Legislature:
Category:
Reset
Active:

Wartime Shelter u Ġnien l-Għarusa tal-Mosta

Question

Peress li l-Kunsill Lokali tal-Mosta applika mas-Sorvintendenza u Wirt Kulturali fit-12 ta’ Mejju tas-sena 2009 kif ukoll kiteb lill-Onor. Jason Azzopardi Membru Parlamentari fid-29 ta’ Marzu 2010 u din it-talba qed issir għaliex dan il-kunsill ma jistax japplika għall-Fondi tal-Ewropa sabiex jiffinanzja dan il-proġett qabel ma jkollu d-devoluzzjoni jew il-guardianship ta’ dawn iż-żewġ postijiet, li jinkludi fost oħrajn it-tindif mill-asbestos li hemm fix-xelter u r-riabilitazzjoni tiegħu kif ukoll żvilupp tal-ġnien tal-Għarusa tal-Mosta, fejn fost affarijiet oħra hemm il-ħsieb li tinbena kafetterija, jista' l-Ministru jindika meta l-Kunsill Lokali tal-Mosta se jingħata risposta definita rigward it-talba tiegħu għad-devoluzzjoni jew guardianship tal- Wartime Shelter u Ġnien l-Gharusa tal-Mosta?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern, m’għandu l-ebda talba uffiċjali mill-Kunsill Lokali Mosta, kemm għad-devoluzzjoni kif ukoll għal guardianship tal-Ġnien l-Għarusa tal-Mosta u x-xelter. Il-korrispondenza li għandu d-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern fuq din il-proprjetà hija notifika ta’ applikazzjoni lill-MEPA datata 21 ta’ Diċembru 2009 fejn il-Kunsill Lokali Mosta qed jitlob permess lill-Mepa biex jagħmel xogħol ta’ tisbiħ f’dan il-ġnien, jibni kafeterija u jagħmel xogħol ta’ riabilitazzjoni fix-xelter, kif ukoll, talba mill-Kunsill Lokali Mosta datata 26 ta’ Marzu 2010, biex jingħata informazzjoni dettaljata fuq l-art in kwistjoni. Fis-26 ta’ Frar 2010 u fit-22 ta’ Marzu 2010, id-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern, informa lill-perit li għandu l-inkarigu tal-proġett tal-kunsill, li parti mill-art fejn se jsir dan il-proġett hija mikrija lid-Dipartiment tal-Edukazzjoni u ngħata parir biex il-Kunsill Lokali Mosta, jibda diskussjonijiet ma’ dan id-Dipartiment. Barra minn hekk l-informazzjoni mitluba fuq l-art in kwistjoni, ngħatat lill-Kunsill. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li kemm-il darba l-Kunsill jitlob għad-devoluzzjoni tal-proprjetà, it-talba trid issir l-ewwel lid-Dipartiment tal-Gvern Lokali, skont Cirkolari 25/99 dwar devoluzzjoni lokali.

Gas Division — allowance miftehma fil-collective agreement

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ħaddiema fil-Gas Division f'Birżebbuġia ma ngħatawx l-allowance miftehma fil-Collective Agreement biex jagħmlu ċertu xogħol ta' Gas Division u minflokhom qegħdin jinġiebu ħaddiema minn barra s-sezzjoni u jitħallsu aktar flus, filwaqt li dawn il-ħaddiema qed jitħallew ma jagħmlux dan ix-xogħol?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi m’huwiex minnu illi l-ħaddiema fil-Gas Division f’Birżebbuġa ma ngħatawx allowance kif miftehma fil-ftehim kollettiv. Filfatt, il-ħaddiema kollha ta’ din is-sezzjoni jingħataw allowance skont kif imniżżel f’appendiċi “D”, klawsola “E” tal-ftehim kollettiv preżenti. Ħaddiema minn barra din is-sezzjoni li jagħmlu xogħol hemm, jagħmlu hekk biss meta jkun hemm work compliment ta’ din is-sezzjoni nieqes u ma jkunx hemm biżżejjed ħaddiema mis-sezzjoni tal-gass biex jimlew il- compliment anke jekk dawn jidħlu bis-sahra.

Malta Development Corporation u Malta Enterprise — għajnuna lill-kumpaniji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kumpanija kienet megħjuna mill-Malta Development Corporation/ Malta Enterprise mill-1 ta’ Ottubru 2009 sal-lum biex twaqqaf impriża f’Għawdex? Min huma dawn il-kumpaniji u x’tip ta’ prodott/i jagħmlu? X’investiment sar minn dawn il-kumpaniji f’Għawdex fl-istess perjodu? Kemm investiment minn dan huwa barrani? X’għajnuna tathom l-Malta Development Corporation/ Malta Enterprise u kemm hu l-ammont ta’ din l-għajnuna skond is-sena li ngħatat? Kemm kienu jħaddmu nies meta bdew joperaw meta sar il-ftehim mal-MDC/Malta Enterprise u kemm qed iħaddmu llum? Jista’ l-Ministru jagħti l-istess tagħrif dwar Malta ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Intrapriżi — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm intrapriżi f’Malta u f'Għawdex separatament fl-aħħar ta’ kull sena mis-sena 2000 sal-2009 u fl-aħħar ta’ Settembru ta' din is-sena u li kienu jħaddmu: i) anqas minn 10 ħaddiema; ii) minn 10 sa 49 ħaddiema; u iii) minn 50 sa 249 ħaddiem?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni qed tinġabar u se tingħata f'seduta oħra.

tender fuq manutenzjoni fix-Xlendi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-preview files tat-tender Nru CT 2633/2009 - Reconstruction of part of Xlendi Road , Xlendi? Jista’ jekk jogħġbu jpoġġi ukoll kopja tal-kuntratt li sar mal-kuntrattur għall-għoti ta’ dan it-tender?

Response (FENECH, TONIO)

Napprezza jekk l-Onorevoli Membru jispjega għalxiex qiegħed jirreferi meta qiegħed isemmi il-preview files.

Tneħħija tat-taxxa ta' sett tat-tv

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19285 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta se tiġi implimentata l-wegħda elettorali tal-partit fil-gvern li titneħħa t-taxxa li titħallas kull sena għal kull sett ta' tv, liema taxxa ġiet deskritta mill-istess manifest elettorali bħala li għadda żmienha?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-programm elettorali tal-gvern jiġi implimentat fuq perjodu ta’ 5 snin, tul il-leġislatura.

Arms Ltd — ittri mhux iffirmati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ inhi l-fehma tiegħu dwar l-ittri legali mhux iffirmati li Arms Ltd. qed tibgħat lil konsumaturi? Jista’ jgħid min iddetermina l-ħlas addizzjonali ta’ €12? Din koperta mil-leġislazzjoni relatata dwar tariffi tad-dawl u ilma? Xi tkopri din it-tariffa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Malta Developers Association

Question

Ftit jiem ilu il-President tal-GRTU, li dettalji qed jingħataw separatament, ġie kkwotat li kiteb pubblikament is-segwenti meta kien qed jirreferi għal persuni li waqqfu l-Malta Developers Association: "These are the same people who only a few years ago basked under the tax amnesty awarded to them by Minister Tonio Fenech. Many in the hall that applauded benefitted from this greatest money laundering exercise of hundreds of millions of tax evaded moneys." Jista' l-Ministru jgħid x’ inhuma l-kummenti dwar din l-allegazzjoni fejn jissemma hu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Arms Ltd — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm iddaħħlu nies jaħdmu mal-Arms Ltd fl-aħħar xhur u ġimgħat? Dawn huma impjegati direttament tal-Arms Ltd jew qed jagħtu servizz lil Arms Ltd bis-saħħa ta' xi kuntratt ma' xi aġenzija? Min kien il-bord li għazel min għandhom ikunu dawk li jiġu magħżula?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fl-aħħar xhur u ġimgħat, ma ddaħlux nies jaħdmu direttament ma’ l-ARMS Ltd. ARMS Ltd. wara ġbir ta’ quotes , qabdet kumpanija indipendenti ta’ l-impjieg, biex tipprovdilha servizz temporanju ta’ riżorsi umani, bil-kwalifiċi bażiċi sabiex jagħtu assistenza lill-ħaddiema full time biex ilaħħqu mal- peaks tax-xogħol li hemm fil-preżent.

Ċekk tas-sussidju fuq id-dawl

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tista' tagħmel persuna li rċerviet iċ-ċekk tas-sussidju fuq id-dawl indirizzat the occupier u li tkun trid issarraf iċ-ċekk tagħha peress li hemm każ li meta marret biex issarraf iċ-ċekk, ma tħallietx issarrfu u lanqas ma tħalliet tiddepożitah?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-ċekk inħareġ skont l-informazzjoni li hemm fuq il-kont tad-dawl u l-ilma. Ħriġna anke stqarrija uffiċjali biex nitolbu lill-konsumaturi jikkoreġu d-dettalji tal-kontijiet tagħhom. Jekk il-konsumatur m’għaddietx id-dettalji tagħha, iċ-ċekk ikun ġie maħruġ skont l-informazzjoni li kellhom il-Korporazzjonijiet. Biex iċ-ċekk jiġi rrevedut u jerġa’ jinħareġ fuq dettalji korretti, l-persuna għandha tmur personalment fl-uffiċċju ta’ l-ARMS Ltd., ġġib magħha ċ-ċekk l-antik, tittieħed nota tad-dettalji l-ġodda u jinħareġ ċekk ġdid.

Dipartiment tal-artijiet — applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm mill-applikazzjonijiet li kienu daħlu għand id-Dipartiment tal-Artijiet madwar għaxar snin ilu, minn persuni li jaħdmu r-raba' biex dawn jibdew iħallsu tal-istess raba' fil-fatt ġew rikonoxxuti? Kemm fadal applikazzjonijiet pendenti biex tali rikonoxximent jiġi finalizzat? Minn liema lokalitajiet huma l-applikazzjonijiet li għadhom pendenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li meta għalqet l-Iskema għal Art Agrikola tal-Gvern kien hemm b’kollox 9773 applikazzjoni minn madwar Malta u Għawdex. Minn dan l-ammont kien hemm total ta’ 3257 applikant li ġew rikonnoxuti f’diversi lokalitajiet ġewwa Malta u Għawdex. Kien hemm ukoll 363 applikazzjoni li ġew rifjutati għal raġunijiet varji. Hemm ukoll 86 applikazzjoni li qed jistennew l-iffirmar tal-kuntratt, filwaqt li għad hemm 6067 applikazzjoni li għadhom iridu jiġu proċessati.

Reinvestment Tax Credit Rule — Intrapriżi eliġibli għall-inċentivi fiskali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm intrapriżi li matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena kienu eliġibbli għall-inċentivi fiskali mogħtija taħt ir-Reinvestment Tax Credit (Income Tax) Rules tal-2005?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni tingħata f'seduta oħra.

fond għall-għajnuna lill-intrapriżi tas-snajja u l-artiġjanat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-intrapriżi li kkwalifikaw mill-fond għall-għajnuna lill-intrapriżi tas-snajja u l-artiġjanat?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi mill-fond imsemmi ibbenifikaw numru ta’ Artiġjana kif indikat fit-Tabella ‘A’ li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn qegħdin jiġu ikkumplimentati b’dawn l-innizjattivi: 1. “Ġieħ l-Artiġjanat Malti” , li ġie mniedi l-ġimgħa li għaddiet u il-premjazzjoni se ssir f’Diċembru. Dettalji tal-kategoriji varji qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f’ Tabella ‘B’ . 2. Stħarriġ (Survey) dwar l-Artiġjanat f’Malta , bl-l-għan ewlieni li tinġabar informazzjoni meħtieġa dwar l-Artiġjanat, b’mod partikolari fuq il-prodotti u s-servizzi artiġjanali, u min jipproduċihom. Għal dan l-istħarriġ se jieħdu sehem madwar 5,500 persuna. 3. Malta Crafts Portal, li għandu jgħin fil-promozzjoni ta’ l-artiġjanat Malti. Ħafna mill-artiġjani reġistrati mall-Kunsill Malti għall-Artiġjanat m’għandhomx website personali u għalhekk dan il-portal hu maħsub li jservi ta’ benefiċċju speċjalment għalihom. Hu mistenni li dan il- portal ikun online fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla (2011). Fl-aħħar nett tajjeb ta’ min isemmi li d-Dipartiment tal-Kummerċ iffaċilità il-parteċipazzjoni ta’ artiġjana f’madwar 16-il esebizzjoni jew attività.

Qafas organizzattiv regolatorju u fiskali għall-promozzjonijiet tal-ekonomija tal-kreattività

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-grupp ta' ħidma biex ifassal qafas organizzattiv regolatorju u fiskali għall-promozzjonijiet tal-ekonomija tal-kreattività? Meta nħatru? X'inhi r-remunerazzjoni tagħhom? Kemm-il darba saru laqgħat ta' dan il-grupp?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-grupp ta’ ħidma għall-ekonomija kreattiva nħatar f’ Jannar 2010. Huwa mmexxi mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u għandu bħala membri s-Sur Caldon Mercieca, s-Sur Anthony Attard u l-Avukat Jeanine Rizzo. Għal dan il-proġett, is-Sur Mercieca u s-Sur Attard huma attached full-time mal-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, mis-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu, Ambjent u Kultura u l-Kavallier ta’ San Ġakbu Ċentru għall-Kreattività rispettivament. Iż-żewġ uffiċjali jitħallsu mill-entitatajiet rispettivi tagħhom b’remunerazzjoni addizzjonali ta’ €5000 fis-sena għal dan il-proġett. Dr Jeanine Rizzo, avukat ma’ Fenech & Fenech Advocates, nħatret bħala l-konsulent legali tal-grupp, b’remunerazzjoni mfassla fuq is-siegħat ta’ ħidma għal xogħol legali marbuta mal-grupp ta’ ħidma. Il-grupp jingħata wkoll għajnuna minn uffiċjali ekonomiċi fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment. Bħala parti mill-proċċess konsultattiv, il-grupp ta’ ħidma stieden numru ta’ esperti, kif indikat fil-lista hawn taħt, biex jipparteċipaw f’laqgħat ta’ konsultazzjoni fi gruppi ffukati fuq is-setturi tal-ekonmija kreattiva (wirt kulturali, arti, midja u intrapiżi b’servizzi kreattivi). Dawn intgħażlu fuq bażi tal-esperjenza tagħhom fis-settur. Twaqqaf ukoll grupp konsultattiv magħmul minn orgnanizazzjonijiet governattivi, rapreżentanti tal-industrija kif ukoll istutuzzjonijiet edukattivi. Il-parteċipazzjoni ta’ dawn il-gruppi hija volontarja u ma jingħata l-ebda ħlas. Lista ta’ dawn il-persuni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Arms Ltd

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, kenitx involuta fit-tfassil tal-konċett u tal-business plan ta' Arms Ltd? Billi kultant tingħata l-impressjoni minn uffiċjali tal-Gvern - inkluż il-Prim Ministru - li Arms Ltd hija xi ħaġa distinta mill-gvern, jista' jikkonferma jekk hux minnu li fost id-diretturi tagħha kien hemm ic-chief executive officer tal-Water Services Corporation u tal-Enemalta kif ukoll persuna oħra, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, mis-Segretarjat tal-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni? Jekk dan huwa minnu, dawn għandhom jokkupaw din il-kariga? U jekk le, min huma d-diretturi l-ġodda? Min huwa c-chief executive officer ta' Arms Ltd u meta nħatar? Kemm hemm nies involuti f'Arms Ltd u minn min kienet ittieħdet id-deċiżjoni li jingħalaq l-uffiċċju tal-Belt u għaliex? Billi kien ġie rappurtat fil-media li Arms Ltd aktarx kienet se tiftaħ uffiċċju ċentrali eqreb lejn il-Belt ħdejn Gattard House, Blata l-Bajda ttieħdet kunsiderazzjoni tal-problemi diġà kbar eżistenti li hemm dwar parkeġġ fl-inħawi - xi ħaġa li żgur iżżid l-inkonvenjent u l-frustrament tal-klijenti prospettivi tal-aġenzija?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-persuna imsemmija kienet involuta fit-tfassil tal-kunċett iżda mhux fit-tfassil tal-business plan. Nikkonferma li d-diretturi tal-Arms Ltd. huma dawk indikati mill-Onorevoli Interpellant fil-mistoqsija tiegħu u li sal-lum għadhom jokkupaw din il-kariga. Il-post ta’ CEO ta’ ARMS Ltd huwa vakanti. ARMS Ltd fil-preżent timpjega magħha 8 impjegati. Id-deċiżjoni li jingħalaq l-uffiċċju tal-Belt ittieħdet mill-Gvern. L-għeluq ta’ Pjazza Helsien sabiex jibda l-proġett ta’ Bieb il-Belt kienet ir-raġuni għaliex kellu jiġi rilokat dan l-uffiċċju. Rigward il-problemi ta’ parkeġġ fl-inħawi ta’ Gattard House, ninsab infurmat li qegħdin isiru laqgħat ma’ Transport Malta sabiex isiru traffic calming me asures u pelican lights sabiex ħaddiema u klijenti ikun jistgħu jużaw il-parkeġġ fuq in-naħa l-oħra tat-triq u jkunu jistgħu jaqsmu mingħajr periklu. Dawn l-inizzjattivi ser igawdu minnhom wkoll ħaddiema li jaħdmu fil-viċinanzi u llum jużaw l-istess parkeġġ sabiex jipparkjaw. Barra minn dan, hemm il-ħsieb ukoll li fil-futur qarib jinfetħu uffiċji oħra fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar ta’ Malta, minbarra dak ezistenti wkoll ġewwa Għawdex, biex il-pubbliku jinqeda aħjar.

Kuntratt għall-estensjoni tal-power station f'Delimara

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi rwol kellhom il-Ministeru tiegħu, id-Dipartiment tal-Kuntratti u l-Korporazzjoni Enemalta fl-abbozzar tat-tweġiba li ngħatat lill-Kummissjoni Ewropea b'reazzjoni tal-ittra li l-Viċi President tagħha Michel Barnier bagħat lill-Gvern Malti f'Ġunju li għadda dwar il-kuntratt għall-estensjoni tal-power station f'Delimara filwaqt li jgħid x'kien il-kontribut tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, fl-istess abbozzar u li kien iċ-Chairman tal-Kumitat tal-Aġġudikazzjoni tal-istess sejħa għall-offerti msemmija?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta għall-ittra tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropeja Michel Barnier kienet abbozzata mid-Dipartiment tal-Kuntratti u l-Korporazzjoni Enemalta. Ma’ dawn iż-żewġ organizzazjonijiet kien hemm ukoll kontribuzzjonijiet mid-Direttorat għall-Affarijiet Ewropej tal-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, mill-Uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali kif ukoll mis-Segretarjat ta’ l-Unjoni Ewropeja fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Kuntratt ta' pubbliċità

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jagħti informazzjoni dwar kemm-il kuntratt ta' pubbliċità (advertising fil-media kollha) ngħata mill-ministeru tiegħu u minn kull entità jew kumpanija li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm hu l-ammont (consideration) ta' kull kuntratt? B'liema modalità ġie mogħti kull kuntratt ċioe jekk hux b'direct order jew b'offerta pubblika jew b'mezz ieħor permess mir-regolamenti finanzjarji? Lil min ingħata kull kuntratt, lil xi kumpanija jew xi individwu? Jista' jagħti l-informazzjoni mitluba għas-snin 2008, 2009 u sa Awwissu 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f'seduta oħra.

Wied il-Għajn — Triq id-Dugħ - arblu tad-dawl

Question

Peress li fi Triq il-Dugħ, Wied il-Għajn hemm arlu tad-dawl tal-gvern li jinsab eżatt quddiem garaxx privat, liema arblu jostakola l-ħruġ tal-vetturi minn dan il-garaxx, jista' l-Ministru jara li dan l-arblu jiċċaqlaq għal post aħjar jew tinstab xi sistema alternattiva?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi mill-investigazzjoni li saret ma jirriżultax li l-Enemalta għandha arbli li qiegħdin jostakolaw garaxx fi Triq id-Dugħ Wied il-Għajn.

Impjant t'Għawdex — sludge mibgħut Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew trasportati tunellati ta' sludge s'issa mill-impjant t'Għawdex għall-faċilità tat-trattament f'Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ġew trasportati madwar 3,700 tunellati ta’ sludge sax-xahar t’Awwissu 2010 minn meta beda jopera l-impjant f’ Novembru ta’ l-2007.

Wied Għammieq — drenaġġ

Question

Naħseb li l-Ministru jaqbel li l-akbar impjant illi se jilqa' fih 85% tad-drenaġġ ta' Malta, li preżentament dan jispiċċa f'Wied Għammieq qiegħed fil-proċess ta' kostruzzjoni, għalkemm il-gvern kien wiegħed lill-Kummissjoni Ewropea li kellu jitlesta bejn 2007 u 2008. Jista' l-Ministru jagħti stima ta' kemm se jiġi ġġenerat sludge fis-sena minn dan l-impjant, kemm se jiġu jiswew it-treatment costs ta' dan is-sludge għal kull tunellata? Fejn se jiġi trattat?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-impjant li qed jinbena f’Ta’ Barkat limiti tax-Xgħajra, qiegħed fi stadju avvanzat. Huwa mistenni li l-impjant se jiġġenera madwar 34,000 tunnellata ta’ sludge fis-sena. Hemm ftehim mal-Wasteserv li dan l-i sludge se jintlaqa' il- landfill ta’ l-Għallis. Minkejja dan l-arrangament il-KSI se tibda tikkonsidra mezzi ta’ trattament sabiex timinimizza l-impatt ta’ dan il-materjal fuq il- landfill u tnaqqas l-ispejjeż ta’ l-operat f’dan ir-rigward. L-ispiża sabiex dan il-materjal jintrema il-landfill hija stmata li se tammonta madwar € 0.85 miljun fis-sena.