Peress li fis-sala tal-irġiel hemm għadd ta' buzzers li ma jaħdmux u ħafna pazjenti qed ikollhom diffikultajiet kbar biex jinfurmaw lill-istaff bil-bżonnijiet tagħhom fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, tista' l-Ministru tara li dawn il-buzzers jissewwew jew jiġu mibdula?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li ma hemmx ħsarat fis-sistema tan-nurse call li hi stallata fis-sala ġenerali tal-irġiel.
Għawdex — ħolqien tax-xogħol u titjib fir-riżorsi umani
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29391 dwar ir-rapport li ġie kkummissjonat biex janalizza s-sitwazzjoni preżenti u jagħti pariri dwar strateġija marbuta mal-ħolqien tax-xogħol u t-titjib tal-ħiliet tar-riżorsi umani f’Għawdex, tista’ l-Ministru tgħid meta mistenni li jitlesta l-proċess ta' konsultazzjoni mal-entitajiet konċernati, fosthom il-Malta Enterprise u l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 29391.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk uffiċjali tal-Ministeru tagħha attendewx konferenzi, eċċ tas-CIPD Conference matul din is-sena sal-aħħar ta’ Ottubru? Jekk iva, min huma l-uffiċjali li attendew? Għalxiex attendew? Kif ġew magħżula? X’kienet in-nefqa f’kull każ?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li d-Direttur Ġenerali (Operations) attenda konferenza organizzata mis-CIPD matul din is-sena sal-aħħar ta' Ottubru. Għall-kumplament tal-mistoqsija nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 14219.
Skola speċjali ta' Sannat — tfal esposti għal elementi mingħajr tined
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26586 dwar it-tinda fl-iskola speċjali ta' Sannat, Għawdex peress li din l-istess tinda għadha ma saritx u allura it-tfal li jattendu din l-iskola speċjali qegħdin esposti għall-elementi sakemm jidħlu u joħorgu mill-iskola, u minħabba li dan ix-xogħol ilu snin biex isir u għadu ma sarx u allura l-inkonvenjent qed jikber għax hawn qed nitkellmu fuq tfal b'diżabilità, tista' l-Ministru tara li dan ix-xogħol isir kemm jista' jkun malajr?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li t-tinda fl-Iskola Speċjali ta' Sannat saret, u fil-fatt it-tfal diġà qed jużaw din l-entratura biex jidħlu fl-iskola. Fadal biss li jsiru l-aperturi tal-aluminju. Qed jittieħdu passi sabiex dawn isiru fl-iqsar żmien possibbli.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm tobba u speċjalisti li bħalissa qed jagħtu s-servizz tagħhom fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li n-numru ta' konsulenti u tobba li jagħtu s-servizz tagħhom ġewwa l-Isptar Ġenerali t'Għawdex huma kif ġej:
Numru ta' tobba stazzjonati ġewwa l-Isptar: 16 General Practitioners
Numru ta' konsulenti stazzjonati ġewwa l-Isptar: 12
Numru ta' Senior Registrars stazzjonati ġewwa l-Isptar:2
Numru ta' tobba li jiġu regolarment minn Malta: 2 (1 General Practitioner, 1 Senior Registrar)
Numru ta' konsulenti li jiġu regolarment minn Malta:12.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 29762 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u issa ġiet riferuta lilha u ċioe: Peress li in vista tar-riforma tat-trasport pubbliku ħafna tfal f'diversi rħula f'Għawdex qed ikollhom problemi biex jirritornaw id-dar, tista' l-Ministru tgħid u tispjega x'inhu jiġri u kif dawn it-tfal jitwasslu d-dar kif kien jiġri qabel ir-riforma?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li s-servizz tat-trasport tat-tfal tal-iskola dejjem kien u għadu servizz privat u mhux parti mis-servizz tat-trasport pubbliku.
Ma jirriżultawx ilmenti dwar dan is-servizz privat.
Tista' l-Ministru tagħti lista ta' kuntratti mogħtija fl-ewwel disa' xhur ta’ din-sena lill-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament? Tista' tgħid fiex kien jikkonsisti kull kuntratt? Minn min ingħata u jekk ingħatax wara sejħa għall-offerti jew b'direct order? Tista' tgħid x'kien il-ħlas mogħti għal kull kuntratt?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li ma ngħataw l-ebda kuntratti fl-ewwel disa' xhur ta' din is-sena lill-kumpaniji li d-dettalji tagħhom huma msemmija.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 29070 dwar stallazzjoni ta' Wi-Fi fil-Qorti ta' Għawdex u peress li l-Interpellant kif ukoll avukati oħrajn li jkunu l-Qorti ta' Għawdex ta' kuljum pruvaw jaċċedu għall-internet anke wara li ngħatat it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari imsemmija u ma kien ebda servizz, tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra dwar il-modalità ta' aċċess għal dan il-Wi-Fi li qed issemmi fit-tweġiba?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-faċilità tal-Wi-Fi fil-Qorti ta' Għawdex tinsab fl-area quddiem iż-żewġ awli prinċipali, kif ukoll fil-waiting area ħdejn it-taraġ li jagħti għall-arkivju u dak li jagħti għat-tielet awla.
Tista’ l-Ministru tgħid fejn wasal il-proġett tal-pixxina li se tinbena fir-Rabat, Għawdex? X’jonqos isir? Meta mistenni li tkun lesta minn kollox biex tibda tintuża? Kemm huwa kkalkulat li jkun in-numru ta’ persuni li jagħmlu użu minn din il-pixxina matul is-sena? Kemm hu mistenni li se tiġi tiswa? Minn liema Vot se titħallas?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li:
1. (i) Sal-lum saru l-pjanti preliminari u ġiet sottomessa applikazzjoni lill-MEPA, liema applikazzjoni ġiet approvata.
(ii) Saret sejħa għall-offerti għall-Konsulenza u Assistenza fid-disinn tas-sistema Mekkanika, Elettrika u Ambjentali tal-pixxina. Is-sejħa għalqet, ġiet aġġudikata u fil-futur qarib ser jiġi ffirmat il-kuntratt mal-kumpanija magħżula.
2. Il-proġett huwa mistenni li jitlesta fi żmien 22 xahar mill-iffirmar tal-kuntratt.
3. Peress li l-użu tal-pixxina huwa mifrux ħafna, huwa kkalkulat li:
(i) waterpolo clubs
se jużaw din il-faċilità 100% tal-membri
(ii) football clubs
80% tal-membri
(iii) Diviżjoni tal-Edukazzjoni 50% tal-istudenti
(iv) Kumpless Sportiv t’Għawdex/Skola Sport 100% tal-membri
(v) Sptar Ġenerali t’Għawdex 20% tal-pazjenti
(vi) Gruppi tal-
fitness
100% tal-parteċipanti
(vii)Oħrajn
4. Il-proġett huwa stmat li se jiswa € 6.2 miljun
5. Il-proġett se jkun iffinanzjat mill-fondi ta’ Eko-Għawdex/Ministeru għal Għawdex.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru tagħha żviluppax pjan għall-promozzjoni tat-turiżmu f’Għawdex? Jekk fl-affermattiv, tista’ tpoġġi kopja ta’ dan il-Pjan fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jien infurmata li l-Ministeru għal Għawdex, qed jaħdem mill-qrib mal-entitajiet kompetenti f'dan is-settur, b'mod partikolari mal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex, il-Kamra tal-Kummerċ f’Għawdex, kif ukoll ma' diversi entitajiet oħra involuti fis-settur tat-turiżmu.
Il-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex, kienet imfassla fuq il-prijoritajiet tas-settur turistiku f’Għawdex. Firxa wiesgħa ta’ reklamar intenzjonat li jippromwovi lil Għawdex bħala destinazzjoni distinta bil-għan li jkompli jżid l-għarfien dwar il-karratteristiċi uniċi ta’ Għawdex kif ukoll biex jissaħħaħ il-valur tad-destinazzjoni Malta bħala Nazzjon. Dan kollu sar fl-isfond tal-viżjoni Eko-Għawdex u l-Pjan Nazzjonali dwar it-Turiżmu.
Tista' l-Ministru tgħid kemm impjegati tal-Ministeru tpoġġew fuq roster din is-sena s’issa? X’inhu l-grad tagħhom u f’liema fergħa qegħdin jaħdmu? Fejn kienu jaħdmu qabel ma nagħtaw ir-roster? Min talab għar-roster f’kull każ u min approvah?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba li tat għall-mistoqsija parlamentari 21712 fejn qalet li l-biċċerija se tiftaħ formalment fil-futur qarib, tista' l-Ministru tgħid sewwa sew meta mistennija tiftaħ?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 29687.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 29220, tista' l-Ministru tgħid min huma l-persuni maħtura bħala konsulenti fid-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, u tgħid ukoll x'inhi r-remunerazzjoni ta' kull wieħed minnhom?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata illi l-persuna maħtura bħala konsulent huwa Mr. Vincent Tonna li qed jagħti s-servizz tiegħu fis-Sezzjoni Child and Family Welfare fid-Direttorat tal-Customer Services. Ir-remunerazzjoni tiegħu hija €2,236.8 (Vat inkluż) - Kuntratt kurrenti mill-15.06.2011 sal-31.12.2011.
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-applikazzjoni tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, pjanti u dvd li ġie preżentat tal-pixxina f'Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dak li ġie ppreżentat lill-MEPA marbut mal-pixxina.
Għawdex — faċilitajiet għall-kura tal-anzjani u persuni b'diżabilità
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'faċilitajiet jipprovdi kull kunsill lokali f'Għawdex għall-kura tal-anzjani u persuni b'diżabilità, kemm matul il-jum u anke matul il-lejl?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għal Għawdex — faċilitajiet għall-persuni neqsin mis-smigħ u mid-dawl
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'faċilitajiet hemm disponibbli fid-dipartimenti u uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha biex jiġu moqdija persuni neqsin mis-smigħ u persuni neqsin mid-dawl?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tagħti r-raġuni għaliex ir-riżultati tas-CT Scans li qed isiru fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex m’għadhomx jinqraw fl-istess sptar fejn hemm Konsulent Radjologu u qed jinqraw biss fl-Isptar Mater Dei? Tista’ l-Ministru taċċerta lill-Kamra li din il-miżura ma tteħditx biex jinħoloq post ġdid ta’ Konsulent Radjologu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li peress li r-resident Speċjalista fir-Radjoloġija mhuwiex Konsulent Radjologu, qed tiġi applikata l-istess proċedura użata fl-Isptar Mater Dei, i.e. illi r-riżultati jiġu rrappurtati taħt is-superviżjoni ta' Konsulent Radjologu. Jiena nfurmata wkoll illi bħalissa hemm sejħa pendenti biex jimtela l-post ta' Konsulent Radjologu.
Peress li hemm diversi studenti tal-MCAST AAT 2nd year li għadhom qed jistennew ir-riżultati tal-WEAF u allura qed jattendu l-kors b'mod proviżorju sakemm appuntu joħorġu r-riżultati u din hija sitwazzjoni stressanti fuq l-istudenti għax qed timpedihom milli jagħmlu pjanijiet ulterjuri, tista' l-Ministru tara li din il-problema tiġi riżolta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Tista' l-Ministru tgħid matul din is-sena x'xogħol sar fuq il-ġnien pubbliku ġdid ġewwa Marsalforn? X'kienet l-ispiża minfuqa s'issa? Min huma l-kuntratturi li qed jaħdmu fuq dan il-proġett? Meta huwa ppjanat li jkun lest dan il-proġett? Kemm huwa mistenni li jiġi jiswa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li matul din is-sena saru diversi xogħlijiet fuq il-passaġġi, ħitan, madum, railings u watercourse. L-ispiża minfuqa s'issa hija madwar €337,700. Il-kuntratturi li ħadmu fuq dan il-proġett huma: Gatt Tarmac Ltd., Joseph Portelli Projects, George Grech, Road Construction Company Limited, Peter Paul Said, Richard Cauchi, Extreme Lighting, Teddy Grima Construction u Exalta Ltd. Ix-xogħlijiet għandhom jitlestew sal-aħħar tas-sena u huwa stmat li se jiswa €961,937.