Legislature:
Category:
Reset
Active:

ITS — titjib tal-faċilitajiet

Question

B'referenza għar-rapporti fil-mezzi tax-xandir li fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi għadu kif lesta xogħol li jiswa iktar minn €0.5 miljun biex jitjiebu l-faċilitajiet li se jkunu jinkludu gymnasium, imħażen ġodda għall-ikel u titjib ieħor, tista' l-Ministru tagħti rendikont eżatt tat-tip ta' xogħlijiet li saru u l-ispejjeż relatati? Il-flus għall-gymnasium ikopru ukoll l-apparat sportiv ta' ġo fih? Minn liema vot finanzjarju nħarġu dawn il-flus? Min kien il-kuntrattur li wettaq ix-xogħol u b’liema proċess intgħażel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ix-xogħlijiet ta’ dawn l-aħħar xhur fl-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi saru wara li ħarġet sejħa għal tenders. Il-kuntratturi li wettqu dawn ix-xogħlijiet kienu:- · Andre Escave Co Ltd · ECB Ltd Dawn ix-xogħlijiet kienu maqsumin kif ġej:- (a) Upgrade tal- Food Stores billi l-post tkabbar, tqassam aħjar u sar ukoll konformi mar-regolamenti dwar ħarsien tal-ikel u iġjene. Ix-xogħol kien jinkludi istallar ta’ walk-in freezers, xkaffar tal-i stainless steel , stallazzjoni ta’ lift , post adekwat għal ħażna tax-xorb, post għall-ħasil tal-kaxxi inkluż l-apparat, faċilitajiet sanitarji , loading bay u uffiċċju. Sar ukoll post għall-hażna tal-kaxxi u post fejn jinżammu (fil-magħluq) skips tal-iskart. Żewġ kmamar li kienu f’kundizzjoni ħażina inbidlu f’arkivji. (b) Żewġ kmamar li kienu jintużaw bħala mħażen tal- files inbidlu f’ equipment stores tal-kċina. Kien istallat ukoll dumbwaiter u xkaffar adekwat. (c) Kmamar fis-sular ta#isfel inbidlu f’ gymnasium bil-faċilitajiet ta’ toilets/showers/changing rooms annessi. (d) Sar upgrade fil- laundry , fis- security lodge u xogħol ta’ tisbiħ fil-parti t’isfel tat-triq interna tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi. (e) Fil-postijiet imsemmija nbidlu s-servizzi tal-ilma, dawl, telefon , IT u arja kundizzjonata. S’issa saru pagamenti ‘interim’ li jammontaw għal €123,359.66 mill-Vot 70408423. Il-ħlas finali jsir wara li jkunu ppreżentati u ċertifikati l- invoices relattivi.

Programm tal-ESTS tal-ITS

Question

B’referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 28261 u 28654, tista’ l-Ministru tispjega għaliex in-numru ta’ studenti fl-iskema ESTS fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi għas-sena akkademika 2011/2012 huwa kważi n-nofs ta’ dak tas-snin ta’ qabel u jmur kontra t-tendenza fl-aħħar snin? Dan it-tnaqqis huwa riżultat ta’ xi inizjattiva li ħa l-Istitut għall-Istudji Turistiċi jew il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ? Tista’ l-Ministru tgħid kemm daħlu studenti ġodda fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi bl-iskema ESTS għas-sena akkademika 2011/2012 (eskluż dawk li qed jirrepetu s-sena u li diġà kienu jattendu l-Istitut għall-Istudji Turistiċi fis-sena akkademika 2010/2011)?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi għas-sena akkademika 2011/12 offra numru ta’ korsijiet ġodda, fosthom kors ‘Foundation Certificate in Hospitality Trades’ u b’hekk l-istudenti kellhom firxa aktar wisa' ta’ għażla ta’ korsijiet. Fl-iskema Extended Skills Training Scheme (Hospitality Trades) għas-sena akkademika 2011/12 daħlu 27 student/a ġodda.

ITS — studenti li għandhom ċertifikat tal-ECDL

Question

Tista’ l-Ministru tagħti rendikont ta’ kemm mill-istudenti l-ġodda li bdew jattendu kors għall-ewwel darba fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi fis-sena akkademika 2011/2012 għandhom ċertifikat tal-ECDL (ECDL Core – 7 modules)? Kif inhuma mqassma dawn kors b’kors? X’inhi l-policy tal-ITS dwar studenti prospettivi li japplikaw għal kors l-ITS mingħajr ma jkollhom l-ECDL Core Certificate?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

ITS — tfixxija ta' post alternattiv

Question

B’referenza għar-rapporti fil-mezzi tal-istampa li kkwotaw lill-Ministru tgħid li qed issir tfittxija għal post alternattiv fejn jista’ jmur l-Istitut għall-Istudji Turistiċi, tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-kriterji u parametri li qed jintużaw fit-tfittxija għal post alternattiv, speċjalment dawk relatati ma’ lokazzjoni, kobor tal-bini, popolazzjoni studenteska u aspetti finanzjarji? Hemm xi time frames partikolari?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dwar il-kampus ġdid għall-ITS li semmejt numru ta’ drabi qed isiru bħalissa studji mill-ITS flimkien mal-Fondazzjoni għall-iskejjel t’għada (FTS) sabiex nidentifkaw eżatt x’hemm bżonn f’terminu ta’ faċilitajiet għall-edukazzjoni kif ukoll għal residenza li tista’ tkun parti mill-esperjenza ta’ tagħlim tal-istudenti tal-ITS. Qed issir tfittxija ukoll għat sit adegwat li jkun jista’ jakkomoda dawn il-faċilitajiet skont il-viżjoni l-ġdida li għandha għall-ITS. Wara li jiġi identifikat sit adegwat, imbgħad inkunu nistgħu nħarsu lejn timeframes.

kors tal-gwidi part-time

Question

Tista' l-Ministru tgħid għalfejn il-kors part-time tal-gwidi għadu ma bediex? Tista' tgħid meta se jibda dan il-kors għax lanqas timetable l-istudenti għad m'għandhom filwaqt li l-miżata tħallset fil-ħin? X'sar minnha pettizzjoni li kienet intbagħtet f'Jannar lill-amministrazzjoni tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi peress li ħlief acknowledgement ma rċevewx l-istudenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-part-time kors tal-gwidi (kontinwazzjoni) beda fis-17 ta’ Ottubru 2011 fil-17.30 ta’ filgħaxija. Avviż tal-ftuħ ta’ dan il-kors ingħata fil-5 ta’ Ottubru. Skeda ġenerali ngħatat lill-applikanti kollha fl-10 ta’ Ottubru. Ma ġiet preżentata l-ebda petizzjoni iżda ittra b’suġġeriment mill-istudenti fiż-żmien meta kien għaddej proċess sħiħ ta’ konsultazzjoni. Għaldaqstant il-proposti li ngħataw ittieħdu kollha in konsiderazzjoni u fejn possibbli ġew indirizzati.

Faculty of Health Science — problema ta' parking lill-istudenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-problema tal-parking tal-istudenti tal-Faculty of Health Science hijiex qed tiġi indirizzata u dan għaliex ħafna minn dawn l-istudenti mhux isibu fejn jipparkjaw minħabba l-ħin partikolari li ħafna drabi matul il-ġimgħa jibdew? Jekk iva, x'tip ta' soluzzjoni se tkun offruta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-istudenti tal-Faculty of Health Sciences m’għandhomx parking riservat ġewwa Mater Dei. Però bħall-istudenti kollha tal-Università, huma għandhom post għall-parkeġġ fil-campus tal-Univeristà fuq bażi ta’ first-come-first-served. Dan japplika ukoll għall-istudenti tal-Medical School li huma ukoll stazzjonati fil-bini ta` Mater Dei. Il-parkeġġ ġewwa Mater Dei huwa amministrat mill-management tal-isptar u mhux tal-Università.

Faculty of Health Science — problema ta' lecture room żgħira

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-problema tal-lecture room żgħira li qed tintuża madwar 116-il student tal-Faculty of Health Science li jkollhom jużaw lecture room magħrufa bħala C2 hijiex se tkun indirizzata u dan peress li l-ispazju huwa ferm limitat għal dan l-ammont ta' studenti u li anke l-istess arja ta' din il-lecture room qed tkun saffokanti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-lecture room imsemmija tesa` madwar 140 student. Il-lecture room li tinsab ġewwa Mater Dei hija mgħammra b’temperature sensors. Minn informazzjoni mgħoddija lilna mill-Enginiera ta’ Mater Dei, jirriżulta li t-temperatura tal-kamra hija ssetjata għal 22 grad celcius. Meta it-temperatura fil-kamra togħla, din tiġi awtomatikament ikontrollata mill Air Handling Unit li jissuplixxi arja kondizzjonata friska lil din il-kamra.

Faculty of Health Science — studenti subien detailed fil-Maternity Ward

Question

Tista' l-Ministru tindirizza l-problema ta' studenti subien li jattendu fil-Faculty of Health Science u li jiġu detailed fil-Maternity Ward imma ma jitħallewx jaħdmu hemm u anke huma stess ma jkunux jixtiequ jassistu f'dawn il-wards għaliex la l-pazjenti u lanqas l-istudenti ma jħossuhom komdi? Tista' tara li dawn ikunu detailed fuq xogħol u/jew studju ieħor u dan sabiex ma jitilfux żmien?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-ħtiġijiet tat-taħriġ għall-professjoni tal-infermiera bħalissa qed jiġu rregolati mid-direttivi Ewropej 77/453/KEE, 89/595/KEE u 2005/36/KE. Dawn id-Direttivi jistipulaw, fost materji oħra, l-oqsma kliniċi fejn jingħata servizz li għandhom jiġu indirizzati fi programm ta’ edukazzjoni għall-infermiera qabel ir-reġistrazzjoni. Waħda mill-oqsma kliniċi obbligatorji fejn l-istudenti għandhom jiksbu esperjenza klinika hija l-kura fil-maternità. Jekk l-istudenti ma jissodisfawx din il-kondizzjoni ma jkunux jistgħu jirreġistraw mal-Kunsill tal-Infermiera u l-Qwiebel ta’ Malta (jew kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE) u ma jkunux jistgħu jipprattikaw wara li jiggradwaw. L-istudenti fil-kors għall-infermiera huma pprovduti b’mod strutturat għat-tagħlim fis-sessjonijiet prattiċi fil-maternità permezz tal-użu ta’ workbook u jduru fl-oqsma differenti biex jiksbu esperjenza fil-kura ta’ qabel it-twelid, l-istadji tal-ħlas u l-kura ta’ wara t-twelid. L-għan ta’ dan hu li jiżgura li l-istudent u l-persunal professjonali huma konxji tal-ħtiġijiet għat-tagħlim tal-istudenti u li dawn jinkisbu bl-aktar mod effiċjenti possibbli. Id-Dipartiment tan- Nursing qatt ma rċieva lmenti minn studenti rġiel jew minn dawk li joffru servizz dwar il-preżenza ta’ studenti rġiel fl-oqsma tal-maternità. Studenti infermiera rġiel mhumiex l-uniċi rġiel li jistgħu jkunu qed jassistu nisa tqal fl-ambjenti tal-maternità; hemm diversi ostetriċi, ġinekoloġi u studenti tal-mediċina rġiel li jaħdmu f’ambjenti bħal dawn.

Għaqda mid-Dlam għad-Dawl — Appartamenti f'Bormla

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li sar mal-Għaqda Mid-Dlam għad-Dawl fuq numru ta' appartamenti f'Bormla?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpġġa fuq il-Mejda tal-Kamra

Peripatetic Drama Teachers — riżultat finali

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta saret l-aħħar sejħa għal Peripatetic Drama Teachers? Kemm kienu dawk li applikaw? Kif saret l-għażla finali? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-riżultat finali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-aħħar sejħa għall-peripatetic drama teachers saret fis-7 ta’ Jannar 2011 u kien hemm erbatax-il applikant. L-għażla finali saret b’intervista. Annessa kopja tar-riżultat finali.

Skejjel phased out

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma dawk l-iskejjel li se jkunu phased out matul il-ħames snin li ġejjin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iskejjel li se jkunu phased out matul il-ħames snin li ġejjin huma dawn: Kulleġġ San Benedittu, Sekondarja Bniet, Tarxien Kulleġġ Santa Margerita, Sekondarja Bniet, Bormla Kulleġġ Santa Margerita, Sekondarja Subien, Verdala (Fortini Annexe) Kulleġġ Santa Klara, Sekondarja Subien, Gżira Kulleġġ San Ġorġ Preca, Sekondarja Bniet, M'Assumpta Kulleġġ San Ġorġ Preca, Sekondarja Subien, Marsa Kulleġġ San Nikola, Sekondarja Subien, Mtarfa Kulleġġ San Nikola, Sekondarja Bniet, Rabat Kulleġġ San Tumas More, Sekondarja Subien, Raħal il-Ġdid

ITS — kors part-time tal-gwidi

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma jekk il-kors part-time għall-gwidi turistiċi fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi bediex fis-17 ta' Ottubru 2011? Dan il-kors huwa ġdid jew sempliċement kontinwazzjoni ta' dak li kien qed isir diġà fix-xhur li għaddew? Jekk inhu ġdid, meta saret is-sejħa pubblika? Kemm applikaw studenti, meta saru l-interviews u kemm ġew aċċettati? Jekk inhu kontinwazzjoni, x'kienu l-"kwistjonijiet loġistiċi" li ssemmew f'rapport fil-mezzi tal-istampa? Min huma l-lecturers?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kors part-time tal-gwidi (kontinwazzjoni) beda fis-17 ta’ Ottubru 2011. Avviż tal-ftuħ ta’ dan il-kors ingħata fil-5 ta’ Ottubru. Il-kwistjonijiet loġistiċi kienu primarjament relatati man-numru ta’ studenti mill-istess kors li ikkonfermaw li jixtiequ ikomplu bl-istudji tagħhom fuq bażi part-time. Il-lekċerers huma Daniela Vassallo, Glorianne Mizzi, Ruth Azzopardi u Simon Salafia.

ITS — ftehim kollettiv

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex waslu n-negozjati għall-iffirmar ta’ Ftehim Kollettiv Ġdid għall-impjegati akkademiċi fl-Istitut ghall-Istudji Turistiċi, liema ftehim skada fl-1 ta’ Jannar 2010 u li wassal biex l-Malta Union of Teachers tirreġistra tilwima industrijali? Meta saret l-aħħar laqgħa uffiċjali bejn il-Gvern u l-Malta Union of Teachers fejn kien diskuss il-Ftehim Kollettiv ġdid? Hemm xi laqgħat oħra ppjanati għall-futur qrib?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-ftehim kollettiv għall-impjegati akkademiċi tal-ITS ma skadiex fl-1 ta’ Jannar 2010, imma fl-1 ta’ Jannar 2011. It-taħditiet għal ftehim kollettiv ġdid ilhom għaddejjin għal dawn l-aħħar xhur. Ninsab infurmata li kien hemm konferma mill-MUT għal laqgħa li jmiss ġurnata qabel ma ħarġet it-tilwima industrijali. Il-laqgħa kienet ġiet ikkonfermata mill-istess MUT għal 21 ta’ Ottubru 2011.

Fibromyalgia — Lista ta' mard

Question

B'referenza għat-tweġiba mistoqsija parlamentari 28656, tista' l-Ministru tgħid għaliex il-marda msemmija fil-mistoqsija għadha ma ddaħħlitx bħala waħda mill-mard li jikkwalifikaw għal għajnuna medika?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Għajnuna għal Mard (għajnuna medika) tingħata lil persuni li qed isofru minn marda jew kundizzjoni li tista’ tittaffa jew tiġi kkurata b’dieta jew sistema ta’ kura speċjali. Kif spjegajt fit-tweġiba tiegħi għal Mistoqsija Parlamentari Numru 28656 skont informazzjoni li ntbagħtet mid-Dipartiment tas-Saħħa ma jidhirx li din il-kundizzjoni medika (Fibromyalgia) tista’ tittaffa jew tiġi kkurata b’dieta jew sistema ta’ kura speċjali u għalhekk ma tistax tiġi mdaħħla bħala waħda mill-mard li jikkwalifikaw għal Għajnuna għal Mard.

Servizz ta' nurse u l-Ewwel Għajnuna fl-iskejjel

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 28590, tista’ l-Ministru tgħid liema huma l-iskejjel li għandhom għalliema kwalifikati fl-Ewwel Għajnuna u liema huma dawk l-iskejjel li għandhom is-servizz ta’ nurse?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-għalliema peripatetic tal-Health and Safety, li kollha huma kwalifikati fl-Ewwel Għajnuna ( First Aid ), ikopru lill-iskejjel primarji kollha tal-gvern. Lista tal-iskejjel sekondarji li għandhom għalliema tal-Health and Safety kwalifikati fl-Ewwel Għajnuna qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni qed jixtri s-Servizz tan-Nurse għall-Istudenti li jattendu fl-iskejjel tal-Istat kollha.

Kontenut tal-Accounts ta' Għaqdiet volontarji

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamenari 6641 tas-sena 2009, tista’ l-Ministru tgħid jekk issa hemmx regoli dwar il-kontenut tal-accounts li jridu jżommu l-għaqdiet volontarji u jekk hemmx regoli dwar kif għandhom jiġu audited?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Ministeru, flimkien mal-Uffiċju tal-Kummisarju tal-għaqdiet Volontarji u l-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju ħejjew abbozz għal Avviż Legali li jirregola kif l-għaqdiet volontarji jżommu l-accounts u kif jiġu audited skont il-prassi finanzjarji. Dan l-abboz għandu jiġi ppublikat fil-ġimgħat li ġejjin.

Aġenziji u taqsimiet — lista dettaljata bl-indirizzi

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista dettaljata bl-indirizzi eċċ. tal-aġenziji u t-taqsimiet kollha li jaħdmu fil-qasam soċjali u li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha u tgħid min huwa responsabbli ta’ dawn l-aġenziji?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Aġenzija Appoġġ — Vjolenza Domestika - lista ta' standards

Question

Tista’ l-Ministru telenka l-iSandards dwar il-Vjolenza Domestika li qed jiġu osservati mid-Domestic Violence Unit tal-Aġenzija Appoġġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Unit tal-Vjolenza domestika fi ħdan l-Appoġġ għandu Manwal ta’ Proċeduri li jiggwida l-intervenzjonijiet tal-prattika tal-ħaddiema soċjali. Superviżjoni klinika kif ukoll operazzjoniali huma pprovduti lill-ħaddiema tal-unit mill-ko-ordinatur u s- service area leader tas-servizz skont l- policy tas-supervizjoni tal-Aġenzija. Dawn l-membri tal-istaff irċevew taħriġ fis-supervizjoni. Il-Unit juża wkoll l-għodda tal-assessar ‘DASH’ (domestic abuse, stalking and harassment checklist) li hija għodda użata mir-Renju Unit sabiex jiġi assessat l-livell tar-riskju f’kull każ ta’ vjolenza domestika. Bħalissa qiegħed jiġi ppjanat programm ta’ taħriġ li hu bbażat fuq l-istandards minimi ta’ taħriġ li ħareġ il-Kunsill tal-Ewropa fid-dokument “Setting the Standard: A Study on and Proposals for Minimum Standards for Violence Against Women Support Services”, li kien miktub minn Liz Kelly u Lorna Dubois,

Skejjel Sekondarji — sexual education

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'tip ta' sexual education jsir fl-iskejjel sekondarji? Jekk dan il-mudell mgħallem huwiex wieħed ikkupjat minn xi sistema edukattiva oħra jew jekk is-sillabus huwiex wieħed maħdum lokalment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fis-settur sekondarju diversi temi differenti skont l-età u l-maturità tal-istudent jiġu ttratati matul il-ħames snin. Fost dawn nistgħu nsemmu l-iġene personali, l-iżvilupp fiżiku, sesswali u emozzjonali, l-effett tal-media u tas-soċjetà u kif wieħed iħares lejn is-sesswalità tiegħu. Tingħata importanza lill-valur tal-ħajja, it-tqala qabel iż-żwieġ u l-konsegwenzi li ġġib magħha. Fis-suġġett tal-PSD jiġu diskussi ukoll temi bħal l-iżvilupp tas-sess oppost, l-imaġni individwali, il-kontraċettivi, il-mard assoċjat mal-abbuż sesswali, stupru, internet chatting, fastidju sesswali, omossesswalità pedofilija, l-esebizzjoniżmu u l- pornografija . L-edukazzjoni sesswali għandha l-għan li tgħin l-istudenti jiżviluppaw valuri pożittivi lejn is-sesswalità tagħhom u ta’ ħaddieħor, tipprovdi informazzjoni tajba u aġġornata u tgħin lill-istudenti jiżviluppaw ħiliet biex jagħmlu għażliet infurmati u tajba. Il-programm hu ibbażat fuq ‘Guidelines for a comprehensive sexuality education’ (2003) maħruġ minn ‘The Sexuality information and Education Council of the United States’ u fuq ‘Standards for Sexuality Education in Europe’ maħruġ mill-World Health Organization. Madankollu l-programm jiġi adattat skont il-bżonnijiet tal-istudenti Maltin.