Legislature:
Category:
Reset
Active:

Paola Hub

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa mistenni li jibda jiffunzjona kompletament il-Paola Hub?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nassigura lill-Onor. Interpellant li t-tim ta’ tmexxija, flimkien mal-professjonisti u l-ħaddiema l-oħra kollha ġewwa ċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Ċensu Moran huma mimlija enerġija biex joffru l-aqwa servizzi lill-pazjenti li jmorru f’din il-binja moderna u attrezzata bl-aktar apparat avvanzat fil-qasam mediku. Fil-qasam tas-saħħa qatt ma tista’ tgħid li mhemmx aktar servizzi x’tista’ toffri.  Il-mediċina dejjem tiżviluppa u s-servizzi dejjem trid tkompli tespandihom u ttejjibhom, bil-ħila tal-esperjenza tal-professjonisti kollha u billi tkompli tatihom għad-dispożizzjoni tagħhom l-aktar apparat state of art li joħroġ fis-suq.  Hekk dan il-gvern ser ikompli jagħmel għax għal dan il-gvern, il-pazjent jiġi l-ewwel.

Proġetti ta’ skejjel mediċi

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk fl-2019, il-Ministru għas-Saħħa kien stqarr li f’Malta u Għawdex kien ser ikun hemm żewġ skejjel mediċi, waħda fl-Università ta’ Malta u l-oħra dik ta’ Barts ġewwa Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-edukazzjoni medika formali hi waħda mill-eqdem fl-Ewropa u bdiet fis-seklu sbatax, bil-fakultà tal-mediċina u kirurġija twaqqfet formalment fis-seklu tmintax. L-iskola medika ta’ Barts f’Għawdex kellha ċ-ċentru tal-anatomija inawgurat f’Diċembru 2018, filwaqt li l-campus permanenti ġie inawgurat f’Novembru 2019.

Proġetti fis-settur tas-saħħa

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista’ ta’ proġetti fis-settur tas-saħħa li twaqqfu jew b’xi mod ieħor inbidel il-ħsieb dwar id-disinn jew l-użu tagħhom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-qasam tas-saħħa, ikun hemm żviluppi kontinwi. Ħasra min ma jagħrafx is-sinjali u min ma joqgħodx  fuq il-pariri siewja tal-professjonisti.  Għax għandna ekonomija b’saħħitha, il-gvern jista’ jalloka €1.7 biljun biex inkomplu ninvestu kemm fin-nies kif ukoll fix-xiri tal-aktar apparat avvanzat biex insostnu l-firxa wiesa’ ta’ servizzi li għandna u nintroduċu oħrajn ġodda. Mhix b’kumbinazzjoni li llum kemm l-irġiel, kif ukoll in-nisa Maltin u l-Għawdxin huma fost l-ogħla fl-UE li jgħixu ħajja sana tul ħajjithom kollha. Infakkar lill-Onor. Intrpellant li x-xogħol infrastrutturali, ix-xiri tal-apparat state of the art u l-ħolqien ta’ servizzi ġodda għall-pazjenti ser ikompli anke fis-sena li ġejja, f’kull qasam tas-saħħa, primarja, sekondarja u terzjarja, kif ukoll fis-saħħa mentali, fil-kura u s-servizzi għall-anzjani.

Sptar Mater Dei – Proġett ta’ skola medika ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proġett ta’ skola medika ġdida fil-Campus Hub ta’ ħdejn l-Isptar Mater Dei huwiex proġett ieħor li ma rnexxiex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 32368.

Sptar Mater Dei - ART clinic - Investiment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ investiment sar fir-rigward tal-investiment estensiv li sar fl-ART clinic fl-Isptar Mater Dei?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li r-rinnovar estensiv li sar fl-ART Clininic ġewwa l-Isptar Mater Dei kien b’investiment ta’ €3.2 miljun. Infurmat li l-proġett kien jikkonsisti f’żieda fil-footprint tal-laboratorji; strutturar mill-ġdid tal-ambjent intern fejn jidħlu air pressure cascades, air changes u air filtration biex tiġi żgurata l-kwalità; installazzjoni ta' tagħmir għal monitoraġġ biex tiġi protetta s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema; kif ukoll sar tibdil tat-tagħmir kritiku.

Trapjant ta’ organi – Listi ta’ stennija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti jistennew għal: i.    trapjant tal-qalb; ii.    trapjant tal-fwied; iii.    trapjant tal-kliewi; u iv.    trapjant tal-pulmun?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hawn pazjent wieħed qed jistenna trapjant għall-qalb, pazjent wieħed jistenna trapjant għall-fwied, ħamsa u disgħin pazjenti jistennew trapjant għall-kliewi u tliet pazjenti jistennew trapjant għall-pulmin. Infakkar lill-Onor. Interpellant li kif ħabbart fid-diskors tal-baġit, il-gvern jixtieq li s-sistema tad-donazzjoni tal-organi titjieb.  Dan jista’ jsir billi jkun permess li wara mewt ċirkolatorja liema mewta hija definita bħala t-tmiem tal-funzjoni ċirkolatorja u respiratorja, segwit mid-determinazzjoni tal-mewt minn tabib, l-organi jkunu jistgħu jingħataw bħala donazzjoni.  Dan il-mudell hu magħruf bħala Donation after Circulatory Death (DCD). Liġijiet simili ġew implimentati f’pajjiżi oħra bħar-Renju Unit, li rriżultaw f’żidiet kbar fir-rati tad-donazzjoni tal-organi. Għal dan il-għax ser titnieda konsultazzjoni pubblika fil-futur qrib sabiex wara il-gvern jgħaddi għal-legislazzjoni neċessarja ibbażata wkoll fuq il-proposti mressqa mill-pubbliku.

Ftuħ ta’ krematorju

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30738 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u jgħid xi pjanijiet hemm biex jinfetaħ krematorju tal-bnedmin f’Malta?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Paola Hub – MRI Scanner

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-MRI scanner, li jinsab f’container fil-parking tal-Paola Hub, ser jiġi trasferit għal ġol-binja biex ikun aktar aċċessibbli?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-portable MRI scanner li jinsab fil-premises taċ-Ċentru Regjonali Ċensu Moran ser jibqa jopera sakemm ikun hemm bżonn biex taqdi l-pazjenti, filwaqt li magna ġdida (static) għaċ-Ċentru ser tinxtara skond kif ġie mħabbar bħala waħda mill-miżuri tal-baġit 2026.

Mediċini li nxtraw b’direct order

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-valur ta’ mediċini li nxtraw b’direct order fis-snin bejn l-2020 u l-2025, maqsuma sena b’sena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Paola Hub – Servizzi li fadal jinfetħu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema servizzi fadal jinfetħu fil-Paola Hub u meta ser jinfetħu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li f'Ċensu Moran Ċentru Reġjonali tas-Saħħa, ser ikun hemm aktar servizzi ġodda, li jkunu jistgħu jitħabbru fil-ħin propizju. Sadanittant, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġija li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari 30393, fejn elenkajt in-numru ta’ servizzi li diġa' huma offruti minn dan iċ-Ċentru Reġjonali.