Legislature:
Category:
Reset
Active:

Is-Siġġiewi – pjanti tar-restawr taz-zuntier

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tar-restawr taz-zuntier tas-Siġġiewi?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanti tax-xogħlijiet li ser isiru fuq iz-zuntier tas-Siġġiewi qed jiġu mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar – implimentazzjoni ta’ Direttivi tal-UE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru tiegħu tul is-sena 2022 u liema huma dawk li għadhom pendenti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2022, il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar ma kellu l-ebda Direttiva tal-Unjoni Ewropea li kellha tkun trasposta fil-liġi nazzjonali u għaldaqstant m’hemm l-ebda Direttiva li hija pendenti.

Awtorità tal-Ippjanar — applikazzjonijiet mill-kunsilli lokali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7400 dwar applikazzjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar mill-Kunsilli Lokali, jista' l-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub fl-istess mistoqsija u jgħid x'inhuma l-55 applikazzjoni li hemm referenza għalihom fl-istess tweġiba? Jista' jagħti tagħrif ukoll, f'kull każ, x'inhu n-numru tal-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar sas-17 ta’ Marzu 2023, fejn l-applikant huwa rappreżentant ta’ Kunsill Lokali.

Dipartiment tax-Xogħlijiet – spazji miftuħa eżistenti

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi lista tal-ispazji miftuħa diġà eżistenti li ser ikunu rinovati jew li se ssirilhom manutenzjoni u li ser ikunu qed jitlestew sal-aħħar tal-2023 mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar tal-2023, mix-xogħlijiet li d-Dipartiment qed jaħdem fuqhom bħalissa, se jkun qed jirrinova dawn l-ispazji miftuħa: Ġnien Bir l-Iljun fir-Rabat, Ġnien il-Kunsill f’Birżebbuġa u Ġnien Ġorġ Zarb f’San Ġwann.

Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — rapporti lill-pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar għaxar snin kemm-il rapport kriminali sar mill-Permanent Secretary mal-Pulizija fir-rigward tal-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom fil-Ministeru? Jista' jgħid ukoll dwar xiex sar ir-rapport u x'kien l-eżitu ta’ kull rapport rispettiv?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nistieden lill-Onor. Interpellant jindirizza din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Salina – salt pans — tindif

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-kanal ta' madwar is-salt pans tas-Salina jitnaddaf mill-alka u materjal ieħor li nġabar fih, peress li dan qiegħed jikkawża blockage tal-istess kanal u riħa tinten?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parti tal-kanal fejn hu meħtieġ li jsir tindif ma jaqax taħt il-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar. Madanakollu d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed joffri l-assistenza teknika lill-entità responsabbli biex isiru x-xogħlijiet meħtieġa.

Marsaxlokk – statwa tal-Qalb ta’ Ġesu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li statwa ddedikata lill-Qalb ta’ Ġesu li kienet tinsab fil-moll ta’ Marsaxlokk fuq in-naħa tat-triq int u sejjer lejn Birżebbuġa, ġiet imkissra u mormija waqt li kien qiegħed isir ix-xogħol u jekk le, jista’ jassigura li titqiegħed lura f’postha?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Energy Performance Certificates

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1981, 5572 u 6075 u jgħid kemm ġew irreġistrati, sena b’sena u sakemm qed titwieġeb din il-mistoqsija, Energy Performance Certificates (EPCs) għall-ewwel darba, maqsuma bejn bini jew installazzjonijiet privati, pubbliċi u kummerċjali? Kemm minn dawn skadew? Kemm minn dawk li skadew reġgħu ġew imġedda u kemm minn dawk li skadew għadhom skaduti? Kemm mir-rakkomandazzjonijiet li saru fiċ-ċertifikati li saru fl-ewwel ċertifikat ġew implimentati sakemm saret iċ-ċertifikazzjoni sussegwenti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Infurmat li n-numru ta’ EPCs reġistrati kull sena huma kif ġej: Djar ta’ abitazzjoni: Sena Numru totali ta' EPCs 2023 476 2022 8,900 2021 10,194 2020 9,286 2019 13,131 2018 16,576 2017 10,392 2016 9,035 2015 7,936 2014 1,382 2013 139 2012 238 2011 301 2010 3 Bini ieħor: Sena Numru totali ta' EPCs 2023 10 2022 316 2021 318 2020 331 2019 623 2018 1,044 2017 1,036 2016 689 2015 543 2014 37 Kull EPC huwa validu għal għaxar snin. EPC irid jinħareġ f’każi ta’ bejgħ, kiri jew bini ġdid. Hemm l-obbligu li s-sid jara li hu konformi mar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-istess ċertifikat.

Ħal Safi, Imqabba u Ħal Kirkop – ħruġ ta’ permessi għal tined/canopies

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6074 u jgħid kemm inħarġu permessi għal tined/canopies mill-1 ta' Jannar 2022 sal-aħħar ta' Jannar 2023 f'Ħal Safi, fl-Imqabba u f’Ħal Kirkop?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma nħarġu l-ebda permessi għal tined f’Ħal Safi, l-Imqabba u Ħal Kirkop bejn l-1 ta’ Jannar 2022 u l-aħħar ta’ Jannar 2023.

Awtorità tal-Ippjanar – status ta’ applikazzjoni

Question

B'referenza għal applikazzjoni numru PA/03040/16, jista' l-Ministru jispjega xi jfisser l-istatus "Planning Authority decision reviewed by Appeals Board / EPRT" u jekk dan il-każ hux magħluq? Jekk le, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kummissjoni tal-Ippjanar hijiex qed tikkunsidra mill-ġdid l-applikazzjoni fid-dawl ta’ dak li kien espliċitament deċiż u ordnat mit-Tribunal fid-deċiżjoni tal-appell 343/16, ġaladarba t-Tribunal ħassar il-permess PA/3040/16 fl-appell nru 382/18 JB?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

B’referenza għall-istatus tal-applikazzjoni PA/03040/16 "Planning Authority decision reviewed by Appeals Board / EPRT" ifisser illi l-applikazzjoni kienet appellata u t-Tribunal emenda d-deċiżjoni oriġinali. Bħalissa l-applikazzjoni qed terġa' tiġi kkunsidrata wara li d-deċiżjoni tat-Tribunal fl-appell PAB382/18 JB kienet li l-applikazzjoni terġa tiġi ikkunsidrata mill-Kummissjoni tal-Ippjanar fid-dawl ta’ dak li kien deċiż u ordnat mit-Tribunal fid-deċiżjoni tal-appell PAB343/16, u tiddeċiedi mill-ġdid skont il-liġi u għaldaqstant għadha m’hix magħluqa. Bħalissa l-applikazzjoni qiegħda quddiem il-Kummissjoni tal-Ippjanar u fil-fatt tressqet tlett darbiet minn Mejju tal-2021 s’issa fejn l-applikant intalab biex jemenda l-block plan biex turi permessi li ħarġu ġol-Category 3 Rural Settlement. L-aħħar seduta kienet fil- 15 ta’ Marzu li għadda fejn id-deċiżjoni ġiet diferita għal ħmistax-il ġurnata sabiex il-perit inaqqas id-daqs tal-proposta u l-informazzjoni sottomessa terġa tintbgħat lill-Kumitat ta’ Konsulenza dwar l-Agrikoltura.

Diviżjoni tax-xogħlijiet – xogħol għall-kunsilli lokali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 7085 u 7351 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6862 dwar xogħol għall-kunsilli lokali mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet, jista’ l-Ministru jgħid liema kienu x-xogħlijiet li saru bil-modi indikati fit-tweġiba għas-sena 2022?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ xogħlijiet li saru bil-modi indikati fit-tweġiba mistoqsija parlamentari 6862 għas-sena 2022.

Diviżjoni tax-Xogħlijiet – xogħol għall-kunsilli lokali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 7084 u 7350 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6862 dwar xogħol għall-kunsilli lokali mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet, jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti li qed jitwettqu bħalissa bil-mod kif indikat fir-risposta, kemm fejn ix-xogħol qed isir kollu mid-dipartiment, kif ukoll fejn il-kunsill qed jipprovdi l-materjal?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ xogħlijiet li qed jitwettqu bħalissa bil-mod kif indikat fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6862, kemm fejn ix-xogħol qed isir kollu mid-Dipartiment, kif ukoll fejn il-Kunsill qed jipprovdi l-materjal.

BCA – tender method statements

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7144, jista’ l-Ministru jgħid jekk bħalissa huwiex il-perit ingaġġat mill-Awtorità li qiegħed jevalwa l-method statements kollha, jew inkella jekk hemmx periti oħrajn ingaġġati permezz ta’ outsorcing li qegħdin jassistu fil-proċess?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-method statements li jiġu sottomessi lill-Awtorità qed ikunu vverifikati minn numru ta’ periti, fosthom perit li huwa ingaġġat mal-Awtorità.

BCA – dewmien fl-għoti ta’ clearances

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7143, jista’ l-Ministru jagħti iżjed informazzjoni dwar x’inhuma dawn ir-regoli stabbiliti li skonthom il-BCA tipproċessa l-Method Statements?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7583 li qed tingħata wkoll fis-seduta tal-lum.

BCA – ħruġ ta’ clearance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-medja tad-dewmien li l-BCA tieħu sabiex toħroġ il-clearance f’każ li l-Method Statement ikun sottomess kif meħtieġ, u allura ma jkunx hemm il-ħtieġa li tintalab reviżjoni?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġaladarba l-Awtorità tikkonferma li l-method statements u dokumenti oħra sottomessi mill-applikant ikunu konformi mal-Liġijiet Sussidjarji 623.06 u 623.08, il-clearance tinħareġ immedjatament. Madanakollu, ikun hemm sitwazzjonijiet fejn xi dokumenti li jkunu ġew sottomessi mill-applikant lill-Awtorità ma jkunux jissodisfaw il-liġijiet imsemmija u għaldaqstant il-proċess jitwal. F’dan il-każ, it-tul ta’ żmien biex tinħareġ il-clearance jiddependi biss minn kemm idumu ma jissottomettu d-dokumenti korretti l-applikanti.

Awtorità tal-Ippjanar — fondi miġburin minn skemi diversi

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema linji gwida jintużaw biex l-Awtorità tal-Ippjanar tiddeċiedi li tgħaddi fondi miġbura mid-Development Planning Fund (DPF), mill-Commuted Parking Payment Scheme (CPPS) u fondi oħra li tiġbor, lil xi kunsill lokali jew lil xi entità oħra lokali, għal titjib fil-lokalità? Jista' jgħid ukoll liema dokumenti jkunu jridu jiġu sottomessi għall-konsiderazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar f'dawn l-applikazzjonijiet qabel il-fondi jiġu approvati?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-Ċirkulari tal-Ippjanar numru 1 tas-sena 2022 tagħti linji gwida dwar kif jintużaw fondi tal-Awtorità fl-iskema magħrufa bħala “Locality Funding” tad-Development Planning Fund. Qiegħed inpoġġi kopja taċ-Ċirkulari u d-dokumenti relatati fuq il-Mejda tal-Kamra. Dokumenti li jkunu jridu jiġu sottomessi flimkien mal-applikazzjonijiet għall-fondi ħafna drabi jiddependu min-natura tal-applikazzjoni. F’każ ta’ applikazzjoni għall-fondi “full” tista’ tgħid li dejjem ikunu jinvolvu: Site plan Block Plan Plans, elevations etc. Bills of Quantities Specifications Approved Planning Consent References (eg. PA, DN etc. if relevant) Photographs F’każijiet oħrajn jistgħu jintalbu dokumenti oħra skont il-każ. L-applikazzjonijiet huma standard u jinkisbu minn fuq il-websajt tal-PA.

Ta' Qali — Art għall-Bini ta' Arkivju Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6727 u jgħid f'liema stadju wasal il-proġett tal-bini ta’ Arkivju Nazzjonali fuq l-art f’Ta' Qali li fit-3 ta’ Ġunju 2019 kienet mgħoddija uffiċjalment lill-Arkivji Nazzjonali għal dan l-iskop u li l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien kien ikkonferma li fuqha ser jinbena l-Arkivji Nazzjonali?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6799 li ngħatat fis-seduta 95 mill-Ministru kkonċernat.

Remunerazzjoni ta’ Eks Membri Parlamentari

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kull kuntratt ta' konsulenza, servizz jew xort’oħra ta' remunerazzjoni li ngħataw mill-Ministeru jew minn xi entità li taqa' taħtu, lill-Eks Membri Parlamentari li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament bejn l-2018 u llum? Jista' f'kull każ jgħid b'liema proċedura ngħata l-kuntratt jew servizz, x'kienet ir-remunerazzjoni u x'kienu l-benefiċċji u perkaċċi marbuta miegħu?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda kuntratt ta' konsulenza, servizz jew xort’oħra ta' remunerazzjoni li ngħataw mill-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar lill-Eks Membri Parlamentari li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament.

Awtorità tal-Ippjanar — applikazzjonijiet mill-kunsilli lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kunsilli lokali għandhom applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar biex jiżviluppaw xi sit jew proprjetà? F'kull każ, liema huma l-applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar u minn liema kunsill lokali?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed nippreżenta t-tabella li turi n-numru t'applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar sa’ 17 ta’ Marzu 2023, fejn l-applikant huwa r-rappreżentant tal-Kunsill Lokali. Applikant Applikazzjonijiet pendenti Birkirkara 1 Birzebbuga 1 Bormla 2 Dingli 2 Floriana 2 Ghajnsielem 2 Gharb 3 Gharghur 3 Ghaxaq 1 Iklin 1 Kercem 4 Kirkop 1 Marsa 1 Marsaxlokk 1 Mellieha 2 Mqabba 1 Paola 1 Qala 1 Qormi 1 Qrendi 2 Rabat 6 San Giljan 2 San Pawl il-Bahar 1 Santa Lucija 1 Siggiewi 1 Xewkija 1 Xghajra 2 Zebbug (Gozo) 1 Zejtun 5 Zurrieq 2 Grand Total 55

Binja – żvilupp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità kkonfermatx li l-iżvilupp tal-binja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament huwiex earthquake proof? Fid-dawl ta’ numru ieħor ta’ żviluppi high rise, jista' jgħid jekk hemmx xi policy fuq is-sigurtà ta’ dawn il-binjiet fl-eventwalità ta’ terrimot? Jekk le, jista’ jgħid jekk huwiex iż-żmien li nkunu proattivi u jkollna policy/guidelines/regoli fuq dan?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema Awtorità qed jirreferi.