Legislature:
Category:
Reset
Active:

sistemi fotovoltajici fuq il-bjut ta' binjiet tal-gvern

Question

Jista' l-Minsitru jgħid meta ħarget it-tender oriġinali għas-sistemi fotovoltajici fuq il-bjut ta' binjiet tal-gvern? Meta nbeda l-proċess tal-aġġudikazzjoni? Fiex wasal? Meta mistenni jiġi aġġudikat? Minħabba fil-waqa tal-prezzijiet fis-sistemi fotovoltaiċi minn mindu tħabbret oriġinarjament l-iskema il-gvern se juri fid-deċiżjoni tiegħu għarfien tal-waqa drastika li kien hemm f’dawn il-prezzijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li s-sejħa għal offerti inħarġet fil 11 ta Novembru 2011 u għalqet fit 23 ta’ Frar 2012. Għaldaqstant preżenetement għaddej il-proċess ta’ aġġudikazzjoni liema proċess huwa mistenni li jkun finalizzat fit-tliet xhur li gejjin. Kif jaf sew l-Onorevoli Interpellant bħal f’kull proċess ieħor ta’ sejħa għal offerti, is-sottomissjonijiet ta’ prezzijiet hija parti integrali tal-istess proċess u li l-proċess ta’ aġġudikazzjoni huwa marbut li jagħti konsiderazzjoni xierqa tal-prezzijiet sottomessi.

Waste to Energy

Question

Fir-rigward tat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32316, jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra: a) f'termini ta' persentaġġ kemm mill-enerġija totali li jeħtieġ pajjiżna huwa mistenni li din is-sena jiġi minn sorsi ta' Waste to Energy; b) attwalment kemm l-impjant ta' Sant' Antnin qed jiġġenera heat and electricity; ċ) x'sar minnha l-wegħda tal-elettriku b'rati irħas għar-residenti tal-inħawi ta' Wied il-Għajn; d) jekk jeżistux readings pubbliċi dwar kemm mid-diossini tal-Magħtab qed jinħarqu mill-methane taż-Żwejra kif ukoll kemm qed jiġu meqruda minn dawk iffurmati mill-gass tal-Magħtab innifisu; u e) kienx hemm xi raġuni jew spejgazzjoni għala ma intefgħa ebda tender għaċ-CHP Eqiupment/Machinery fiż-Żwejra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lll-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18800 imressqa mill-istess Interpellant rigward l-ewwel mistoqsija u għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31176, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul ix-xahar ta' Frar 2012 l-impjant ta' Sant Antnin iġġenera 136 MWh f'forma ta' sħana u 151 MWh bħala elettriku. Rigward l-impjant tat-trattament tal-gassijiet tal-Magħtab ninfurmah li l-gas jinħaraq f’process wieħed u għalhekk mhux possibli jigi determinat il-proporzjon separat kif mitluba. F’dan il-proċess il-methane li hu parti mill-gass miġbur mill-miżbla iservi biex jinħarqu u b’hekk jinqerdu l-ġassijiet perikolużi l-oħra tal-landfill. Dan l-impjant għandu effiċjenza ta’ bejn il-95.2% u 99.8%. Peress li ma kien hemm l-ebda parteċipazzjoni għall-ewwel żewg sejħiet, din is-sejħa għall-offerti reġgħet nħarġet it-tielet darba, (jigifieri WSM013/2012) u li għaliha ntefgħu tlett offerti li bħalissa qed ikunu evalwati.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — remunerazzjonijiet ta' chairpersons

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu remunerazzjonijiet ta' chairpersons u membri ta' bordijiet f'din l-aħħar sena (mil-2011 sal-lum) kull bord separatament u jgħid min huma dawn iċ-chairpersons u membri?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 32821, 24890 u 15954, ninfurmaha li dawn il-kundizzjonijiet ma nbidlux mill-għotja ta’ dik it-tweġiba.

Estratt tal-ilma mill-acquifer

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie estratt ilma mill-acquifer fis-snin 50, 60, 70, 80, 90, 2000-2010 rispettivament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28937.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — car allowances

Question

B'riżultat tad-dibattitu parlamentari li sar dan l-aħħar dwar id-dħul tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari, jista' l-Ministru jikkonferma jekk fid-dikjarazzjoni tad-dħul għas-sena 2010 ikkunsidrax dħul bħala car allowance u ġentilment jgħid kemm kien dan l-ammont filwaqt li jikkonferma wkoll jekk hux minnu li għandu karozza leased mill-Ministeru tiegħu jew proprjetà tal-istess Ministeru għad-dispozizzjoni privata tiegħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li sat-8 ta’ Novembru 2010 jien kont nuża second car kif inhu stipulat fil-pakkett tas-salarju ta’ Ministru. Minn dik id-data jien waqqaft l-użu tas-second car u ġibt l-approvazzjoni biex nibda nieħu allowance fix-xahar skont iċ-ċirkulari tal-OPM 4008/2003. Din il-car allowance bdiet tingħatali mill-paga tax-xahar ta’ Marzu 2011 (b’effett mit-8 ta’ Novembru 2010).

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Xogħlijiet lill-Kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-2004 sal-lum kemm ingħataw xogħlijiet lill-kumpaniji li isimhom qed jintbgħat separatament? Jista’ jagħti d-data u l-ammonti u jgħid jekk dawn ix-xogħlijiet ingħatawx b’tender jew direct order ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li skont ir-records tas-Sezzjoni tal-Kuntratti u Xiri il-kumpanniji msemmija ma ingħatawx xogħolijiet fil-perjodu ndikat.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — informazzjoni dwar l-impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid, matul l-2011 kemm ħarġu applikazzjonijiet għal impjieg fid-dekasteru responsabbli mill-Ministru u kemm ġew impjegati, kemm abbażi ta' kuntratt definit jew indefinit? F'kull każ x'kien il-grad/nomenklatura ta' impjieg li ġew imħaddma fih?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31921

Żerriegħa tal-patata

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien matul l-istaġun taż-żriegħ tal-patata li bħalissa waslet biex bdiet/se tibda tinqala', il-kwantità differenti ta' żerriegħa li ġiet impurtata? Ta' liema varjetajiet kienet iż-żerriegħa li ġiet hekk impurtata?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor.Interpellant jispeċifika’ jekk irridx din l-informazzjoni għaż-żerriegħa li ġejja mill-EU jew impurtata minn pajjiżi Terzi.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — tnaqqis tal-vot fil-budget

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jkun qed jonqos il-vot fil-Budget 2012 dedikat għall-Ospitalità u mill-vot għall-Konsulenzi li jaqgħu taħt id-dekasteru li tiegħu huwa responsabbli? Kemm kienu dawn l-ammonti għas sena 2011 u kemm kienu skont l-budget oriġinali għall-2012?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.

Ġurnal Flimkien — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien wassal biex il-ġurnal Flimkien maħruġ mid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani waqaf u reġa' beda jigi ppubblikat issa? Għaliex waqaf u għaliex reġa' beda jiġi ppubblikat? Kemm hemm abbonaturi fih u kemm jiġi jiswa lid-dipartiment biex jippubblika dan il-fuljett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rivista msemmija mhijiex pubblikazzjoni ta’ dan il-Ministeru.

Ġurnal Biedja u Sajd — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien wassal biex il-ġurnal Biedja u Sajd maħruġ mill-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali jitwaqqaf għall-perjodu u issa jerġa' jiġi ppubblikat? Għaliex waqaf u għaliex reġa' beda jiġi ppubblikat? Kemm hemm abbonaturi fih u kemm jiġi jiswa lill-ministeru biex jippubblika dan il-fuljett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-pubblikazzjoni ta’ dan il-ġurnal kienet sospiża għal xi żmien kiex ikun aġġornat fid-dawl ta’ suġġerimenti li twasslu ħalli jkun aktar relevanti. Fid-dawl tal-popolarità li gawda, kien hemm talba kontinwa għalih anke meta l- pubblikazzjoni twaqqfet temporanjament. Barraminnhekk din il-pubblikazzjoni uriet li kienet għodda siewja ta’ aggornament dwar l-iżviluppi u opportunitajiet għall-bdiewa u s-sajjieda. Oriġinarjament kien hemm madwar 2,000 abbonat waqt li issa qed ikun distribwit lis-sajjieda u bdiewa kollha registrati kif ukoll lill-dawk kollha li juru x-xewqa li jirċevuh L-stampar ta’ din il-ħarġa sar permezz ta’ sejħa għal offerti u ser tiġi tiswa €1,491. Hemm ukoll spejjeż ta’ posta li jlaħħaq €1,443.

Proġett tal-boroz griżi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32317 u jgħid kif kien ġie ffinanzjat l-proġett tal-boroz l-griżi? Inħarġu xi fondi pubbliċi għal dan l-għan? Jekk iva, kemm u lil min tħallsu? X'kien is-sehem tal-GRTU f'dan kollu? Kemm tħallset l-GRTU minħabba din l-iskema? Kemm tħallsu il-kolletturi nfushom? Kemm hemm verità f'rapporti li l-kolletturi tħallsu ferm inqas mill-GRTU innifisha? Kif sar il-pagament u kontra liema evidenza dokumentata?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.

Siġġiewi — Triq Dun Manwel Zammit - tneħħija ta' bring-in site

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex, wara li anki l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi għadda mozzjoni unanima f’dan ir-rigward, il-Wasteserv għadha ma neħħietx bring-in site li tinsab fi Triq Dun Manwel Zammit, Siġġiewi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-WasteServ ma rċeviet l-ebda talba sabiex titneħħa l-bring in site msemmijja.

Skema ta' tined u Dairy Restructuring Aid

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar minnha l-iskema tat-tined u Dairy Restructuring Aid? Jista' jgħid x'sar minnha l-iskema tat-tined li kienet ħarġet bejn l-2008 u l-2009 ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23783

Wied is-Sewda Ħal Qormi — xogħlijiet fuq il-bridges

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jinbeda x-xogħol fuq il-bridges li hemm f'Wied is-Sewda Ħal Qormi u l-bridge li hemm fi Triq Correa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-kuntrattur li ngħata l-kuntratt għal dawn ix-xogħlijiet għandu xahrejn żmien mit-22 ta’ Marzu 2012 biex jiffinalizza d-disinji għal-pontijiet imsemmijja.

Ċentru San Franġisk — klieb

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kelb ittieħed għal kura fiċ-Ċentru San Franġisk wara li sofrew ġrieħi kawża ta' ġlied ma' klieb oħrajn meta kienu miżmuma fil-faċilità tal-Animal Welfare fl-Għammieri? Kemm minn dawn iddewwew u ntbagħtu lura l-Animal Welfare u kemm minnhom mietu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali, Promozzjoni u Servizzi ma jżommx l-istatistika msemmija. Dawn it-tip ta’ każijiet huma sporadiċi.. Huwa mijhiex regolari li klieb jiġġieldu b’tali mod li jkollhom ġrieħi. Klieb li huma ġodda jiġu introdotti fi gruppi biss matul l-ġuranta meta dawn jkun taħt il-viġilanza tal-uffiċjali tal-Animal Welfare. Fil-każ li jkun innotat li xi klieb ikollhom natural aggressiv, il-prattika hi li dawn jinżammu separati

Għammieri — Animal Welfare - tender dwar xiri ta' ikel

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29080, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żvilupp fis-sens jekk l-appell dwar it-tender kienx ġie deċiż? Jekk kien ġie deċiż, jista' jgħid x'kien l-eżitu tal-appell? Jekk il-każ għadu mhux deċiż, jista' jgħid xi proċedura qed tintuża biex jinxtara l-ikel għal klieb miżuma fl-Animal Welfare fl-Għammieri u mingħand liema supplier qed jinxtara l-ikel?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f' xi seduta oħra.

Inventarju nazzjonali dwar l-emissjonijiet tal-gass serra

Question

Jista' l-Ministru jagħti elenki dwar il-ħidma fuq l-inventarju nazzjonali dwar l-emissjonijiet tal-gass serra? Jista' jgħid jekk dan l-inventarju hux se jkun pubbliku?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-inventarju nazzjonali dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, ġie kkompilat mill-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Rizorsi u kien sottomess lill-Kummissjoni Ewropeja fil-15 ta’ Marzu 2012. Dan ir-rapport, li jkopri s-snin 1990-2010, huwa aċċessibbli għall-pubbliku u jinsab fuq is-sit elettroniku tal-‘European Environment Information and Observation Network’ http://cdr.eionet.europa.eu/mt/eu/ghgmm.

Tiġdid tal-kuntratt bejn il-Gvern u l-Konsorzju ELC

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kuntratt ta' tisbiħ u landscaping bejn il-gvern u l-Konsorzju ELC hux se jiskadi din is-sena? Jista' jgħid x'inhu l-ħsieb tal-gvern dwar it-tidid mill-ġdid ta' dan il-kuntratt?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Talbiet ta' bdiewa ħabba ħsarat bil-maltemp

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru aċċettax talbiet minn bdiewa li marru biex jirrapurtaw ħsarat li seħħew wara l-aħħar maltempati, kemm minħabba x-xita kif ukoll minħabba l-irjieħat qawwija li kien hemm waqt l-istess maltempati? Jekk kien hemm struttura li tilqa' tali talbiet, kemm kien hemm bdiewa li rreġistraw it-talbiet tagħhom? Jekk ma kienx hemm struttra biex tilqa' dawn it-talbiet għaliex seħħ dan u jista' jirrimedja din is-sitwazzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment bħal ma ġara qabel dejjem laqa’ rapporti simili minn għand il-bdiewa mingħajr il-ħtieġa li jkun hemm xi struttura partikolari. Preżenetment l-informazzjoni miġbura għadha qiegħda tkun analizzata u evalwata.