Legislature:
Category:
Reset
Active:

Heritage Malta – Membri tal-bord

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li jifformaw parti mill-bord ta' Heritage Malta Services Ltd bħalissa? Jista' jelenka l-qasam jew il-kompetenza ta' kull persuna, bħal pereżempju storja, gastronomija, turiżmu u l-bqija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Bord ta’ Heritage Malta Services Ltd iffurmat mis-Sur Anthony Scicluna, s-Sur Noel Zammit, s-Sur Carlo Micallef u s-Sinjura Antoinette Caruana.

Mużewijiet – Viżitaturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li daħlu fil-mużewijiet, f'Malta u Għawdex, fis-snin 2023, 2024 u 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena u mużew b'mużew?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel referenza għar-rapporti annwali ta’ Heritage Malta u tal-MICAS li kull sena jitpoggew fuq il-mejda tal-kamra.

Ħal Tarxien – Triq Giuseppe Cali - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq Giuseppe Cali, Ħal Tarxien? Jista’ jgħid ukoll kemm ser jiswew u meta se jkunu lesti?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.

Arkivju Nazzjonali u l-Librerija Nazzjonali f’Għawdex – Laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar il-laqgħat u t-taħditiet li saru mill-entitajiet differenti biex ikun hemm estensjoni tal-Arkivju Nazzjonali u l-Librerija Nazzjonali f’Għawdex? Jista’ jgħid fiex waslu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab informat li fil-ġimgħat li għaddew saru taħditiet preliminarji sabiex jiġu esplorati possibilitajiet ta' tali estensjoni.

Inventarju Nazzjonali - Evalwazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal it-tfassil ta’ politika dwar kif għandhom jiġu mħarsa u protetti siti, oġġetti u artifatti ta’ patrimonju kulturali u li jinsabu fuq l-inventarju nazzjonali? Jista’ jgħid ukoll min huma l-persuni inkarigati biex jevalwaw jekk proprjetà, sit jew oġġett huwiex ta’ valur kulturali jew le, filwaqt li jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dettaljata f’dan ir-rigward?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali (KAP 445) jidentifika lis-Sovrintendenza bħala r-repositorju nazzjonali għall-Inventarju Nazzjonali tal-Patrimonju Kulturali. Artiklu 53 tal-istess Att jgħid li meta tistabilixxi dan l-inventarju, is-Sovrintendenza tikkonsidra patrimonju fuq l-art u fil-baħar tal-Istat, tal-Knisja, Fondazzjonijiet u Għaqdiet non-governattivi, proprjetà privata li hija aċċessibli u proprjetà oħra hekk kif definit fl-Att, li tinkludi wkoll proprjetà skedata. Ninsab infurmat ukoll li s-Sovrintendenza bħalissa għaddejja bil-ġbir tal-Inventarju tal-Immobbli fuq bażi tematika u tal-patrimonju mobbli li għandha fil-kustodja tagħha, filwaqt illi tikkollabora u tassisti entitajiet oħrajn fejn jidħol dan is-settur.

Intangible Cultural Heritage Board – Membri

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi l-ismijiet tal-membri li jiffurmaw parti mill-Intangible Cultural Heritage Board? Jista’ jgħid meta dawn bdew jiffurmaw parti minn dan il-Bord?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-membri tal-bord hawn fuq imsemmi huma dawn: Intangible Cultural Heritage Board Chairperson Frank Zammit Membru David Camilleri Membru Christian Sammut Membru Kurt Farrugia Membru Kenneth Gambin Membru Mario Azzopardi Membru Karl Parnis Membru Alexander Farrugia Segretarja Melanie Ciantar Harrington Dan ta’ fuq huwa l-bord preżenti li reġa’ nħatar b’effett mit-13 ta’ Ġunju 2025 sa 12 ta’ Gunju 2028.

Fondazzjoni Patrimonju Malti – Supervisory Council – Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema bħalissa li jiffurmaw parti mill-Fondazzjoni Patrimonju Malti - Supervisory Council? Jista’ jgħid min minnhom beda jifforma parti minn din il-Fondazzjoni f’dawn l-aħħar 16-il xahar? Jista’ jgħid ukoll kemm mill-ħaddiema qed jattendu fil-kapaċità personali tagħhom jew ex officio?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-operat tal-Fondazzjoni Patrimonju Malti ma jaqax taħt ir-responsabilita tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali.  Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali jinnomina persuna wahda fuq dan il-Kunsill.

Ir-Rabat, Għawdex – Masterplan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-Master Plan ta’ Pjazza San Ġorġ, fir-Rabat Għawdex u jgħid ukoll meta nbeda (sena u xahar) u meta hu ppjanat li jiġi konkluż? Jista’ jgħid fil-konkret x’sar matul din l-aħħar sena dwar dan il-Master Plan u kemm intefqu flus matul dan il-perjodu, u għal xiex intefqu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi x-xogħol fuq il-Master Plan ta’ Pjazza San Ġorġ, fir-Rabat Għawdex hu attivament għaddej. Ninsab infurmat li fiż-żmien li ġej se jiġi ppreżentat disinn aġġornat tal-proposta. Dan wara li kienu kkonsultati l-istakeholders involuti, li ressqu diversi suġġerimenti. Il-ħlasijiet li saru s'issa kienu marbuta mas-servizzi ta' perit relatati mal-proġett u għall-ħlas tal-applikazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Pembroke – Livell għoli ta’ trab u storbju

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30880, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux ilmenti minn residenti lill-Kunsill Lokali ta’ Pembroke dwar dan u jindika x’passi ttieħdu?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li l-Kunsill Lokali jieħu nota tal-ilmenti li jirċievi u jgħaddihom lill-entitajiet ikkonċernati skont in-natura tal-każ.

Sovrintendenza għall-Wirt Nazzjonali - Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-fondi allokati għas-Sovrintendenza għall-Wirt Nazzjonali fis-snin 2020, 2021, 2022, 2023 u 2024? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dan il-finanzjament ġie utilizzat u fejn sar l-investiment finanzjarju fl-oqsma kollha li jaqgħu taħt Heritage Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel referenza għar-rapporti annwali tas-Sovraintendenza għall-Patrimonju Kulturali li jiġu ppreżentati kull sena fuq il-Mejda ta' din l-istess Kamra.

Il-Mitħna tax-Xagħra – Inċident waqt xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-aħħar ġimgħat sarx xi studju dwar il-ħsarat fuq il-Mitħna tax-Xagħra qabel inbeda x-xogħol u seħħ l-inċident li fih weġgħu xi ħaddiema ta’ Heritage Malta? Jekk iva, jista’ jqiegħed kopja tal-istess studju fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm Health and Safety Officer fuq is-sit meta l-ħaddiema kienu qed jagħmlu x-xogħol fuq il-mitħna jew jekk saritx spezzjoni qabel mill-istess Health and Safety Officer?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-inċident seħħ waqt spezzjoni ta rutina. Ix-xogħolijiet li taghmel Heritage Malta fis-siti li tamministra kollha jsiru skond il-liġi, u jiġu rispettati ir-regolamenti tal-awtoritajiet kollha, inkluz tal-OHSA.

Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali - promozzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema li ngħataw aktar minn promozzjoni waħda (inkluż career progression) fil-Ministeru, awtoritajiet jew fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, fid-dekasteru li hu responsabbli għalih mis-sena 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta li kienet ingħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 16515.

Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali – bordijiet u kumitati - persuni

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-lista kollha tal-persuni li f'Ottubru 2025, huma membri ta’ bordijiet u kumitati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Xi rwol għandhom fi ħdan il-bord jew kumitat? Jista’ jgħid x’inhi r-remunerazzjoni mogħtija lil kull individwu? Jista’ jgħid x’inhi l-esperjenza ta' kull wieħed u waħda minnhom, fuq il-bord u l-kumitat imsemmi u l-kompetenzi fejn jidħol is-settur/qasam ikkonċernat?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22680. B’referenza għal dik it-tweġiba, qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra, lista b’aġġornament ma’ dik it-tweġiba mmarkata tabella A. Addizzjonalment, peress li dan il-Ministeru żied id-dekasteri tiegħu, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, lista ta’ boardijiet oħra li saru formanti parti minn dan il-portafoll mmarkata tabella B.

Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali - rendikont

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta' fejn u meta s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, offriet s-servizzi tagħha għal evalwazzjoni arkeoloġika sewwa fuq l-art kif ukoll taħt il-baħar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li skont it-termini ta’ Artiklu 65 tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali, is-Sovrintendenza għandha id-dritt esklussiv li twettaq skavi kif ukoll evalwazzjonijiet arkeoloġiċi. Għaldaqstant, kull investigazzjoni arkeoloġika li saret mill-2003 ‘il quddiem, hija meqjusa li saret mis-Sovrintendenza jew minn arkeologi approvati mill-istess Sovrintendenza u li jaħdmu taħt id-direzzjoni tagħha.

Wirt għall-Patrimonju Kulturali - strateġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ġiet ippubblikata l-aħħar strateġija tal-Wirt għall-Patrimonju Kulturali? X'inhi l-viżjoni u l-pjan tal-Gvern sas-sena 2030 fit-twettiq tar-riformi neċessarji li jridu jsiru f'dan il-qasam? Jista' jagħti rendikont dettaljat tal-ħidma tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatment fl-irwol tiegħu ta' strateġija u tfassil f'viżjoni għall-Wirt Nazzjonali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fl-2021, wara konsultazzjoni pubblika, il-Ministeru ippubblika l-Politika Kulturali Nazzjonali li fiha diversi miżuri li jittrattaw il-patrimonju kulturali immobbli u mobbli, intanġibbli kif ukoll dak performattiv u kreattiv.

Il-Fgura - Triq Bormla u Triq Valperga - Ilqugħ

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30585, jista’ l-Ministru jara li t-tarf ta’ Triq Valperga fil-Fgura , kif ukoll taħt l-mina, jiġi mdawwal aħjar peress li bħalissa ma tantx huwa mdawwal? Jista’ jara wkoll li jsir ilqugħ tal-ħadid fuq il-bankini taż-żewġ naħat sabiex jipproteġu lil min ikun qiegħed jaqsam?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.

Akwedott tax-Xemxija - Restawr

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28785, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex l-akwedott tax-Xemxija fi Triq Għajn Tuffieħa, San Pawl il-Baħar jiġi restawrat?

Response (BONNICI, OWEN)

F’dan l-istadju, id-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni m’għandux x’jżid mat-tweġiba tal-PQ 28785.

Ambaxxatur tal-Kultura – Benefiċċji remuneratorji

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk matul it-terminu fl-irwol ta' Ambaxxatur tal-Kultura, l-ambaxxatur preżenti ngħatax xi tip ta' benefiċċji remuneratorji? Jekk fl-affermattiv, kemm? Jista' jagħti rapport dettaljat tal-benefiċċji mid-data tal-ħatra tiegħu sal-lum?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2036.

Aġenzija Malta Libraries – sejħa għal Chief Officer

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-aħħar sejħa għall-Chief Officer (COO) fl-Aġenzija Malta Libraries saritx kif titlob id-Direttiva tas-settur pubbliku? Jista’ jgħid xi kwalifiki għandha l-persuna fl-oqsma tax-Xjenza tal-Libreriji u l-Arkivjar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ir-risposta tingħata f’seduta oħra.

Mediterrane Film Festival u Malta Bee Awards - Nefqa

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29533, jista’ l-Ministru jagħti l-istima tan-nefqa totali relatata mal-Mediterrane Film Festival u l-Malta Bee Awards għal din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fir-rigward tal-Mediterrane Film Festival li seħħ f’Ġunju li għadda, rapport relatat mal-impatt ekonomiku tiegħu ser jiġi ppubblikat fiż-żmien li ġej. Ta’ min ifakkar li dan l-avveniment internazzjonali ħalla riżultati pożittivi kbar f’pajjiżna, kemm mill-aspett ekonomiku kif ukoll minn dak tan-networking għall-produtturi Maltin, li sena wara sena aħna bħala Gvern assistejnihom u appoġġajnihom biex ikomplu jimxu ’l quddiem.