Għawdex – sejħa li ħarġet Infrastructure Malta għal xogħlijiet fit-toroq
Question
B'referenza għas-sejħa li ħarġet Infrastructure Malta permezz ta’ Dynamic Purchasing System fis-sena 2020, IM005/2020 - Establishment of a Dynamic Purchasing System for the Construction and maintenance of roads in different localities in Malta and Gozo - u peress li f'din is-sejħa kien hemm Għawdex inkluż, jista’ l-Ministru jgħid x'toroq saru permezz ta’ din is-sejħa ġewwa Għawdex, raħal raħal, u kemm kienet l-ispiża?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8862 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – entitajiet li joperaw minn binjiet bil-kera
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li joperaw minn binjiet li huma mikrija? Jista’ jgħid ukoll liema binjiet huma, meta bdew jinkrew, kemm hi l-kirja kull sena u meta tagħlaq tali kirja?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Grand Harbour Regeneration Corporation jikru l-post bħala uffiċini 11, Transport House, Triq Pietro Floriani, Floriana, kirja minn Novembru 2017 sa Ottubru 2027. Il-ħlas tal-ewwel 5 snin €90,000 fis-sena u tieni 5 snin €100,000 fis-sena. Sid il-post huwa Hili Properties, Nineteen Twenty Three, Valletta Road, Marsa. L-Awtorità tat-Trasport tikri l-Malta Transport Centre fi Triq Pantar, Lija. Il-kirja bdiet fid-19 ta’ Jannar 2017 għall-perjodu ta’ 10 snin, li jista’ jkun estiż għal ħames snin b’reviżjoni tal-kera, il-ħlas huwa ta’ €1,864,843.68 lil Sudvel Ltd. Tikri ukoll A3 Towers Triq L-Arkati, Paola. Il-kirja bdiet fid-29 ta’ Awwissu 2014 għall-perjodu ta’ 5 snin u estiż għal 5 snin b’reviżjoni tal-kera skont iż-żieda fl-Indiċi tal-Bejgħ, il-ħlas huwa ta’ €489,775.70 lil Paola Estates Ltd. Tikri ukoll Tiġrija Palazz, ir-Rabat Għawdex. Il-kirja bdiet fil-15 ta’ Marzu 2015 għall-perjodu ta’ 6 snin u estiż għall-perjodu ta’ sentejn, il-ħlas huwa ta’ €11,304.44 lil Tiġrija Developments Ltd.
Proġett tal-pont bejn il-Marsa u Ħal Qormi – ħsarat fil-lifts
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba l-lifts, li saru parti mill-proġett tal-pont bejn il-Marsa u Ħal Qormi li ġie inawgurat is-sena li għaddiet, kellhom ħsara u/jew ma kenux qegħdin joperaw għall-pubbliku matul din l-aħħar sena? Jista’ jagħti r-raġuni għalfejn ma kenux qegħdin joperaw?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta fi ħdan il-Ministeru tagħmel spezzjonijiet u jsiru manutenzjonijiet perjodikament fuq il-lifts li jagħmlu parti mill-proġett riferut għalih f’din il-Mistoqsija Parlamentari. F’każ li tiġi nnotata xi ħsara fuq dawn il-lifts, tittieħed azzjoni immedjata sabiex il-ħsara tiġi rrimedjata.
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta' proġetti wettqet l-entità Projects Plus ġewwa l-gżira ta' Għawdex minn meta twaqqfet sal-lum u x'kien il-valur tagħhom? Jista’ jgħid ukoll xi proġetti hemm ippjanati li jsiru minn Projects Plus ġewwa Għawdex matul is-sena 2023?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Projects Plus Limited titqabbad minn Ministeri u entitajiet Governattivi biex toffri s-servizzi tagħha u tikkordina l-implimentazzjoni ta’ proġetti infrastrutturali fuq bażi nazzjonali. S’issa din l-entità ħadmet ma’ diversi Ministeri u entitajiet differenti u mhux eskluż li fil-futur taħdem ukoll proġetti fil-gżira Għawdxija. Bħalissa Projects Plus Limited tinsab iffukata fuq numru ta’ proġetti f’Malta, li jvarjaw minn parkeġġi pubbliċi, housing soċjali, kumpless sportiv kif ukoll proġetti oħra fl-oqsma tas-sigurtà ta' pajjiżna.
Birkirkara – Triq il-Kbira San Ġużepp — bus stop u traffic lights
Question
Jista’ l-Ministru jikkonsidra li l-bus stop u t-traffic lights li hemm fi Triq il-Kbira San Ġużepp, ġewwa Birkirkara, quddiem l-Istitut San Ġużepp, jitressqu iżjed 'l isfel biex itaffu t-traffic jam li jkun ġej minn Triq l-Imdina u Triq Fleur-de-Lys, lejn il-Ħamrun u l-Belt?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lil Onor. Interpellant li Triq il-Kbira San Gużepp ġo Birkirkara ma teżistix. Jeżistu Triq il-Kbira u Triq il-Kbira Ħas Sajjied li ma jidhirx li fihom traffic lights u bus stops. Fil-każ li qed tirreferi għal Triq il-Kbira San Gużepp ġo Santa Venera, l-Awtorità tat-Trasport ma għandha preżentament l-ebda talba pendenti għal rilokazzjoni tal-bus stop u traffic lights. L-Awtorità tista' tikkunsidra t-talba ladarba din tidħol b'mod uffċċjali.
Billi l-Ferry Terminal bejn Bormla u l-Belt issa ilu bosta snin sabiex jitlesta, jista' l-Ministru jgħid meta se jibda jintuża mill-passiġġieri li jużaw il-ferry?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġew ordnati xi fenders u wara li dawn jitwaħħlu t-Terminal ikun jista’ jintuża. Dan qed isir biex niżguraw li dan it-Terminal ikun qed jintuża bl-aktar mod sigur.
Jista' l-Ministru jagħti aktar dettalji dwar il-proġett li hemm għaddej fil-lokalità tal-Mosta, ċjoè l-proġett li nbeda minn Triq San Pawl tal-Qliegħa, lejn Triq il-Kbira u issa fi Triq il-Kostituzzjoni? X'tip ta' xogħlijiet qegħdin isiru f'dawn it-toroq? X'tip ta' riżultat ser ikun qed jitgawda mir-residenti Mostin? Peress li kull proġett ta' progress dejjem iġib perjodu ta' rigress sakemm jitlestew ix-xogħlijiet, jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jdum għaddej dan il-proġett biex inkunu nistgħu ngawdu l-frott tiegħu u jitlestew ix-xogħlijiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor Inerpellant li kif inhu indikat fil-mistoqsija, dan il-proġett maqsum f’numru ta’ fażijiet u nbeda mill-parti ta’ Triq San Pawl tal-Qlejja u Triq il-Kunċizzjoni lejn l-aħħar tas-sena 2019 b’diskussjonijet u qbil mal-kunsill rispettiv u l-awtoritajiet ikkonċernati. Il-proġett sħiħ se jkopri tibdil fid-direzzjoni tat-traffiku, bini ta’ toroq mill-ġdid, servizzi ġodda, sistema ta’ ġbir ta l-ilma tax-xita, u tisbiħ tal-pjazza u l-madwar. Dan kollu, kumplimentat minn titjib f’diversi rottot arterjali u distributorji li ġa saru jew qed isiru mad-dawra tal-Mosta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol kollu li sar fi Triq il-Kbira, il-Mosta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta wettqet ir-rikostruzzjoni totali tat-triq u l-kuntrattur implimenta xogħlijiet fuq talbiet minn diversi entitajiet oħra għall-aġġornament tal-infrastruttura l-antika u bil-ħsara, li kienu eżistenti taħt it-triq. Dawn ix-xogħlijiet kienu jinkludu, sistema ġdida tal-ilma tax-xita, sistema ġdida ta’ drenaġġ u konnessjonijiet ġodda tad-drenaġġ ta’ kull residenza fit-triq, dual potable mains u konnessjoni tad-djar ġodda, cables ġodda tat-telekomunikazzjoni, cables tal-elettriku ġodda tal-Enemalta, ir-rikostruzzjoni sħiħa tal-bankini, inklużi l-mogħdijiet tal-Hard Stone fin-naħa t’isfel tat-triq, it-tisħiħ tas-sotto-bażi eżistenti u s-saffi tal-asfalt tul il-medda kollha tat-triq flimkien mas-sinjali tat-toroq u l-marki tal-linji meħtieġa. Il-kont finali għal dawn ix-xogħlijiet kollha flimkien ma’ dak tal-entitajiet l-oħra għadu qed jinġabar. Madanakollu Infrastructure Malta qed tistma li l-ispiża totali ta’ dawn ix-xogħlijiet se tkun ta’ madwar 1.95 Miljun ewro.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8553, li oriġinarjament saret lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, u ċjoè: B’referenza għar-rapport mill-Uffiċċju tal-Ombudsman “Recommendation not implemented: Pavement extension onto parking spaces in Siġġiewi” datat 31 ta’ Jannar 2023, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm progress u x’inhi r-raġuni għalfejn dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew injorati?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol kollu fuq ir-roundabout f’tarf Triq il-Kbira, fil-Mosta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bl-approvazzjoni ta’ Transport Malta, il-kuntrattur ta’ Infrastructure Malta implimenta r-roundabout il-ġdida fi tmiem triq l-Indipendenza kantuniera ma’ Triq il-Kbira Mosta, bħala parti minn pjan akbar ta’ ġestjoni tat-traffiku taż-żona sabiex jakkomoda x-xogħlijiet previsti qrib u madwar din il-lokalità. Ix-xogħlijiet madwar din ir-roundabout għadhom mhux lesti għalkollox u għalhekk il-kont finali għax-xogħlijiet għad irid jiġi kkwantifikat ladarba jitlestew ix-xogħlijiet kollha. Madankollu, Infrastructure Malta qed tistma li l-ispiża totali għax-xogħlijiet għal dan il-proġett se tammonta għal erbgħin elf ewro.
Buġibba – shelter bħala lqugħ mix-xemx għaż-żwiemel
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8500, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu, u jieħu l-passi neċessarji biex ix-shelter maħsub bħala lqugħ mix-xemx għaż-żwiemel qrib il-Pjazza ta’ Buġibba jiġi rranġat u miżbugħ qabel ma ssirlu iktar ħsara?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8716 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol fil-mina ta’ Għajn Dwieli huwiex lest? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk l-uffiċjali ta’ Infrastructure Malta humiex sodisfatti bix-xogħol f’din id-daħla ewlenija tal-Kottonera?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li tlestew il-maġġior parti tax-xogħol fosthom ir-restawr tal-mina, is-shaft ta’ ventilazzjoni f’nofsha, u xogħlijiet oħra ta’ natura ċivili sabiex il-mina tinfetaħ għall-pubbliku, fadal xi xogħol ta’ installazzjoni ta’ sistemi elettriċi li għadhom ma sarux.
Transport Malta — pjan dwar xogħol f'toroq residenzjali
Question
Peress li għal tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari l-Ministru qal li Infrastructure Malta għaddejja b’diskussjonijiet mal-Kunsilli Lokali kollha biex isir pjan dwar it-toroq residenzjali li ser ikunu qed isiru f’kull lokalità, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-pjan tlestiex u jekk fl-affermattiv, iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan il-pjan għall-Kottonera u l-madwar?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li ġew konklużi diversi pjanijiet mal-Kunsilli Lokali ta’ għadd ta’ lokalitajiet, fadal xi dettalji minuri li għad iridu jiġu diskussi rigward il-pjan ta’ xogħol infrastrutturali fil-Kottonera mal-Kunsilli rispettivi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-dawl li għandu jsir fil-mina ta’ Għajn Dwieli huwiex komplut? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk dan hux kif kien imwiegħed oriġinarjament?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi ghat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 8850.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li ssir Triq Ġorġ Mifsud Chircop, f’Ħal Qormi?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qiegħda taħdem mal-Kunsilli Lokali u x-xogħol tat-toroq jiġi allokat skont l-esiġenzi u l-prijoritajiet tal-lokalità rispettiva tagħhom. Sakemm l-aġenzija tagħmel l-intervent min-naħa tagħha, huwa fl-obbligu tal-Kunsilli Lokali li għandhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex ikomplu jagħmlu t-tiswijiet temporanji u manutenzjoni tat-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-bastiment li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament qed jinżamm Malta? Jista’ jikkonferma li dan il-vapur mhu ta’ ebda periklu ambjentali? Kemm huwa maħsub li se jdum hawn Malta dan il-bastiment u fejn jinsab sorġut? Xi prekawzjonijiet qed jittieħdu?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li MT Chem P kienet involuta f'inċident f'Mejju 2022 fl-ibħra territorjali ta' Malta. Il-bastiment bħalissa jinsab marbut b’mod sigur b’ekwipaġġ abbord fil-port ta’ Marsaxlokk u ma joħloqx periklu għall-ambjent. Qed isiru arranġamenti għat-tluq tagħha tielet kwart ta’ din is-sena.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2882 u jagħti update fuq il-mistoqsija parlamentari 23751 li ġiet mistoqsija fit-Tlettax-il Leġiżlatura u jgħid jekk huwiex possibbli li ssir zebra crossing biswit ix-showroom tal-Harley-Davidson fi Triq l-Imdina, Ħ’Attard fejn it-triq tranġat minħabba l-proġett tas-Central Link?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda pjan li jsir crossing addizzjonali fiż-żona indikata.