Peress illi l-konjugi li dettalji tagħhom qed jintbagħtu seperatament li jgħixu flimkien maż-żewġt itfal maġġorenni tagħhom u li waħda minhom għamlet żmien reġistrata bħala single mother matul is-sena 2009, biss mill-24 ta' Settembru 2009 'il quddiem bdiet taħdem bħala għalliema u m'għadhiex iktar fuq l-għajnuna soċjali u li fis-sena 2009 din irċeviet total ta' mhux iktar minn €40 bħala benefiċċju tal-enerġija u la din u lanqas il-ġenituri tagħha ma rċevew l-allowance ta' €155 li jirċievu dawk li mhumiex fuq l-għajnuna soċjali (kalkolu fuq ħames persuni) u minkejja li sar rapport anke lid-Dipartiment tal-Għajnuna Soċjali f'dan is-sens biex dawn jieħdu l-allowance li rċieva kulħadd, dawn sal-lum ma rċevew xejn, jista' l-Ministru jara l-każ tagħhom biex dawn jirċievu l-allowance ta' €155 skont kif ħaqqhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jispjega għaliex persuni li għandhom is-sistema ta' photovoltaics panels fir-residenza tagħhom stallata u approvata mill-Korporazzjoni Enemalta u mill-awtoritajiet kompetenti ilhom xhur twal ma jirċievi kontijiet mill-Arms Ltd jew mill-Korporazzjoni Enemalta u minkejja t-talbiet tagħhom dawn xorta ġew injorati?
Response (FENECH, TONIO)
Nixtiequ ninfurmaw lill-Onor. Interpellant li wara li rċeviet il-klarifikazzjonijiet neċessarja minn għand l-Enemalta u l-MRA, preżentament ARMS Ltd. qiegħda fil-proċess li tittestja l-konfigurazzjoni fis-sistema relatata mal-ħruġ tal-kontijiet għal-konsumaturi li għandhom il-photovoltaic panels (net metering) installati. In-numru ta’ klijenti li għandhom installati dawn il-pannelli, huwa ta 173.
Huwa maħsub li hekk kif it-testijiet neċessarji jiġu kkonfermati li huma aċċetabli, il-kontijiet ibbażati fuq il-mudell tal-
net metering
, jiġu maħruġa fl-aħħar t’Ottubru.
Provvista ta' servizzi lis-Settur Pubbliku u lis-Servizz Pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt ingħata taħt il-proċedura negozjata għall-provista ta’ servizzi, ħwejjeġ (goods) u xogħlijiet lis-Servizz Pubbliku u lis-Settur Pubbliku separatament kull sena mill-2004 ’l hawn? X’kienu s-servizzi, xogħlijiet eċċ. provduti f’kull każ? Kemm kien il-valur ta’ kull kuntratt? Jista’, jekk jogħġbu, jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-Gazzetta tal-Gvern?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm investiment barrani dirett f’Għawdex fl-aħħar tal-2009 u fl-aħħar ta’ Marzu, fl-aħħar ta’ Ġunju u fl-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi minħabba li n-numri ta’ intrapriżi f’Għawdex għall-finijiet ta’ investiment barrani dirett huwa relattivament zgħir, l-NSO hu marbut bil-kunfidenzjalità milli joħroġ dawn l-ammonti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il konċessjoni ta’ privattiva ngħatat din is-sena sal-aħħar ta’ Settembru? Kemm minnhom saru minn applikanti Għawdxin? X’kien is-suġġett/prodott/attività/eċċ .ta’ kull konċessjoni?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta’ min jgħid li din is-sena ngħataw 9 lill-applikanti barranin u 9 lill-applikanti Maltin. Ma ngħatat l-ebda privattiva lill-applikanti Għawdxin.
kumpaniji mwaffqa permezz ta' għajnuna finanzjarja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kumpaniji twaqqfu f’Għawdex kull sena mill-1999 sal-2009 u din is-sena sal-aħħar ta’ Settembru b’għajnuna finanzjarja jew fiskali tal-MDC/Malta Enterprise ? Jista’ jgħid x’tip ta’ għajnuna ngħatat kull kumpanija u kemm hija l-għajnuna li ngħatat? Jista’ jagħti l-istess tagħrif għal Malta ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ kumpaniji ġodda li ġew approvati f’Għawdex mill-2004 sa llum huma 16, fil-waqt li f’Malta ġew approvati 155 proġett ġdid. (Rekords ta' żmien l-MDC m'humiex aċċessibli). L-ismijiet ta’ dawn il-kumpaniji flimkien mas-settur li joperaw fihom qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dawn il-kumpaniji bejniethom ibbenefikaw mill-inċentivi kollha li toffri l-Malta Enterprise. Iżda l-informazzjoni dwar x’assistenza ġiet mogħitija hija ta’ natura kunfidenzjali u koperta bis-sigretazza taħt Kap. 33 tal Business Promotion Act u Kap. 21 tal-Malta Enterprise Act.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa mill-1 ta’ Novembru 2009 sal-lum fuq inċentivi għall-industrija f’Għawdex? Għal liema sena/snin ta’ operat kienet in-nefqa? Kemm kumpaniji bbenefikaw minn dawn l-inċentivi? Kemm hemm għotjiet li huma approvati u għadhom ma tħallsux? Għal liema snin huma u kemm hu l-ammont għal kull sena? Meta huwa mistenni li jitħallsu?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tingħata fil-Mistoqsija Parlamentari numru 19891.
In-numru ta’ għotjiet li huma approvati u għadhom ma tħallsux huwa ta' 7. Dawn l-applikazzjoni qed jiġu proċessati u se jkunu finalizzati fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-iskemi ta' għajnuna tal-Malta Enterprise għal Malta u għal Għawdex separatament minn Awwissu 2009 sal-lum? Kemm kienu u x'kienu l-benefiċjarji ta' dawn l-iskemi f'Malta u Għawdex separatament? Kemm intnefqu flus kull sena fl-istess perjodu fuq dawn l-iskemi f'Malta u Għawdex separatament? Kemm minnhom kienu fondi Ewropej?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport konċiż, tal-iskemi kollha amministrati mill Malta Enterprise matul l-2009 u l-2010 b’dettalji dwar kemm kumpaniji ibbenefikaw minn kull skema, u kemm fondi ġew allokati għal kull skema.
It-total ta’ għotjiet (
grant assistance
) approvati mil-Malta Enterprise matul dan il-perjodu jammonta għal €29.5 miljun ewro lil 1,190 kumpanija, li minnhom €23 miljun kienu fondi mill-Unjoni Ewropeja. Minnhom €2.07 miljun ġew allokati li 91 intrapriża Għawdxija. Inklużi ma' dawn il-Malta Enterprise tapprova ukoll madwar €40milljun fis-sena fi krediti ta’ taxxa taħt 6 skemi li jaqgħu taħt l-Att tat-Taxxa u li għalhekk jiġu irrappurtati sentejn b’lura.
intrapriżi u s-self-employed li kkwalifikaw mill-40% kreditu ta’ taxxa
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-intrapriżi u s-self-employed li jħaddmu sa massimu ta’ 10 persuni f’Malta u f’Għawdex b’mod separat, li kkwalifikaw mill-40% kreditu ta’ taxxa, sa massimu ta’ €25,000 li kien tħabbar fid-diskors tal-Budget 2010 ? Jista' jgħid kemm minnhom joperaw f’Malta u kemm joperaw f’Ghawdex ?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 19905.
Kunsill Konsultattiv għall-Intrapriża — informazzjoni dwar il-membri
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Kunsill Konsultattiv għall-Intrapriża, x’inhi r-rimunerazzjoni tagħhom u kemm-il laqgħa saret ta’ dan il-kunsill matul l-ewwel disa' xhur ta’ din is-sena ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-lista tal-membri tal-Kunsill Konsultattiv għall-Intrapriża qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-membri tal-Kunsill ma jieħdux rimunerazzjoni. L-ewwel laqgħa saret fit-28 ta’ Lulju u l-laqgħa li jmiss hija ppjanata għat-3 ta’ Diċembru.
Malta Enterprise — punt ta’ riferiment uniku għall-intrapriża
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta twaqqaf il-punt ta’ riferiment uniku għall-intrapriża fi ħdan il-Malta Enterprise li qed jagħti ukoll assistenza fuq il-programmi tal-Unjoni Ewropea ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi Malta ilha tonora l-obbligi tagħha fir-rigward tad-direttiva dwar is-servizz ta’ punt ta’ riferiment uniku għall-intrapriża sa mit-28 ta’ Dicembru 2009.
Dan l-obbligu għadda fi ħdan il-Malta Enterprise wara ristrutturar intern, b’effett minn Marzu 2010. Għal servizz aħjar ġie mwaqqaf ukoll dipartiment fi ħdan l-istess Korporazzjoni nkarigat mit-twaqqif ta’ Business Support Centre li ser jaġixxi kompletament bħala punt ta’ riferiment uniku għall-intrapriża. Minn Marzu li għadda s’issa, il-ħaddiema f’dan id-Dipartiment bdew jiġu mħarrġa sabiex ikunu jistgħu jaqdu aħjar lill-intrapriżi.
Ġew ukoll iffirmati numru ta’ Service Level Agreements ma’ numru ta’ Dipartimenti u Aġenziji oħra tal-Gvern sabiex il-punt ta’ riferiment uniku jkun jista’ jagħti l-aqwa servizz lill-intrapriżi fl-iqsar żmien possibbli.
Jista' l-Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu matul l-aħħar disa' xhur biex tiġi żviluppata Taxpayer’s Charter?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fl-ewwel xhur ta’ din is-sena l-Ministeru żviluppa Taxpayer Charter Draft. Dan ġie ppreżentat bħala consultation document mal-Pre-Budget Document li l-Ministru ppreżenta f’Lulju li għadda.
Barra dan, il-Ministeru kiteb lil numru ta’ korpijiet kostitwiti li fl-opinjoni tiegħu għandhom interess dirett f’dan iċ-Charter fejn stieden ir-reazzjonijiet u l-kummenti tagħhom.
Bħalissa għadhom qegħdin jinġabru dawn ir-reazzjonijiet u kummenti. Hekk kif dawn jaslu, għandhom isiru numru ta’ laqgħat mal-partijiet interessati u finalment joħroġ iċ-Charter.
Fond Nazzjonali għall-Investiment — informazzjoni dwar il-membri
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Fond Nazzjonali għall-Investiment, meta inħatru, x’inhi r-rimunerazzjoni tagħhom u kemm-il darba saru laqgħat ta’ dan il-fond matul l-ewwel disa xhur tas-sena? Jista' l-Ministru jgħid jekk dan il-fond għandux kumitati u f’każ li iva, jagħti l-istess dettalji dwarhom ?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol fuq it-twaqqif tan-National Investment Fund għadu għaddej, u d-dettalji se jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin.
kawżi u x-xejriet fil-prezzijiet — rapporti mħejjija
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport tħejja mill-Ministeru tal-Finanzi matul l-ewwel disa' xhur ta’ din is-sena dwar il-kawżi u x-xejriet fil-prezzijiet tal-importazzjoni, l-esportazzjoni, l-assi, u l-prodotti u s-servizzi bl-imnut, u dwar kif dawn qed jolqtu lill-konsumaturi u lill-intrapriżi? Jista' l-Ministru jgħid meta ġew ippubblikati u jekk ingħatawx lill-imsieħba soċjali għad-diskussjoni fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi f’Lulju ta’ din is-sena ġie ppubblikat l-Inflation Report mid-Dipartiment tal-Politika Ekonomika, fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investment. Dan ir-rapport janalizza x-xejriet fl-inflazzjoni mill-2004 u jħares b’mod dettaljat lejn żviluppi iktar riċenti matul l-aħħar kwart tal-2009 u l-ewwel kwart ta’ din is-sena. Kif imħabbar fid-diskors tal-Baġit tal-2010, minbarra żviluppi fil-prezzijiet għall-konsumatur (RPI u HICP), dan r-rapport iħares ukoll lejn żviluppi fil-prezzijiet tal-assi, tal-produzzjoni, tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni. Ir-rapport jistudja ukoll l-fatturi makro-ekonomiċi li jaffettwaw l-inflazzjoni u jistudja l-iżviluppi fl-inflazzjoni domestika fil-kuntest ta’ żviluppi ekonomiċi internazzjonali.
Dan ir-rapport ġie imqassam lill-membri tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali. Kopja ta’ dan ir-rapport tista’ tinġieb minn kulħadd, mingħajr ħlas, mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-privatizzazzjoni tal-Oil Tanking wara li ilu li tħabbar aktar minn sena li se jibdew negozjati mal-prefered bidders?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Malta Freeport Corporation biegħet is-sehem ta' l-isthma fl-Oil Tanking fit 2 ta' Awwissu 2007 u l-gvern ma fadallu l-ebda shareholding.
Enemalta Corporation u l-Water Services Corporation — ħlas għall-programm SAP
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħallsu l-Enemalta Corporation u l-Water Services Corporation għall-programm SAP?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-ammont li l-Korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qegħdin iħallsu lill-IBM għall-programm (software licenses) ta’ SAP huwa ta’ €2,750,580 fuq medda ta’ erba' snin.
Dan jinkludi, is-sistemi tal-
Customer
Relations
Management
, is-sistema tal-Billing, is-sistemi tal-Enterprise Resources Management u s-sistemi tal-Enterprise Asset Management.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19667, jikkonferma l-Ministru li l-programm SAP huwa aktar slow mill-programm elettroniku li kien jintuża qabel mill-Korporazzjoni Enemalta u mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-programm tas-SAP jintegra il-funzjonijiet kollha tal-Customer Relations Management, mas-sistema tal-Billing u mal-financial platforms taż-żewġ korporazzjonijiet apparti sistemi oħra relatati mal-konsumatur. Dan ifisser li meta tinġabar l-informazzjoni, trid tkun kompluta ħalli jkun hemm integrita sħiħa tal-informazzjoni u tal-proċessi.
Il-Gazzetta tal-Gvern bid-data 4 ta' Awwissu 1961 ippubblikat 45 territorji esproprijati, jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn ġew imħallsin? Kemm hemm minnhom li t-trattativi quddiem il-board tal-esproprijazzjoni spiċċaw u għalhekk huma konklużi però l-bord għadu ma tax sentenzi finali? Dan l-atteġġjament qed jinblokka l-proċeduri neċessarji biex il-proprjetarji jkunu jistgħu japplikaw il-Qorti ta' Strasbourg peress li l-Konvenzjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem hemm klawsola f'Artiklu 35 li tgħid: "The court may only deal with the matter after all domestic remedies have been exhausted, according to the generally recognized rules of international law and within a period of six months from the date on which the final decision was taken"? Ma jidhirlux l-Ministru li dan huwa atteġġjament abbużiv kontra d-demokrazija li tant niftaħru biha?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern ta’ kull sena qed jalloka ammont ta’ flus fil-Budgets tiegħu fejn dawn imorru speċifikament għal ħlas ta’ art esproprijata. Dan se jibqa’ jsir sakemm għal dawk il-kuntratti u/jew artijiet li kienu esproprijati fil-passat, is-sidien jiġu kkumpensati. Mill-1993 'il hawn, il-gvern beda jħallas mill-ewwel għal kull espropriazzjoni li saret bil-prezz tas-suq sabiex ma jerġax jiġri dak li ġara fil-passat.
Sistema komputerizzata fid-Dipartiment tal-Artijiet
Question
B'referenza għall-kuntratt mogħti mid-Dipartiment tal-Artijiet dwar is-sistema ta' kompjuterizzazzjoni tad-Dipartiment tal-Artijiet, jista' l-Ministru:
a) jpoġġi tali kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra?
b) jgħid kemm kien hemm offerti għall-istess kuntratt u kemm kienu l-valuri tal-offerti magħmula minn kull wieħed?
ċ) min kienu l-kumpaniji li tefgħu l-offerti?
Jista' jgħid jekk id-dipartiment talabx lill-MITA biex tagħmel is-sistema ta' kompjuterizzazzjoni tad-dipartiment? Jekk iva, għaliex din l-entità pubblika ma ngħatatx il-kuntratt? Jekk ma kenitx imsejħa biex tagħmel offerta, qatt ġiet konsultata biex l-aħjar sistema tkun assigurata?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm 8 offerti għal għoti tal-kuntratt dwar is-sistema ta’ kompjuterizzazzjoni fid-Dipartiment tal-Proprjeta’ tal-Gvern. Dawn il-kumpaniji kienu:
1. Datatrak IT Services Ltd
2. Megabyte
3. Computime/Wealth Management Software
4. International Land System/Integrated Business System
5. Ernst & Young Corporate Finance Ltd/Computer Aided Technologies Ltd/Openplan SRR
6. Design Computer Aids Ltd – DeCAL
7. PEK Alliance
8. MRI/Computer Solutions Ltd
Ta’ min jgħid li s-sejħa għall-offerti ħarġet mid-Dipartiment tal-Kuntratti fit-18 ta’ Frar 2003. Id-Dipartiment tal-Kuntratti ħareġ Letter of Intent lill-Best-ranked bidder li kien d-Datatrak IT Services Ltd fit-12 ta’ Novembru 2004 u rapport tal-evalwazzjoni tlesta fl-24 t’Ottubru 2005. Il-Kuntratt ġie mogħti lid-Datatrak IT Services Ltd fl-14 ta’ Settembru 2009 u ġie iffirmat fis-26 ta’ Jannar 2010.
Peress li t-
tender
ta’ dan il-kuntratt kien fiha diversi taqsimiet, il-valuri li ntefgħu mill-kumpaniji rispettivi huwa skont kif huwa elenkat fit-tabella annessa. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra estratt mill-
Evaluation Report
li sar fl-24 t’Ottubru 2005 li juri l-
Final Ranking
skont l-
Evaluation Criteria Scoreboard
tal-kumpaniji li kienu qed jiġu kkunsidrati għal għoti ta’ dan il-kuntratt.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MITA ġiet konsultata mill-bidu nett fit-tfassil, l-analiżi u d-diżinn ta’ dan il-proġett, kif ukoll, kienet involuta fil-proċess tal-għażla u t-tfassil tal-kuntratt.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Kuntratt mogħti dwar is-sistema ta’ kompjuterizzazzjoni, kif mitlub mill-Onorevoli Membru.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17857 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u ċioe: Fid-dawl li issa sar magħruf li l-Horizons Terminals Ltd temmet in-negozjat tagħha mal-Gvern ta' Malta fejn mistennija tagħmel terminal ġdid f'pajjiżna għall-ħażna taż-żejt, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanta fejn mistenni jsir dan il-proġett u jimmarka fuq l-istess pjanta l-estensjoni tal-power station u l-Freeport?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19306.