B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32881, fejn kien intqal li l-informazzjoni ma tistax tingħata għax din hija ‘public limited company’, fid-dawl li din hija kumpanija fejn il-Gvern għandu maġġoranza tal-ishma, jista’ l-Prim Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba u ċjoè jgħid x’kienet il-qagħda finanzjarja tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament f’Mejju 2024, f’Jannar 2025, f’Mejju 2025 u f’Novembru 2025? Jista’ wkoll jagħti dettalji dwar għaliex hemm diverġenzi kbar minn sitwazzjoni ta’ profitt qawwi għal qagħda ta’ insolvenza?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija inkwistjoni hija Public Limited Company. Għaldaqstant, ma nistax nipprovdi informazzjoni dwarha.
Uffiċċju tal-Prim Ministru -Segretarjat għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni – Strateġija biex jiżdied it-teleworking
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhi l-istrateġija tal-ministeru biex jiżdied it-teleworking sabiex jissaħħaħ il-kunċett ta’ work-life balance u jitnaqqas it-traffiku?
Uffiċċju tal-Prim Ministru - Segretarjat għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni – Entitajiet li ma jippermettux teleworking
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema entitajiet governattivi fi ħdan il-ministeru ma jippermettux teleworking u x’inhi r-raġuni?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru li jien responsabbli minnu, fejn huwa possibbli u x-xogħol jippermetti, jaddottaw miżuri ta’ prattiki tax-xogħol moderni għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.
Uffiċċju tal-Prim Ministru - Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni – Teleworking – Medja ta’ sigħat
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema huma l-entitajiet fil-ministeru li jaqgħu taħtu li jippermettu teleworking u x’inhi hi l-medja tan-numru ta’ sigħat ta’ teleworking fil-ġimgħa f’kull entità?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru li jien responsabbli minnu, fejn huwa possibbli u x-xogħol jippermetti, jaddottaw miżuri ta’ prattiki tax-xogħol moderni għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont totali tal-kapital investit mill-Gvern fil-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament sal-lum, u kif ġie maqsum bejn il-proġetti differenti?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija inkwistjoni hija Public Limited Company. Għaldaqstant, ma nistax nipprovdi informazzjoni dwarha.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji biex wieħed jibbenefika mill-fondi tal-Fond għall-Kawżi Soċjali?
Response (ABELA, ROBERT)
Qed inpoġġi l-linji gwida fuq il-Mejda tal-Kamra, liema dokument huwa diġa fid-dominju pubbliku:
https://opm.gov.mt/public-bodies/fond-ghal-kawzi-socjali/
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm fondi fil-Fond għall-Kawżi Soċjali preżentement? Jista’ jgħid ukoll kemm tqassmu flus minn dan il-fond matul l-2024 u lil min ingħataw?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill Onor. Interpellanta li fis-seduta 369 fit-23 ta' Lulju 2025 tpoġġa r-rapport awditjat tal-Fond għas-sena 2024.
Ta’ Ċawla, Għawdex - Proġett ta’ Housing – Allokazzjoni ta’ appartamenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-appartamenti tal-Proġett ta’ Housing li sar mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ġewwa Taċ-Ċawla, ġewx allokati lill-familji li qed jistennew akkomodazzjoni soċjali u jekk iva, kif ingħataw u jagħti d-data ta’ meta ġew allokati?
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern jgħinx lill-persuni kollha li jkollhom bżonn ta’ clinical trials barra minn Malta? Jekk le, dawn jintgħażlu b’mod arbitrarju?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel din l-mistoqsija lill Ministeru kkonċernat.
L-Awtorità tal-Akkomodazzjoni Soċjali - Kirjiet qabel is-sena 2022 mingħand il-ġenituri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuni li wirtu kirja mingħand il-ġenituri tagħhom u li kienu jirrisjedu f’post mikri mingħand l-Awtorità tal-Akkomodazzjoni Soċjali qabel is-sena 2022, iżda wirtu l-kirja wara s-sena 2022, jekk dawn humiex eleġibbli taħt l-iskema Sir Sid ta’ Darek biex jixtru l-post? Jekk ir-risposta hi fin-negattiv, jista’ jispjega kif din mhix diskriminatorja ma’ persuni oħra li jkunu xtrawha, ġaladarba dan baqa’ l-istess titolu ta’ kirja?
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru – Strateġija biex jiżdied it-teleworking
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhi l-istrateġija tal-gvern biex jiżdied it-teleworking sabiex jissaħħaħ il-kunċett ta’ work-life balance u jitnaqqas it-traffiku?
Response (ABELA, ROBERT)
Niġbed l-attenzjoni tal-Onor Intepellanta illi, dan il-Gvern jinkoraġġixxi bi sħiħ il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tant li, matul il-leġislatura kurrenti rajna li nkomplu nsaħħu prattiki tax-xogħol moderni diġà eżistenti, u nżidu magħhom, sabiex ikun jista’ jintlaħaq dan il-għan.
Fil-fatt, kif inhu pubblikament magħruf, b’effett mit-3 ta’ April 2023, l-Gvern addotta miżuri mtejjba ta’ prattiki tax-xogħol moderni għall-Uffiċjali Pubbliċi kollha, fejn huwa possibbli u fejn jippermetti s-servizz. Dan wara li kienet saret konsultazzjoni estensiva mal-pożizzjonijiet ta’ tmexxija fis-Servizz Pubbliku u l-Unjins.
Ninnota li l-prattiki ta’ xogħol moderni mhumiex biss marbuta ma’ xogħol mill-bogħod b’mod strutturat (remote working), iżda jinkludu wkoll prattiki ta’ xogħol ta’ sigħat imnaqqsa (reduced hours), ħin flessibbli (flexible), u ġimgħa flessibbli.
Irrid inżid illi dawn il-miżuri huma wkoll imfassla f’manwal li jinsab għall-konsum pubbliku fuq il-portal tas-servizz pubbliku, u li qed inpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fl-aħħar nett, nirrimarka li l-Gvern immexxi minni, jqis b’importanza kbira dawn il-prattiki, biex nagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar lill-ħaddiema tal-Amministrazzjoni Pubblika, b’bilanċ aqwa bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, lil’hinn mid-definizzjoni simplistika u restrittiva li qed tati lil dawn l-istess prattiki tax-xogħol, l-Onor Membru.
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru – Entitajiet li ma jippermettux teleworking
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema entitajiet governattivi li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ma jippermettux teleworking u x’inhi r-raġuni?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru li jien responsabbli minnu, fejn huwa possibbli u x-xogħol jippermetti, jaddottaw miżuri ta’ prattiki tax-xogħol moderni għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru – Teleworking – Medja ta’ sigħat
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema huma l-entitajiet li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li jippermettu teleworking u x’inhi hi l-medja tan-numru ta’ sigħat ta’ teleworking fil-ġimgħa f’kull entità?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru li jien responsabbli minnu, fejn huwa possibbli u x-xogħol jippermetti, jaddottaw miżuri ta’ prattiki tax-xogħol moderni għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il deċiżjoni regolatorja maħruġa mill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni f’ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) ġiet kontestata quddiem il-qrati mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u minn min? F’kull każ, jista’ jgħid x’inhu l-istatus attwali tal-proċeduri quddiem il-Qrati?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat illi mill-2020, ġew ikkontestati żewġ deċiżjonijiet maħruġa mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni. Deċiżjoni minnhom ġiet ikkontestata minn Lidl Immobiliare Malta Limited (C 36321) u Lidl Malta Limited (C36317), filwaqt li d-deċiżjoni l-oħra ġiet ikkontestata minn Dr John Vassallo.
Illi fir-rigward tal-kawża Lidl Immobiliare Malta Limited Et vs Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni), fis-17 ta’ Novembru 2025, ingħatat sentenza fejn il-Qorti ċaħdet it-talbiet tas-soċjetajiet rikorrenti u ordnat il-prosegwiment tal-kawża. Il-kawża inkwistjoni hija ddifferita għas-16 ta’ Frar 2026 sabiex jinstemgħu l-provi tar-rikorrenti.
Illi fir-rigward tal-kawża fl-ismijiet Dr John Vassallo vs Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni), il-każ kien appuntat għall-ewwel seduta għas-26 ta’ Jannar 2026
‘I Belong Programme’ - Kandidati li bdew u temmew b’suċċess
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30706 u 31927 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u jgħid kemm kien hemm kandidati li bdew u temmew b’suċċess il-programm ta’ ‘I Belong’ minn meta beda l-programm sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena u minn liema pajjiż?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ kandidati li bdew u temmew b’suċċess il-programm ‘I Belong’ minn meta beda l-programm sal-aħħar tas-sena 2025, maqsuma sena b’sena u skont in-nazzjonalità, huwa kif ġej:
· Korsijiet ta’ Fondazzjoni: 69
· Stadju 1: Ċertifikat ta’ qabel l-Integrazzjoni: 6,018
· Stadju 2: Ċertifikat ta’ Integrazzjoni: 2,069
Qed inpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra , analiżi dettaljata tal-parteċipanti skont in-nazzjonalità u s-sena. Fl-2023 ma kien hemm ebda applikazzjoni għal kors ta’ fondazzjoni, għaldaqstant dan jirrifletti fit-tabella fejn għas-sena 2023 hemm imniżżel in-numru 0.
‘I Belong Programme’ - Kandidati li bdew u temmew b’suċċess
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30705 u 31926 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u jgħid kemm kien hemm kandidati li bdew u temmew b’suċċess il-programm ta’ ‘I Belong’ għal din is-sena?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li n-numru ta’ kandidati li bdew u temmew b’suċċess il-programm tal-‘I Belong’ fis-sena 2025, huwa kif ġej:
· Korsijiet ta’ Fondazzjoni: 2
· Stadju 1: Ċertifikat ta’ qabel l-Integrazzjoni: 461
· Stadju 2: Ċertifikat ta’ Integrazzjoni: 731
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30636 u 31925 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u jgħid kemm hemm persuni fuq il-lista ta’ stennija għal ‘I Belong Programme’ u li ilhom fil-lista ta’ stennija skont dawn iż-żminijiet:
· 0 – 6 xhur;
· 7 – 12-il xahar;
· 13 – 18-il xahar;
· 19 – 24 xahar; u
· 24+ xahar?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li 5,205 applikant ilhom fil-lista ta’ stennija għal perjodu li ma jaqbiżx disa’ xhur. Aktar min-nofs dawn l-applikanti applikaw fl-aħħar ħames xhur.
Applikanti oħra kellhom dokumentazzjoni nieqsa fl-applikazzjoni tagħhom jew ma reġgħux involvew ruħhom fil-programm wara l-laqgħa inizjali.
Iż-żieda fl-applikazzjonijiet fl-aħħar xhur huwa xhieda ċara tal-interess tal-komunità barranija lejn l-integrazzjoni fil-prattika. Sabiex il-Gvern ikun jista’ jilqa’ għal din id-domanda, fl-aħħar xhur saret ħidma sabiex il-lista ta’ stennija tal-ewwel stadju tal-kors tiġi indirizzata kollha. Fl-istess waqt, qed isir ristrutturar komprensiv tat-tieni stadju sabiex tissaħħaħ l-effiċjenza tal-programm skont l-impenn tal-Gvern fl-
Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni (2025-2030)
.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il każ hemm pendenti li qed jiġi investigat mill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)? Jista’ jgħid meta nfetaħ għall-investigazzjoni kull każ u liema settur jittratta?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma l-Onor. Interpellant li ninsab nfurmat illi hemm seba’ (7) investigazzjonijiet pendenti quddiem l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni li nfetħu ai termini tal-Att dwar il-Kompetizzjoni dwar allegat ksur ta’ tali Att. L-investigazzjonijiet jikkonċernaw is-segwenti oqsma: Intratteniment, Telekomunikazzjoni, Saħħa, Annimali, Marittimu.
Infetħu żewġ każijiet kull sena, fl-2016, fl- 2021 u fl-2022. Infetaħ ukoll każ ieħor fl-2023.