qarib.
Tista' l-Ministru tgħid meta beda x-xogħol fuq it-Triq tax-Xlendi, Għawdex? Tista’ tgħid meta tlesta kompletament?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol fuq it-Triq tax-Xlendi beda f'Ġunju 2010. Ix-xogħlijiet huma prattikament lesti għajr l-outfall tal-istorm water culvert u xi snags oħra. Huwa maħsub ukoll li f'din it-triq isiru xogħlijiet addizzjonali.