B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29683, tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-proġetti, miżuri eċċ. li:
a) tlestew u tħallsu kollha;
b) tlestew u tħallsu biss in parti;
ċ) li nbdew u għadhom ma tħallsux; u
d) li għadhom ma nbdewx u hemm il-flus kommessi għalihom?
Tista’ tgħid għal kull proġett kemm tħallsu flus s’issa u kemm baqgħalhom jitħallsu? Tista’ tgħid x’inhuwa l-valur kuntrattwali ta’ kull proġett, miżura, eċċ.?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li s'issa tlestew numru ta' proġetti, fosthom tindif tal-widien f'diversi siti f'Għawdex, taħwil ta' siġar, kampanja ta' pubbliċità barra minn Malta għas-settur tal-Għadds, diversi kampanji dwar l-ambjent, stili ta' ħajja tajbin u suġġetti oħra, ir-riforma fit-trasport pubbliku, l-kiri ta' karozza elettrika mill-Ministeru għal Għawdex, Strateġija għar-Riżorsi Umani f'Għawdex, korsijiet dwar l-użu tal-pestiċidi, energy audits fuq proprjetajiet tal-Gvern, investimenti biex binjiet tal-Gvern isiru aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u l-masterplan taċ-Ċittadella.
Ninsab infurmata wkoll li hemm numru ta' proġetti oħra li għaddejjin bħalissa. Fost dawn hemm il-proġett tal-ħolqien ta' Ċentru ta' Riċerka u Innovazzjoni fl-Agrikoltura fil-Farm Sperimentali tax-Xewkija, x-xiri ta' tagħmir li jagħmel possibbli r-riċerka dwar l-użu tal-ilma fl-agrikoltura, l-iżvilupp ta' politika reġjonali għal Turiżmu Rurali f'Għawdex, pubbliċita għal Għawdex bħala destinazzjoni għas-settur tal-MICE, il-Ġnien Tlett Għoljiet f'Marsalforn, ir-restawr u afforestazzjoni tal-barriera tal-Qortin ta' Isopu fin-Nadur, proġett finanzjat mill-Unjoni Ewropea li jittratta Restawr Ekoloġiku, t-tkabbir tas-sistema ta' Pannelli Fotovoltajċi fuq il-Ministeru għal Għawdex, it-twaqqif ta' wind monitoring mast fl-Għarb, diversi azzjonijiet u kampanji fl-iskejjel u fil-komunità, żewġ skemi għall-Kunsilli Lokali u l-Għaqdiet Volontarji, restawr u bini ta' ġibjuni, l-introduzzjoni tal-Programm Homestart f'Għawdex, l-iżvilupp ta' faċilitajiet ta' child care f'Għawdex, l-implimentazzjoni tal-masterplan taċ-Ċittadella u l-inizjattiva Arti Pubblika f'Għawdex.
Nirreferi wkoll lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 30035.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29061, tista' l-Ministru tgħid għal liema proġetti eċċ. huma kommessi l-€3,729,031 taħt Vot Kapitali Nru 7239 Eko-Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-proġetti jinkludu t-tiswir taċ-Ċentru tal-Agrikoltura fil-Farm Sperimentali tal-Gvern, tindif tal-widien, xiri ta' siġar għall-afforestazzjoni, kampanja ta' marketing għal Għawdex bħala destinazzjoni għall-Għadds, proġett ta' afforestazzjoni u ġnien ġdid f'Marsalforn, xogħlijiet mill-ELC, proġett ta' Edukazzjoni u awareness dwar prattiċi ambjentali, l-finanzjament tal-iskemi għall-proġetti marbuta ma' Eko-Għawdex mill-Kunsilli Lokali u l-NGOs, l-iskema Arti Pubblika f'Għawdex, it-tqassim ta' water saving kit, stallazzjoni ġdida u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-energy audits imwettqa din is-sena fuq il-binjiet tal-Gvern.
Tista' l-Ministru tgħid x'sar fl-2010 u din is-sena s'issa biex jinħoloq kumpless f'Għawdex biex jintuża bħala eco-friendly business park bl-infrastruttura neċessarja biex tiġbed lejn Għawdex kumpaniji fis-servizz finanzjarji fl-ICT u teknoloġija oħra relatata?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ma għandi xejn xi nżid mar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru W287.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhuwa l-mekkaniżmu li jeżisti sabiex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-kunsill lokali minn Għawdex fil-program Eko-Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-Ministeru ħareġ żewġ skemi għall-Kunsilli Lokali. Dawn kienu dehru fil-gazzetta tal-Gvern tat-23 ta' Novembru 2010 u tat-28 ta' Lulju 2011. Permezz ta' dawn l-iskemi l-Ministeru għal Għawdex qiegħed jiffinanzja proġetti relatati mal-Pjan t'Azzjoni Eko-Għawdex kif proposti mill-Kunsilli Lokali u l-Kumitati Amministrattivi. Barra minn hekk id-Direttorat għal Eko-Għawdex kien u għadu dispost li jgħin lill-Kunsilli sabiex jisfruttaw din l-opportunità għall-ġid tal-lokalità u ta' Għawdex b'mod ġenerali.
Għawdex — Istitut għall-Istudji Turistiċi - vakanza ta' senior manager
Question
Tista' l-Ministru tgħid f'liema stadju wasal il-mili tal-vakanza tal-grad ta' senior manager fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi f'Għawdex, liema sejħa nħarġet fil-bidu ta' din is-sena? Għaliex dan id-dewmien kollu biex jimtela dan il-post? Taħsib il-Ministru li dan id-dewmien huwa ta' detriment għall-istudenti li jattendu l-Istitut għall-Istudji Turistiċi l-Qala Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li fil-futur qarib l-applikanti se jiġu ntervistati.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati fil-Ministeru u dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħtha, maqsuma settur settur? Tista' tgħid ukoll il-gradi tas-salarji u benefiċċji oħra ta' kull kategorija?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta' karozzi mikrija li għandu l-Ministeru, dipartimenti, dekasteri u entitajiet li jaqgħu taħtha llum? Kemm hija l-ispiża globali f'ċifra ta' flus li titħallas kull xahar għal dawn il-vetturi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm sodod f’kull ward fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex? Tista’ tgħid kemm hemm nurses, nursing aids, hospital auxiliaries, eċċ. assenjati ma’ kull ward?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29790, tista' l-Ministru tgħid min ħa d-deċiżjoni li r-riżultati tas-CT Scans fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jiġu rapportati taħt is-superviżjoni ta' konsulent radjologu? Peress li r-riżultati tas-CT Scans li jsiru f'Għawdex huma aċċessibbli mill-isptar f'Malta, għaliex ir-riżultati ma jiġux rapportati f’Għawdex taħt is-superviżjoni online f’Malta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li d-deċiżjoni li r-riżultati tas-CT Scans fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex jiġu rrapurtati taħt is-superviżjoni ta' konsulent radjologu ttieħdet mill-Medical Imaging Department (MID) tal-Isptar Mater Dei.
Dwar il-possibilità ta' jekk ir-riżultati jiġux rrapportati f'Għawdex taħt is-superviżjoni online f'Malta hija xi ħaġa li tista' tiġi deċiża mill-MID tal-Isptar Mater Dei.
Tista’ l-Ministru tgħid x’hemm flus kommessi biex jitħallsu din is-sena taħt kull standard item of expenditure tal-vot rikorrenti tal-Ministeru għal Għawdex sal-aħħar ta’ Ottubru ta’ din is-sena?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, li tkopri sal-11 ta' Novembru 2011.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex nisa li qed imorru jagħmlu l-mammogram fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex qed jintbagħtu Malta biex jirrepetu t-test u dan ovvjament qed jaqla' ħafna paniku bla bżonn f'dawn in-nisa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li n-nisa li qed imorru jagħmlu l-mammogram fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex qed isirilhom dan it-test minn radiographers professjonali f'dan il-qasam u b'apparat diġitali tal-aħħar teknoloġija. Ir-riżultati ta' dawn it-testijiet isiru minn consultant radiologists ġewwa Mater Dei, liema konsulenti huma esperti f'dan il-qasam. Ikun hemm każijiet iżolati fejn klijenti li jsirilhom il-mammogram ġewwa Għawdex jintalbu biex imorru Malta biex jagħmlu test tal-ultrasound mill-istess konsulent li jkun qed jagħmel ir-rapport tat-test partikulari. L-iskop ta' dan huwa li ssir evalwazzjoni professjonali u komprensiva biex b'hekk il-klijent ikollu riżultat konklussiv.
Sptar Ġenerali t'Għawdex — operazzjonijiet fuq tfal
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm saru operazzjonijiet fuq tfal fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex u tindika x'tip ta' operazzjonijiet saru u dan fl-aħħar sena u nofs, xahar b'xahar?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Sptar Ġenerali t'Għawdex — trasferiment bl-ambulanza jew helicopter
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu dawk it-tfal (taħt is-sittax-il sena) li ġew trasferiti mill-Isptar Ġenerali t'Għawdex għall-Isptar Mater Dei f'din l-aħħar sena xahar b'xahar, skont l-etajiet, raġuni u jekk it-trasferiment sarx bl-ambulanza jew helicopter?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid liema huma dawk il-kumpaniji li ngħataw xogħol li jaqbeż l-€10,000 mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħtha matul is-sena 2010 sal-lum? F'kull każ, tista' tgħid kemm huwa l-valur involut? Tista' tgħid ukoll għal kull każ jekk hux kuntratt jew direct orders? Meta ngħata?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Sptar Ġenerali t'Għawdex — Gate ta' Għajn Qatet magħluqa
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-gate ta' Għajn Qatet tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex qiegħda tingħalaq fis-7:00pm anke għall-pedestrians? Ma tarax li din id-deċiżjoni hija waħda irraġonevoli u qiegħda toħloq hardship u tbatija bla bżonn, mhux biss lil dawk il-persuni li jkollhom jiffrekwentaw l-isptar, imma anki għall-ħaddiema nurses u dawk kollha li jispiċċaw xogħol wara s-7:00pm, speċjalment fil-preżent meta r-Rabat huwa litteralment magħluq minħabba x-xogħol li qed isir?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-gate ta' wara tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex qed tinżamm miftuħa sat-8.00p.m.
Issa li din is-sena jkunu għaddew it-tliet snin tal-ammont ta' flus ivvotati minn dan il-Parlament għal Eko Għawdex, tista' l-Ministru telenka item, item x'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin fuq il-programm Eko-Għawdex u bl-ammont ta' flus li ntnefqu f'kull miżura?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif diġa ssemma fid-diskors tal-baġit għas-sena 2012, dan il-perjodu ma jiskadix din is-sena. Peress li għad hemm ħafna proġetti għaddejjin ma kienx possibbli li l-informazzjoni mitluba tiġi kompilata fi żmien qasir. Għaldaqstant l-informazzjoni kollha tkun tista tingħata f'seduta oħra.
Għall-kumplament tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 29683.
Peress li minħabba x-xogħlijiet fi triq li mix-Xewkija tagħti għar-Rabat, qed tintuża t-triq li tiġi biswit iċ-ċimiterju tar-Rabat, peress li din it-triq hija ħażina ħafna, tista' l-Ministru tara li din it-triq issirilha l-manutenzjoni li hemm bżonn?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li t-triq imsemmija fil-mistoqsija taqa' taħt ir-responsabilità tal-kunsill lokali tal-post, iżda minkejja dan, il-Ministeru għal Għawdex jagħmel manutenzjoni fuq din it-triq skont il-bżonn.
Tista' l-Ministru tgħid kif sar ir-reklutaġġ ta' ħaddiema fil-biċċerija t'Għawdex? Kemm ġew reklutati u kemm fadal postijiet x'jimtlew u f'liema grad jew skala?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li sa issa ġew reklutati uffiċjal li huwa nkarigat mill-biċċerija u ħames biċċiera wara sejħiet għall-applikazzjonijiet fejn l-uffiċjal inkarigat u tnejn mill-biċċiera kienu impjegati f'dipartimenti oħra qabel is-sejħa. Ninsab infurmata li fadal jimtlew tliet postijiet fi skala numru sittax u li ser ikun hemm ukoll numru ta' biċċiera li ser jiġu ngaġġati biex jaħdmu kemm f'Għawdex kif ukoll f'Malta skont il-ħtieġa.