Gudja – Vjal l-Avjazzjoni – bus stage fil-waqfa 'Tajjara'
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21577 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jara li jsir bus shelter fl-istage "Tajjara" faċċata tal-ajruport, fejn resident mill-Gudja jrid jistenna l-karozza tal-linja biex imur Birżebbuġa u fejn bħalissa m'hemm l-ebda forma ta' lqugħ mill-elementi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Gudja li huwa konxju minn din il-qagħda u għaddejjin diskussjonijiet mal-imsieħba involuti biex ikun jista' jsir l-ilqugħ neċessarju.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Mejju 2023?
Raħal Ġdid — Triq it-Tempji Neolitiċi - Xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kemm-il-darba huwiex previst li tul din is-sena Triq it-Tempji Neolitiċi li tibda minn Raħal Ġdid sa Ħal Tarxien tiġi rranġata speċjalment minħabba l-fatt li ħafna residenti jbatu wara li tagħmel x-xita?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li sa issa m’hemmx pjanijiet għal xogħlijiet ta’ tiswija tat-triq imsemmija matul din is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk tul din is-sena humiex ser isiru x-xogħlijiet neċessarji fi Triq Sant Ubaldesca, Raħal Ġdid u dan mill-parti ta’ Triq iċ-Ċimiterju sa Triq il-Palma billi hija mimlija ħofor?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li x-xogħlijiet fi Triq Santa Ubaldeska huma skedati li jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-Fgura — Triq il-Pitiross u Triq l-Għasfur tal-Bejt - Xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab ix-xogħol fuq Triq il-Pitiross u Triq l-Għasfur tal-Bejt fil-Fgura u kemm huwa previst li ser jiġu jiswew dawn u kemm effettivament damu biex tlestew?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li x-xogħlijiet imsemmija huma stmati li ser jiswew €215,681.04, li jonqos li jingħata l-aħħar saff ta’ asfalt. Il-proġett beda f’Ottubru 2022 u mistenni li jitlesta f’Novembru 2024.
Ix-Xgħajra — Triq il-Fortizza tal-Grazzja – Bus Shelter
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10930 dwar il-bus shelter imsaddad li hemm fil-bidu ta’ Triq Alof Wignacourt, fix-Xgħajra, u fejn fil-11 ta’ Lulju 2023 ġie mwieġeb illi “mhux ser ikun hemm dewmien” biex isir, jista’ l-Ministru jara li jinbidel ukoll il-bus shelter ta’ Triq il-Fortizza tal-Grazzja Xgħajra?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xgħajra li tresqu diversi talbiet mal-kumpanija inkarigata biex jinbidel l-imsemmi Bus Shelter. Sadattant, ninsab infurmat ukoll li l-Kunsill għamel xogħol ta’ manutenzjoni temporanju fuq dan il-Bus Shelter biex ma jibqax jidħol ilma fih.
Jista' l-Ministru jgħid kemm anzjani użaw is-servizz tas-Silver T, lokalità lokalità u xahar b'xahar mill-1 ta' Settembru 2023 sat-30 ta' Settembru 2024?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22052, jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-restawr tal-Fortifikazzjonijiet ta’ San Klement jinkludix l-ispazji tas-swar minn ġewwa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Il-Belt, Valletta — Cisterna della Quarantena - Ġibjuni
Question
Peress illi s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ilha iktar minn sentejn infurmata bl-eżistenza ta’ ġibjuni fis-sit magħruf bħala Cisterna della Quarantena, il-Belt Valletta, jista’ l-Ministru jgħid x’deċiżjoni tittieħdet, u meta ttieħdet, biex possibilment jiġu salvati u/jew restawrati dawn iċ-Ċisterni ta’ żmien il-Kavallieri u eventwalment jerġgħu jintużaw għall-ħażna tal-ilma tax-xita?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li s-Sovrintendenza din il-ġimgħa ħarġet Terms of Reference sabiex jibda it-tindif taċ-Ċisterna mid-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni (RPD).
Il-Belt, Valletta — Cisterna della Quarantena - Mina
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux studji fuq il-mina li nkixfet waqt ix-xogħlijiet ta’ skavar fis-sit magħruf bħala Cisterna della Quarantena, il-Belt Valletta? Jekk fl-affermattiv, jista’ jikkonferma x’kien l-użu ta’ din il-mina, u jekk hemmx pjan li ssir aċċessibbli biex isservi ta’ attrazzjoni kulturali u turistika?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22485, fejn ġejt infurmat li s-Sovrintendenza din il-ġimgħa ħarġet Terms of Reference sabiex jibda it-tindif taċ-Ċisterna mid-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni (RPD). Ninsab infurmat ukoll li bħalissa ix-xogħlijiet huma limitati għal fuq iċ-Ċisterna.
MICAS — Mużew tal-Arti Kontemporanja - Ftuħ ta’ esebizzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħallset il-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS) lill-artist barrani għal ftuħ ta’ esebizzjoni tal-Mużew tal-Arti Kontemporanja?
Ħad-Dingli — Ġnien il-Ħaddiem u fi Ġnien il-Familja - Kanċelli tal-entraturi
Question
Fid-dawl li l-kanċell tal-entraturi ma’ Ġnien il-Ħaddiem u fi Ġnien il-Familja f’Ħad-Dingli nqalgħu, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jerġgħu jiġu installati, biex b’hekk ikun hemm miżuri ta’ sigurtà?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli li l-kanċell ta’ Ġnien il-Ħaddiem għadu fil-post u jingħalaq kuljum filwaqt li Ġnien il-Familja ma kellux kanċelli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' siti li fihom instabu fdalijiet storiċi waqt il-proċess ta' żvilupp, matul dawn l-aħħar ħames snin? Jista’ jgħid ukoll fejn kienu u x'passi ttieħdu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li biex tinġabar din l-informazzjoni mitluba tinqabeż l-advisory cost.
Jista’ l-Ministru jara li jiġu installati mirja tat-traffiku sabiex jgħinu lil min ikun qiegħed isuq fi Triq Santa Katarina għall-Triq San Ċiru, u kif ukoll minn Triq Bettina għal fuq it-triq prinċipali, fil-Gudja?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Gudja li l-mirja li qed issir riferenza għalihom, huma diġà mwaħħlin fil-post.
Ħal Tarxien – Triq Agostino Randon – Skular ta’ ilma
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-ilma li ilu ħiereġ fi Triq Agostino Randon, Ħal Tarxien jiġi rimedjat għall-ħsara li hemm, sabiex l-ilma ma jibqax jiskula?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li t-tiswija tal-ħsara li kien hemm fit-triq imsemmija saret diġà.
Jista’ l-Ministru jara li jsir ix-xogħol neċessarju sabiex Triq Leonardu Abela, Ħal Tarxien tiġi rranġata u ssir uniformi u sħiħa mhux kif tinsab preżentement?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li saret talba lil Infrastructure Malta biex l-imsemmija triq issir ma’ Triq Kurunell Mas, Triq Odilone Caruana u Triq G Cali.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — rendikont ta’ nefqa f’attivitajiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tan-nefqa f’attivitajiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi li saru mill-Ministeru u minn kull entità li taqa’ taħtu għall-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2023 sat-23 ta’ Settembru 2024? Għal kull attività, jista’ jagħti:
a. L-isem l-attivita;
b. L-iskop tal-attività;
c. It-tip ta’ attività (press conference eċċ.);
d. Id-Data tal-attività;
e. Il-post fejn saret;
f. Rendikont dettaljat tan-nefqa (kiri tal-post, backdrops, sistema tas-sound, dwal, materjal ippubblikat, eċċ); u
g. Reklamar u/jew promozzjoni marbuta mal-attività?
Response (BONNICI, OWEN)
Kif l-Onor. Interpellanta konxja, ladarba kienet hi wkoll tagħmel parti f’tim ta’ tmexxija għall-organizzazzjoni ta’ attivitajiet simili, it-tagħrif speċifiku mitlub diffiċli li jinġabar mingħajr ma jinvolvi spejjeż oħrajn li mhumiex relatati.
Ninformaha li l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet simili tinvolvi wkoll xogħol u materjali li spiss jintużaw aktar minn darba f’attivitajiet simili, bħal pere¿empju kif inhu l-każ f’kampanji li jtulu.
B’referenza għall-proġett tal-Ground Delceppo f’Bormla, jista’ l-Ministru jgħid:
i. Meta suppost tlesta l-ground il-ġdid ta’ Bormla?
ii. F’liema stadju wasal dan il-proġett?
iii. Meta ħa jkun uffiċjalment lest minn kollox u miftuħ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla li x-xogħol fuq l-imsemmi proġett għadu għaddej. S'issa tlestiet kompletament il-fażi ewlenija u l-faċilitajiet infetħu għall-pubbliku. Il-fażi li jmiss tinkludi changing rooms u kafeterija hija ppjanata li titlesta fl-ewwel kwart tas-sena 2026.
Jista’ l-Ministru jgħid minn meta nfetaħ Ġnien Kottonera f’Bormla f’2007, x’kienet il-manutenzjoni li saret f’dan il-ġnien u kemm intefqu flus sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.