Legislature:
Category:
Reset
Active:

Proġett ta' Dock 1 u Xatt ir-Risq — Club tar-Regatta ta' Bormla

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-club tar-Regatta ta’ Bormla hux ser ikun milqut meta jsir xogħol marbut mal-proġett ta’ Dock 1 u Xatt ir-Risq ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-bini tal-Club tar-Regatta ta' Bormla ser ikun inkorporat fil-proġett ta' Dock 1 u Xatt ir-Risq b'mod li ma jintilfu xejn mid-drittijiet enfitewtiċi li għandu l-club.

Flus dovuti minn klabbs u assoċjazzjonijiet sportivi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-ammonti ta' flus li huma dovuti minn klabbs u l-assoċjazzjonijiet tagħhom fi ħlasijiet tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma skond id-dixxiplini sportivi differenti, kif kienu fl-aħħar ta' Awwissu 2009?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-sistema preżenti ma toffrix il-faċilità li toħroġ ir-rapport mitlub mill-Onorevoli Interpellant u għalekk mhux possibli li jinħareġ rapport fejn jiġi stabbilit l-ammont ta’ flus dovuti minn klabbs u assoċjazzjonijiet tagħhom rigward kontijiet tad-dawl u l-ilma.

San Pawl il-Baħar — Bozza

Question

Billi xi ġimgħat ilu kien hemm inċident tat-traffiku fi Triq San Pawl (hekk kif titla' mill-Veccia) li fih arblu tad-dawl tkisser u kellu jinbidel iżda l-bozza li kienet imwaħħla fuqu ma reġgħetx tqegħdet, jista' l-Ministeru jieħu l-passi neċessarji biex din il-bozza terġa' titwaħħal?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-bozza msemmija issa reġgħet twaħħlet.

Tenders għall-kostruzzjoni ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq ħerġin, jew ser joħorġu għalihom fil-futur qarib, tenders għall-kostruzzjoni tagħhom fis-7, 11 u 12-il distrett elettorali, raħal, raħal?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Melita Cable — għoli ta' tariffi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kull meta jkun hemm żidiet tal-Melita Cable dawn ikunux ġew approvati mill-Awtorità tal-Komunikazzjoni? Jista’ jgħid ukoll kemm-il darba l-Melita Cable talbet li tgħolli t-tariffi għas-servizz tal-cable mill-2008 sal-lum? Kemm minnhom ġew approvati mill-Awtorità?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-regolamenti li japplikaw għal dan is-settur, kif konformi mal-liġi Ewropeja, ma jikkontemplawx ir-regolament ta’ dan is-suq, ħlief f’każijiet eċċezjonali. Intervent ta’ dan it-tip fil-fatt jirrikjedi l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropeja. Fl-aħħar analiżi tas-suq tat-trażmissjonijiet tat-televiżjoni li saret mill-Awtorità, instab li dan is-suq huwa kompetittiv u għalhekk ma mponiet l-ebda rimedju fuq l-operaturi f‘dan is-suq. Kif spejgajt qabel, Melita Cable ma talbitx permess li tgħolli t-tariffi, u ma kellha l-ebda obbligu tagħmel hekk. Għaldaqstant l-Awtorità ma approvat l-ebda tariffa.

talbiet għal tibdil fl-isem

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern jikkonsidrax li jagħti dritt lil kull ċittadin li jibdel ismu (prenom) imqar darba matul ħajtu? Kemm saru rikorsi għal bidliet fl-isem quddiem il-Qorti ta' Reviżjoni ta' Atti Notarili sena b'sena fl-aħħar sentejn u kemm minnhom intlaqgħu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ċ-Ċertifikat tat-Twelid ta’ kull ċittadin ma jistax jinbidel arbitrarjament imma b’rikors quddiem il-Qorti skont il-proċeduri stabbiliti fil-Kodiċi Ċivili u m’hemmx limitu ta’ kemm-il darba wieħed jista’ jissottometti rikors bħal dan. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-lista ta' rikorsi li saru fil-qorti għal tibdil fl-isem u/jew kunjom, kemm minhom ġew aċċetati u x'hemm pendenti.

possibilità li jitqiegħed pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija

Question

Jista' l-Ministru jiddikjara meta se jiġi attwat dak li kien iddikjara wieħed mill-predeċessuri tiegħu, ossija l-ex Ministru Josef Bonnici meta kien qal fit-12 ta' Settembru 1999 li "l-Gvern qiegħed jistudja l-possibilita' li jitqiegħed pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija bl-iskop li l-power stations tal-Marsa u Delimara jibdew jaħdmu bil-gass minflok bil-fuel"? Wara iktar minn għaxar snin, il-Gvern għadu qed jistudja din il-possibilità?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-istudju li sar fl-1999 indika li ma kienx se jkun ekonomikament viabbli li jitqiegħed pipeline tal-gass f’Malta. Minħabba iċ-ċirkustanzi mibdula fl-ekonomija l-Enemalta għaddejja minn studju ieħor li dalwaqt ser jikkonkludu fuq dan is-suġġett.

ilma mill-mina ta' Santa Venera

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni għall-ammont kbir ta' ilma li ippenetra mill-ħitan u s-saqaf tal-mina tal-bypass ta' Santa Venera?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi raġuni li minħabba fiha ppenetra ammont kbir ta' ilma fil-mina tal-bypass ta' Santa Venera għada mhix magħrufa; però ninsab infurmat illi wara nvestigazzjonijiet li għamlet il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma sew fuq is-sit kif ukoll minn analizi fil-Laboratorju rriżulta li l-ilma ma kienx la ilma tax-xorb u l-anqas xi żbroff tad-drenaġġ. Madanakollu, l-investigazzjonijiet għadhom għaddejja.

Awtorità dwar it-Trasport — trasferiment tal-uffiċċji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11006 u jikkonferma li l-uffiċċju tal-Awtorità dwar it-Trasport se jiġu trasferiti għall-Maritime Centre fil-Marsa? Jekk fl-affermativ, kemm hi l-kera li titħallas bħalissa għall-uffiċċji u kemm se tkun il-kera l-ġdida?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — sorsi alternattivi ta' enerġija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 11022 u 10303, u jagħti s-segwenti informazzjoni: 1) X'kienu l-inizjattivi li ħa l-Ministru u dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu biex jutilizzaw alternative sources of energy fl-uffiċini u dipartimenti tagħhom rispettivament? 2) X'tip ta' teknika ġiet utilizzata minn kull dipartiment li implimenta tali inizjattivi? 3) Fejn ġew implimentati tali inizjattivi, jekk dawn ġewx effetwati billi inħarġet call for tendering jew jekk ix-xogħol ingħatax permezz ta' direct order? 4) F'kull każ jekk b'direct order u/jew b'sejħa għall-offerti kemm kien l-ammont ta' kull tender jew direct order? 5) Lil liema kumpanija jew persuna ingħatat kull tender jew direct order? Din l-informazzjoni qed tiġi mitluba għas-snin 2007, 2008 u sal-aħħar ta' Mejju 2009.

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Economic Financial Report 2008 — Nefqa rikorrenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 11090 u 10336 u ċioe: Peress li mir-rapport finanzjarju tal-awditur jiġifieri l-Economic Financial Report 2008 jirriżulta li l-Ministru nefaq €101 miljun aktar f'nefqa rikorrenti fuq dik oriġinarjament approvata fl-estimi għas-sena 2008, jista' jagħti spjegazzjoni dettaljata ta' din in-nefqa rikorrenti addizzjonali għal sena waħda?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ( l-Awditur tal-Gvern) ma ħareġ l-ebda rapport bħal dak li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant.

direzzjoni different għat-traffiku dieħel u ħiereġ mill-Mosta

Question

Jista' l-Ministru permezz tal-Awtorità dwar it-Trasport jieħu in konsiderazzjoni tal-proposta li la darba fil-Mosta, Triq Indipendenza u Triq il-Kungress Ewkaristiku ġew reġistrati bħala toroq li fihom hemm ċertu livell ta' inkwinament tal-arja minħabba l-flow tat-traffiku, għal Novembru u Diċembru li ġej bi prova l-flow ta' traffiku fil-Mosta tinbidel b'mod li : (i) t-traffiku li jkun dieħel fil-Mosta jibda dieħel minn Triq il-Kungress Ewkaristiku, (ii) t-traffiku mill-pjazza ewlenija jibqa' joħroġ lejn in-Naxxar kif inhu fil-preżent sa Triq il-Kbira, (iii) t-traffiku mill-Imġarr jidħol fil-Mosta minn Triq il-Kbira lejn Pjazza Rotunda kif inhi fil-preżent u (iv) t-traffiku mill-pjazza lejn San Pawl il-Baħar u minn San Pawl il-Baħar lejn il-pjazza jibqa' kif inhu fil-preżent minn Triq il-Kostituzzjoni? Din il-proposta qed nagħmilha bil-ħsieb li noffri possibilità alternattiva għat-traffic flow fil-preżent, bil-ħsieb li jonqos l-inkwinament f'dawn it-toroq. Din il-proposta qed issir bi prova għax-xhur ta' Novembru u Diċembru biex hekk ikun ikkalkolat x'bidla tkun qed issir kemm f'dak li hu inkwinament kif ukoll kummerċ.

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Awtorità dwar it-Trasport — e-mails pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm e-mails pendenti quddiem l-Awtorità dwar it-Trasport, li saru mill-1 ta' Jannar 2009 sal-lum, li jikkonċernaw talbiet għal xogħlijiet fit-toroq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Awtorità dwar it-Trasport — e-mails risposti mill-customer care

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-e-mails li waslu għand il-Customer Care ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport mill-1 ta' Jannar 2009 ġew risposti u ttieħdet azzjoni fir-rigward tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Persuni li tressqu għall eżami tal-liċenzja tas-sewqan

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li tressqu għall-eżami tal-liċenzja tas-sewqan is-sena l-oħra u din is-sena? Kemm għaddew? Kemm weħlu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li li in-numru ta' persuni li tressqu għall-eżami tal-liċenzja tas-sewqan is-sena l-oħra u din is-sena kien; Total ta’ testijiet Għaddew M’għaddewx 2008 11792 5457 6335 2009 (sa 30 ta’ Gunju 2009) 5755 2668 3087

Proġett ta' Bieb il-Belt — ħlas

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallas l-arkitett ta' fama internazzjoni li ismu jidher separatament, tax-xogħol li għamel s'issa għall-proġett ta' Bieb il-Belt eċċ.? Kemm hu mistenni li jitħallas għax-xogħol professjonali kollu? Jista' jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li sar bejn il-Gvern Malti u l-Arkitett?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ammont dovut lil RPBW għall-ewwel stadju tas-servizzi li huwa l-ischematic design huwa ta € 1,320,000. Għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid kemm hu mistenni li jitħallas għax-xogħol kollu peress li dan jiddependi mix-xogħol li jkun għamel u kemm ġie jqum. Il-kuntratt ma jistax jiġi pprovdut għax huwa ta' natura kummerċjali u kunfidenzjali.

Proġett ta' Bieb il-Belt — flus fuq marketing

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus s'issa bħala parti mill-marketing tal-proġett ta' Bieb il-Belt, jiġifieri avviżi fuq il-ġurnali, mail shots eċċ.?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ammont li ntefaq bħala parti mill-marketing tal-proġett ta’ Bieb il-Belt, sal-31 ta’ Lulju 2009 jammonta għal € 46,343.60.