Legislature:
Category:
Reset
Active:

pilloli out of stock

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm pinnoli out of stock fid-Dipartiment tas-Saħħa u li allura pazjenti li għandhom karta roża jew safra ma setgħux jiġbru minħabba f'hekk matul x-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu, April u l-ewwel ġimgħat ta' Mejju 2012?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bejn Jannar u April ta’ din is-sena kien hemm 53 tip ta’ pillola li kienet out of stock.

persuni intitolatio għall-katra r-roża

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'riforma qed issir fil-kartuna r-roża u għaliex xi pazjenti qed jgħidulhom li issa m'għadhomx intitolati għall-karta r-roża u bagħtuhom jagħmlu l-kartuna s-safra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-kriterji li fuqhom jingħata l-intitolament għall-mediċini b’xejn huma bbażati fuq l-Att tas-Sigurta’ Soċjali Kap 318 Art 23 u Skeda V tal-istess Att. Dawk il-pazjenti li jkollhom marda kronika skont Skeda V, jirċievu d-dokument magħruf bħala l-kartuna s-safra. Dawk il-persuni li jkollhom dħul finanzjarju inqas mill-medja skont id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali japplikaw għal Skeda II (il-kartuna r-roża). Il-lista ta’ kundizzjonijet kroniċi ta’ Skeda V ġiet emendata uffiċjalment fis-27 ta’ Marzu 2012 kif ġie stabbilit fl-Avviż Legali 81 tal-2012. Id-Dijabete Mellitus hija waħda mill-kundizzjonijiet kroniċi li qabel kienet tingħata l-kura b’xejn permezz tal-kartuna r-roża u li issa żdiedet mal-lista ta’ kundizzjonijet kroniċi ta’ Skeda V. Pazjenti li kienu jieħdu l-kura tad-dijabete permezz tal-kartuna r-roża ser ikunu jistgħu jagħżlu jekk ikomplux jieħdu l-kura meħtieġa tad-dijabete permezz tal-kartuna safra jew roża. Pazjenti li applikaw għall-kura tad-dijabete wara li ġiet fis-seħħ l-emenda hawn fuq imsemmija ser tinħarġilhom kartuna safra kif isir bħall-mard kroniku kollu.

Testijiet minħabba l-marda tal-kanċer

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34886, jista' l-Ministru jgħid għal kemm-il mara 'l fuq minn 50 sena saru testijiet minħabba l-marda tal-kanċer tas-sider u b'mod speċjali għall-breast screening? Kemm huwa maħsub li għad fadal nisa biex imorru jagħmlu dawn it-testijiet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li mill-bidu tal-Programm Nazzjonali ta’ Screening għall-Kanċer tas-Sider f’Ottubru tal-2009, ġew mistiedna total ta’ 32,507 mara sa l-aħħar ta’ Mejju 2012. Minn dawn, aċċettaw din l-istedina total ta’ 18,314-il mara. Sa l-aħħar tal-ewwel ċiklu tal-programm fadal 10,390 mara li jridu jiġu mistiedna biex inkunu koprejna n-nisa kollha ta’ eta’ bejn il-50 u s-60 sena.

xiri tal-mediċini tad-dimensia u alzheimer

Question

Billi jirriżulta li hemm vot ta' €200, 000 approvati għal xiri ta' mediċini tad-dimensia/alzheimer, jista' l-Ministru jikkunsidra li tinxtara l-aħjar mediċina novativa llum u cioè il-patch li titwaħħal fuq il-ġilda tal-pazjent?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bħalissa, id-direttorat responsabbli mid-dħul tal-mediċini fil-formolarju tal-Gvern qed jilqa’ applikazzjonijiet għad-dħul fil-formolarju ta’ mediċini għall-kura tad-dimensja. Wara li l-applikazzjonijiet jiġu vvalidati jsir Health Technology Assessment għal kull mediċina. Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Health Technology Assessments ser jiġu ppreżżentati lill-Kumitat Konsultattiv dwar Lista Formularja tal-Gvern kif stipulat fl-Avviżż Legali 58 ta’ l-2009 tal-Att Dwar il-Mediċini (KAP. 458) Regolamenti tal-2009 dwar Prodotti Mediċinali Disponibbli fis-Servizzi tas-Saħħa tal-Gvern.

Mediċina għall-kontra l-mard tad-diabete

Question

Fid-dawl tal-fatt li pazjenti Maltin u Għawdxin li jsofru mill-marda mgħarufa bħala DME (Diabetic Macular Edema) u/jew DMO (Diabetic Macular Odema) qed jingħataw il-mediċini bħall-Avastin li mhux liċenzjati fid-Dinja bħala kura addatata kontra din il-marda, u billi ukoll il-mediċina novattiva liċenzjata fid-dinja għal din il-marda hija Lucentis, jista' l-Ministru jara li tingħata l-mediċina liċenzjata u mhux dik li qed tingħata fil-preżent?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-dħul tal-mediċina Lucentis® fil-formolarju tal-Gvern għad-Diabetic Macular Edema qed jiġi evalwat skont kif stipulat fl-Avviżż Legali 58 ta’ l-2009 tal-Att Dwar il-Mediċini (KAP. 458) Regolamenti tal-2009 dwar Prodotti Mediċinali Disponibbli fis-Servizzi tas-Saħħa tal-Gvern.

Applikazzjoni pendenti għar-Residenza San Vinċenz de Paul

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32815 u jgħid għaliex l-anzjana li d-dettalji tagħha qed jidhru separatament, ilha tliet snin u nofs applikata għar-Residenza San Vinċenz de Paul għax tbati mid-dementia u kienet tgħix waħedha; imma qatt ma ġiet admitted fir-Residenza minkejja li tqegħdet fuq il-waiting list u mill-informazzjoni li ngħatat suppost il-każ tagħha huwa high priority? Jista' jgħid x'se jagħmel dwar din l-istess anzjana li kellha tiddaħħal f'home privata u issa wara li ilha tliet snin u nofs tħallas mal-€1000 fix-xahar għal board and lodging biss u spiċċawlha l-flus? Se jieħu l-passi meħtieġa biex din l-anzjana jew tiġi ssusidjata fl-istess home, kif ġieli sar ma' anzjani oħra, jew inkella tiġi admitted fir-Residenza San Vinċenz de Paul?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant kienet applikat biex tiġi ammessa fir-Residenza San Vinċenz De Paul u ġiet approvata mill-Bord tal-Ammissjoni. B’hekk din l-applikazzjoni ġiet imqiegħedha fil-lista ta’ stennija għar-Residenza ta’ San Vinċenz. Il-każ sejjer jitressaq mill-ġdid quddiem il-Bord tal-Ammissjoni sabiex jiġi rivedut u tingħata deċizzjoni rigward il-priorita’ tal-każ.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — direttivi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jelenka d-direttivi kollha tal-Unjoni Ewropeja flimkien mal-korrispettiv Att Malti li bih dawn id-direttivi ġew introdotti fis-sistema legali Maltija? Jista' jinkludi dawk id-direttivi li ġew transposed kemm fl-Atti Parlamentari, avviżi legali jew atti oħra, inklużi dawk amministrattivi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onoroveli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35239.

MCCAA — saqaf tal-asbestos

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qiegħda tieħu l-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà fir-rigward ta' saqaf tal-asbestos li jagħti fuq twieqi tal-Malta Competition and Consumer Affairs Authority (MCCAA) u b'liema mod u attivament l-awtorità sejra telimina kull periklu li jista' jkun hemm għall-ħaddiema tal-MCCAA?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li skont l-Att dwar l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol, Kapitlu 424, u skont regolamenti sussidjarji, ir-responsabbiltà assoluta biex jiġu kkontrollati riskji fuq il-post tax-xogħol hija ta’ min iħaddem, u mhux tal-Awtorita’. Fost affarijiet oħra, min iħaddem għandu l-obbligu li jevalwa r-riskji u jara li jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni. Fil-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant, u wara li spezzjonat kemm il-lok imsemmi, kif ukoll il-lok imsaqqaf bl-asbestos, l-Awtorita’ talbet li jsir eżerċizzju ta’ evalwazzjoni tar-riskju assoċjat mal-preżenza tal-asbestos – dan l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni ried isir minn persuna kompetenti fil-materja. Fil-fatt, dan l-eżerċizzju u l-analiżi meħtieġa saru skont proċess aċċettabbli għall-Awtorita’. L-Awtorita’ talbet ukoll li dan ir-rapport jiġi diskuss mill-Management mar-Rappreżentanti tas-Saħħa u s-Sigurta fl-Malta Competition and Consumer Affairs Authority skont kif meħtieġ mill-Avviż Legali 36/2003, u dan biex jingħataw kull opportunita’ li jiddiskutu l-konklużjonijiet tar-rapport.

Sptar Mater Dei — Kap tal-Infection Control Unit - kuntratt ta' konsulent

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kap tal-Infection Control Unit fi ħdan l-Isptar Mater Dei għandux il-kuntratt tal-konsulent? X'tip ta' kuntratt hu u x'inhuma l-kundizzjonijiet tal-istess kuntratt?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Kap tal-Infection Contol fl-Isptar Mater Dei hu Konsulent Mediku li qiegħed fuq Kuntratt A. Il-kundizzjonijiet tal-istess kuntratt huma dawk stipulati fil-ftehim bejn il-Medical Association of Malta (MAM) u l-Gvern f’Novembru tat-2007.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — xogħol mogħti lil kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti u xogħlijiet, bil-valur ta' kull wieħed, li ngħataw mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħtu, sena b' sena mill-2004, lil kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Għal kull każ, jista' l-Ministru jgħid jekk kien każ ta' tender jew direct order? Jista' jgħid ukoll kemm kien hemm każijiet fejn l-istess kumpanija ngħatat xogħol bħala sub-contracter ta' min ikun rebaħ xi kuntratt jew ingħata direct order?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fl-2008, il-valur ta’ xogħol li ngħata lill-kumpanija li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, huwa ta’ €1,328.00.

Sptar Mater Dei — pazjenti fil kurituri

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 33495 u 33113 u jgħid kemm irriżulta li kien hemm pazjenti li spiċċaw fil-kurituri tas-swali fl-Isptar Mater Dei, kawża li ma kienx hemm kmamar fejn jakkomodawhom matul l-2008, 2009 u 2010 ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li skont il-Patient Administration System tal-Isptar Mater Dei, pazjenti bdew jiġu rreġistrati li ddaħħlu fil-Paediatric Corridor minn Frar tal-2010. Għaldaqstant, l-informazzjoni mitluba għas-snin 2008 u 2009 ma tistax tingħata. Wara li saret analiżi dettaljata, anke b’mod manwali, fuq kull sodda li ntużat sa minn Frar 2010, jirriżulta hekk. Għas-sena 2010 kien hemm 283 pazjent iddaħħlu fil-Paediatric Corridor. 1,433 pazjent ddaħħlu fl-Area 2 li hija sala oħra fid-Dipartiment tal-Emerġenza. Għas-sena 2011, u b’referenza għat-Tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31551, tajjeb jiġi ikkjarifikat li minn numru ta’ pazjenti li jdher fit-Tweġiba msemmijja, kienu 2,583 il-pazjenti li ddaħħlu fil-Paediatric Corridor, filwaqt li l-4,865 l-oħra iddaħħlu fis-Sala msejjħa Area 2.

servizz ta' home help

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex l-anzjana, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li kellha 4 siegħat sevizz ta' home help, issa naqsulha dan is-servizz għal 3 siegħat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-anzjana li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant qatt ma kellha 4 siegħat fil-ġimgħa approvati. Din il-klijenta kienet approvata sagħtejn fil-ġimgħa fl-10 ta' Lulju 2007 u fuq talba tagħha stess il-Bord ta' Allokazzjoni fl-24 ta' Awissu 2010 approva siegħa fil-ġimgħa addizjonali. Għaldaqstant fil-prezent din il-klijenta qed tibbenefika minn 3 siegħat fil-ġimgħa.

Sptar Boffa — equipment ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk bediex jopera l-equipment il-ġdid li ġie investiet fl-Isptar Boffa, liema equipment, l-Ministru qal li se jiswa €1.3 miljun, u li huwa maħsub li jagħti 4 tipi ta' trattamenti u li b'hekk kien se jikkonsolida l-informazzjoni medika tal-pazjenti, bħal CT Scans, 3D image għat-tumuri u jassigura li l-x-ray jingħata b'aktar preċiżjoni u b'intensità għola? Jekk beda jopera, kemm pazjenti ġew ittratti b'dan l-equipment sal-lum?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-apparat ta’ treatment planning stations beda jintuża u sa issa saru sebgħin plan għal sebgħin pazjent biex ikunu jistgħu jagħmlu t-trattament fuq l-linear accelerators.

persuna li mietet waqt intervent

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separament mietet wara intervent kirurgusarlu fl-Isptar Mater Dei fix-xahar ta' April ??

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub sabiex jipprovdi il-kunsens tal-eredi tal-mejjet in kwistjoni stante illi l-awtoritajiet mhumiex awtorizzati jirrilaxxaw informazzjoni mingħajr tali kunsens.

Soċjetà Ażmatiċi Maltin — laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex is-Soċjeta Ażmatiċi Maltin ma ngħatawx premises mill-gvern u qed ikunu kostretti jiltaqgħu fil-kafetterija tal-Isptar Mater Dei?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ebda organizzazjoni non-governattiva (NGO) jew għaqdiet volontarji li jagħtu servizz ġewwa l-isptar ma għandhom kamra fissa bħala uffiċċju fejn jiltaqgħu għall-laqghat tagħhom ġewwa l-Isptar Mater Dei. Madankollu min ikun irid jagħmel laqgħa mal-management jista jibbukkja kamra (fuq first come-first served basis) mar-receptionist tal-amministrazzjoni.

Servizz Pubbliku — Impjieg ta' nurses

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-aċċertazzjoni tiegħu li l-Ministeru tiegħu qiegħed jaderixxi mad-delega ta' ċerti setghat dwar is-servizz pubbliku kif ordnat jagħmel fl-4 ta' April 2009 mill-Prim Ministru billi, fost oħrajn, jassigura li f'kull każ u mingħajr ebda eċċezzjoni uffiċjali pubbliċi rtirati li jiġu ri-ingaġġati fil-gradi tan-nursing skont l-istess delega jingħataw dawk ir-responsabbiltajiet u obbligi marbuta strettament ma' uffiċċju pubbliku mhux għola minn dak ta' staff nurse? Fejn jinsab allokat u x'xogħol qiegħed jagħmel l-ex ufficjal pubbliku li rtira aktar minn sena ilu mill-gradi tan-nursing li deher qiegħed iqassam il-mediċini f'paġna 3 ta' ktejjeb maħruġ mis-Segretarjat għall-Anzjani u Kura fil-Kommunità bl-isem 'Minn Qalbna... Għalik'? Huwa minnu dak li jingħad minn dan l-individwu fl-istess paġna, jiġifieri li x-xogħol li qiegħed jagħmel huwa dak ta' infermier? Fil-verità dan l-individwu qiegħed jagħmel xogħol ta' staff nurse skont ma tipprovdi d-delega bil-għan li jittaffa n-nuqqas akut ta' ħaddiema kwalifikati fil-qasam tan-nursing?

Response (CASSAR, JOSEPH)

B’risposta għal din il-Mistoqsija Parlamentari nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għar-Tweġiba għal-Mistoqsija Parlamentari Numru 33572.

Applikazzjoni għar-Residenza San Vinċenz de Paul

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li applikat għar-Residenza San Vinċenz de Paul u tinsab taħt lista ta' priorità imma kif jidher f'ċertu dokumenti, hemm każ urġenti li tidħol f'home minħabba li qed taqa ħafna u tbati bid-dimentia?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-anzjana li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġiet approvata sabiex tidħol fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paule u b’hekk tpoġġiet fuq il-lista ta’ stennija.

Dipartiment tas-Saħħa — tqassim ta' siringi għan-nies li jbatu bid-dijabete

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tqassmu siringi mid-Dipartiment tas-Saħħa lill-persuni li jbatu bid-dijabete u kemm għall-użu ieħor matul l-ewwel erba' xhur tas-sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li mill-ispiżerija tal-isptar Mater Dei tqassmu dawn il-kwantitajiet ta’ siringi fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena: Syringi 10ml - 846 syringi 2ml - 918 syringi 20ml - 140 syringi 5 ml – 1741 syringi 50ml leurlock – 136 syringi 50ml catheter tip – 1760 syringi 0,5ml lill-pazjenti bid-dijabete -9072 syringi 1ml lill-pazjenti bid-dijabete - 1060

Servizz ta' home help

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34219 u cioè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33076, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huma l-persuni li qed jingħataw is-servizz tal-home help fil-lokalitajiet kollha ta' Malta? Kemm huwa n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti minn persuni li jixtiequ u li għandhom bżonn il-home help u għadhom ma nqdewx minn dan is-servizz importanti? Kemm ilhom pendenti dawn l-applikazzjonijiet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fil-preżent qed jibbenefikaw 2,713 households mis-Servizz ta’ Għajnuna fid-Djar f’Malta li jammontaw għal-3,662 benefiċċjarji. Fil-preżent hemm 89 każ approvat li qed jistennew dan is-servizz. Il-każ li ilu l-aktar jistenna li jingħata dan is-servizz imur lura għall-10 ta' Ġunju 2011. Dan huwa fil-lokalita’ tal-Qawra.

Differenza bejn servizz ta' klinika privata u dak taċ-Ċentru tas-Saħħa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34456 u jgħid x'differenza hemm fis-servizz tal-emerġenza mogħti fi klinika privata u servizz provdut miċ-Ċentri tas-Saħħa li diġà huma eżistenti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentarinumru 34456.