Legislature:
Category:
Reset
Active:

Karozzi reġistrati TFI

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn karozzi reġistrati bil-pjanċa TFI ? X'benefiċċji għandhom dawk li jkollhom karozza reġistrata bil-pjanċa TFI? Min jista' japplika għaliha? X'life time għandha din l-pjanċa u allura wara kemm tiġi riveduta il-pożizzjoni oriġinali li tapprova l-pjanċa TFI ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li hawn 806 vetturi liċenzjati bil-pjanċa TFI. Il-vetturi li jkollhom il-pjanċi bit-TFI għandhom it-taxxa tar-reġistrazzjoni mnaqqsa. Jista’ japplika kull ċittadin li jikkwalifika taħt il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni d’Diżabilità u kull applikazzjoni trid tintbagħat lill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni d’Diżabilità. Il-pjanċa bit-TFI tibqa valida sakemm is-sid li fuqha tkun ħarġet l-eżenzjoni jibqa s-sid ta’ dik il-vettura. Malli sid il-vettura jiddeċiedi li jbiegħ it-tali vettura, din l-eżenzjoni ma tibqax tapplika u trid titħallas it-taxxa tar-reġistrazzjoni addizjonali.

Żieda fuq il-liċenzja tal-vetturi bir-riforma l-ġdida

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa proġettat li sejjer idaħħal il-Gvern fi flus fis-sena 2009 mis-sena 2008 wara li bdiet tiġi implimentata ż-żieda fuq il-liċenzja tal-vetturi bir-riforma l-ġdida?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Tarzna ta' Malta — Ħaddiema Maltin u barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħaddiema Maltin kienu qed jaħdmu fit-Tarzna ta' Malta fl-aħħar ta' Lulju 2009? Jista' jgħid kemm kien hemm ħaddiema barranin jaħdmu fit-Tarzna ta' Malta f'dan l-istess perijodu ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar ta' Lulju 2009 kien hemm 399 ħaddiem it-Tarzna . Kollha kienu Maltin.

Tarzna ta' Malta — flus lejn il-pajjiż

Question

Jista' l-Ministu jgħid kemm ġabet flus lejn il-pajjiż bix-xogħol li kienet qed tagħti bħala servizz lill-klijenti tagħha barranin li kienu jagħmlu użu mill-istess servizzi li kienet toffri t-Tarzna ta' Malta fil-perijodi ta' bejn 1970-1980, 1980-1990, 1990-2000 u bejn l-2000 u l-2008?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Liberalizzazzjoni tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu jilliberalizza għal kollox it-trasport pubbliku?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li diversi setturi tat-trasport pubbliku kienu liberaliżżati fl-aħħar sena. Is-settur tal-Karrijiet tal-Mejtin u dak tat-trasport mingħajr skeda (jiġifieri l-Minibuses, il-Coaches, etc.) huma liberaliżżati. Kif issemma diversi drabi qabel, fil-każ tas-servizz bi skeda, ser jinħareġ it-tender internazzjonali x-xahar id-dieħel biex jiġi identifikat operatur.

Żwieġ bir-rit musulman ġewwa l-Moskea

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm iżżewġu nies bir-rit musulman ġewwa l-Moskea? Hemm xi proċedura stabbilita fejn dawn iż-żwiġijiet jiġu b'xi mod reġistrati u kontrollati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi ż-żwiġijiet kollha f'Malta u Għawdex jiġu amministrati mir-Reġistru taż-Żwiġijiet. Iċ-Ċerimonja reliġjuża kemm jekk issir b'rit Musulman kif ukoll jekk issir b'rit ieħor, hija ċerimonja privata bejn iż-żewġ partijiet.

Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili — fuel

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10320, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta l-prattiċi tal-kumpanija tal-ajru Ryanair li timla l-ajruplan bil-fuel huma u telgħin il-passiġieri ingħataw l-approvazzjoni tad-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili? Jista' l-Ministru jqiegħed kopja ta' din l-approvazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li d-dokument tal-operations manual huwa dokument privat u ta' natura kunfidenzjali u għalhekk ma jistax jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Min-naħa l-oħra qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-approvazzjoni tad-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili.

Malta Freeport — ftehim mas-CMA

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi ftehim sar mal-kumpanija CMA li qed tmexxi l-Malta Freeport? Jista’, b’mod partikolari, jgħid x’salvagwardji saru ma’ din l-istess kumpanija fejn jidħlu kumpaniji Maltin li jagħmlu użu mill-istess Freeport? Jista’ jpoġġi kopja ta’ dan il-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokumenti li qed jirreferi għalihom u l-informazzjoni li jrid minnhom jinsabu fl-arkivji tal-Parlament, liema dokument għandu dettalji dwar id-domandi l-oħra.

Dock Nru 1

Question

Peress li kien hemm applikazzjoni sabiex isir embellishment fl-area ta' madwar Dock 1, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet din l-applikazzjoni? Jekk diġà giet approvata, jista’ jgħid meta ser jibdew ix-xogħlijiet ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-applikazzjonijiet sabiex isir embellishment fl-area ta’ madwar Dock 1 qegħdin jiġu pproċessati mill-MEPA (PA 02287/09 u PA 02002/09). Dawn għadhom ma ġewx approvati

Proġett tal-White Rocks

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta waqaf li jsir użu tal-kumpless White Rocks? Fiex wasal il-proġett tal-White Rocks li kien ilu jiġi mwiegħed u minħabba fi prospetti ta’ żvilupp kien ingħalaq dan il-kumpless?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Marsaxlokk — Triq it-8 ta' Mejju - Binja Ħal-Ġinwi - tarmac

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9954 u jgħid meta l-Awtorità dwar it-Trasport se tagħmel l-arranġamenti tagħha biex Triq it-8 ta’ Mejju f’Marsaxlokk tingħata t-tarmac u jsiru l-bankini fuq in-naħa tal-Binja Ħal-Ġinwi biex jitnaqqas ir-riskju li meta tagħmel ħafna xita ma jerġgħux jispiċċaw taħt l-ilma l-garaxxijiet u l-bażijiet tal-lifts li hemm taħt l-istess binja li skont ir-risposta li ta l-Ministru tal-Politika Soċjali f'mistoqsija parlamentari 9697 "ir-residenti ma jixtiequx jaċċettaw il-handing over tal-lifts minħabba l-possibilità li jerġa' jseħħ għargħar u jagħmel ħsara fil-bażijiet tal-lifts”?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li qed isiru l-istejjem u l-koordinazzjoni neċessarji sabiex dan ix-xogħol jiġi kkunsidrat fil-pjan ta' xogħlijiet għax-xhur li ġejjin, dejjem meta jkunu allokati l-fondi meġtieġa u skond il-prijorita' ffissata.

Twelid ta' trabi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien it-twelid ta' trabi kull sena, f'Malta u Għawdex, fl-2004, 2005, 2006, 2007 u 2008? Kemm kull sena, f'dawn is-snin, kien il-persentaġġ ta' trabi li twieldu u li għandhom reġistrat fiċ-ċertifikat tat-twelid tagħhom unknown father? Jista' jgħid kif dan kollu hu mqassam lokalità, lokalità?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Twelid, mwiet u żwiġijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu rreġistrati lokalità lokalità f’Għawdex sena b’sena mill-2007 ‘l hawn twelidijiet, imwiet u żweġijiet? Jista’ jgħid kemm kien hemm separazzjonijiet fl-istess perijodu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li minħabba fiha fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, fejn f'residenza tkun tgħix persuna waħedha, qed jiġi indikat (fil-parti ta' kemm ikunu joqogħdu persuni f'dik l-abitazzjoni) li ma jkun qed jgħix ħadd f'dak l-indirizz minkejja li l-kontijiet preċedenti huma kollha mħallsa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Marsa — drenaġġ fi Triq is-Sajjieda

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tad-Drenaġġ huwiex konxju mill-problemi li qed jiffaċċjaw kontinwament ir-residenti ta' Triq is-Sajjieda, fil-Marsa li kull meta tagħmel ix-xita qawwija qed jispiċċaw bit-triq mgħarrqa bid-drenaġġ b'konsegwenza ta' periklu għal saħħithom u bosta inkonvenjenzi oħra? Jista' l-Ministru jordna lid-dipartiment jieħu bis-serjetà din is-sitwazzjoni u jirrimedjaha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma hija konxja ta' dawn il-problemi. Dan jiġri għaliex ilma mill-bjut mqabbda illegalment mas-sistema tad-drenaġġ iżid l-ammont tal-ilma li jgħaddi mill-mains tad-drenaġġ, liema ammont xi drabi, meta tagħmel xita qawwija, jkun akbar mill-kapaċità li jifilħu dawn il-mains. Il-Korporazzjoni qed taħdem fuq pjan nazzjonali biex telimina dawn il-problemi. L-ewwel fażi ta' dan il-pjan għaddejja bħalissa bit-tkabbir tal-Pumping Station tal-Marsa.

Arblu quddiem garaxx

Question

Jista' l-Ministru jara li l-arblu li qiegħed quddiem garaxx li dettalji tiegħu qedgħin jinbagħtu separatament, li huwa ta' ostaklu, jitressaq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret mill-Enemalta ma jirriżultax li l-arblu msemmi qiegħed jostakola l-entratura tal-bini.

informazzjoni dwar ix-xiri ta' fuel tal-petrol stations

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti il-ftehim li għandha l-Korporazzjoni Enemalta fil-bejgħ tal-fuel lil petrol stations li jeżistu madwar Malta u Għawdex? Jista' jgħid kif qed iħallsu għall-fuel li qed jixtru s-sidien tal-petrol stations? Liema huma l-petrol stations li qed jixtru bi spiża ogħla u dan għaliex?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

tlestija ta' bankina fi Triq il-Missjunarji Maltin, Mosta

Question

Jista' l-Ministru jieħu passi sabiex bankina f'Triq il-Missjunarji Maltin, Mosta li għadha mhix lesta, tkun finalment lesta? Illum din il-bankina li qed tidher mhix lesta f'salib it-toroq fejn hemm il-Monument tal-Missjunarji Maltin qed toħloq inkonvenjent u periklu għal dawk li jkunu mixjin fuqha.

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lill-ADT.

tiswija fuq il-bankina ta' Triq Pantar limiti tal-Mosta

Question

Jista' l-Ministru permezz tal-Awtorità dwar it-Trasport jieħu l-passi meħtieġa sabiex Triq Pantar, parti minnha fil-limiti tal-Mosta, Ħal Lija u Ħ'Attard isiru s-sinjali ta' toroq u fil-ġnub tat-triq isiru bankini sabiex tinħoloq protezzjoni għal dawk li jimxu f'din it-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lill-ADT.