Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma d-dmirijiet tal-iskorta tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jindika jekk humiex obbligati li jagħmluha ta' xufiera jew jekk humiex obbligati li jwaqqfu ġurnalisti li jippruvaw jagħmlulu l-mistoqsijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li mhix il-prassi li tingħata informazzjoni dwar il-miżuri jew proċeduri ta' sigurtà li jittieħdu minn uffiċjali li xogħolhom huwa kemm mal-persuna li d-dettalji dwaru ngħataw separatament u/jew persuni oħra li jkunu jagħmlu tali doveri.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm omiċidji li seħħew fis-snin 2013, 2014, 2015, 2016, 2017 u mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Awwissu 2018 u li għadhom ma ssolvewx u li dwarhom għadu ma tressaq ħadd il-Qorti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li mill-każijiet ta’ omiċidji li seħħew fis-snin 2013, 2014, 2015, 2016, 2017 u mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Awwissu 2018 sbatax (17)-il każ li għadhom ma ssolvewx u għadu ma tressaq ħadd il-Qorti, filwaqt li kien hemm 17-il każ li kienu solvuti.
Korp tal-Pulizija – każijiet ta’ vjolenza fuq membri tal-korp
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ vjolenza fuq membri tal-Korp tal-Pulizija rrappurtati fis-snin 2013, 2014, 2015, 2016, 2017 u mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Awwissu 2018?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Korp tal-Pulizija – persuni li tressqu l-Qorti akkużati bi vjolenza fuq membri tal-korp
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li tressqu l-Qorti akkuzati bi vjolenza fuq membri tal-Korp tal-Pulizija fis-snin 2013, 2014, 2015, 2016, 2017 u mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Awwissu 2018?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi fis-snin 2013, 2014, 2015, 2016, 2017 u mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Awwissu 2018, in-numru ta’ persuni li tressqu l-Qorti akkużati bi vjolenza fuq membri tal-Korp tal-Pulizija kien kif jidher fit-tabella t’hawn taħt:
2013
2014
2015
2016
2017
2018
Sa Awwissu
Persuni li tressqu l-Qorti akkużati li attakkaw u ħebbew għall-Membri tal-Pulizija
83
83
70
58
85
46
Korp tal-Pulizija — sezzjonijiet ta’ taħriġ fl-użu ta’ armi minn membri fil-Korp
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sezzjonijiet ta’ taħriġ f'użu ta’ armi u sparar minn membri tal-Korp tal-Pulizija fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Awwissu 2018?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li nżammu tmien mija u sebgħa u għoxrin (827) sezzjoni ta’ taħriġ fi sparar lill-membri tal-Korp tal-Pulizja mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Awwissu 2018, kemm bħala refresher training kif ukoll għar-rekluti fl-Akkademja għal Forzi Dixxiplinati. Dan barra t-taħriġ lill-membri tar-RIU li fil-perjodu indikat, kull membru ngħata taħriġ darba kull xahar. Membri tas-SIU jitħarrġu kuljum ħlief f’okkażjonijiet fejn iċ-ċirtkustanzi ta’ xogħol ma jkunux jippermettu.
Korp tal-Pulizija –taħriġ fl-użu tal-armi minn membri fil-Korp
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri fil-Korp tal-Pulizija li fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Awwissu 2018 kellhom taħriġ fl-użu ta’ armi?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li fil-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant sebgħa u tletin membru tal-Korp attenda taħriġ fl-użu ta’ armi. Barra minn dan disgħa u sebgħin rekluta li bħalissa qed jagħmlu l-kors tar-reklutaġġ attendew taħriġ fl-użu ta’ armi. Kif diġà ġie rilevat fit-tweġiba għal mistoqsija oħra mill-Onor. Interpellant, il-membri attivi kollha tar-RIU u SIU jirċievu taħriġ kontinwu dwar l-użu ta 'armi tan-nar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri fil-Korp tal-Pulizija fl-1 ta’ Jannar 2018 u kemm kien hemm membri fil-31 ta’ Awwissu 2018?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ membri fil-Korp tal-Pulizija fl-1 ta’ Jannar 2018 u dawk fil-31 ta’ Awwissu 2018, kien kif jidher fit-tabella t’hawn taħt:
Data
COP
DC
AC
SUPT
INSP.
SM
PS/WPS
PC/WPC
RPC
TOTAL
01.01.18
1
4
12
11
133
36
414
1467
191
2269
31.08.18
1
4
11
30
114
33
400
1448
184
2225
Ċentri tal-Marsa u ta’ Ħal Far – immigranti residenti
Question
Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji, xahar b’xahar minn Jannar 2017 sal-lum, tan-numru ta’ immigranti residenti f’kull ċentru tal-Marsa u ta’ Ħal Far rispettivament?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid kemm saru rapporti lill-pulizija dwar il-każ tal-allegat qtil ta’ ferħ ta’ qattusa li ġiet imsawta sal-mewt f’restaurant f’Għajn Tuffieħa? Jista’ jgħid ukoll meta saru dawn ir-rapporti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li ma saru ebda rapporti lill-pulizija dwar il-każ tal-allegat qtil ta’ ferħ ta’ qattusa barra restaurant f’Għajn Tuffieħa.
Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid jekk il-pulizija ordnatx li ssir awtopsja fil-każ tal-allegat qtil ta’ ferħ ta’ qattusa li ġiet imsawta sal-mewt f’restaurant f’Għajn Tuffieħa fejn anke r-ritratti tal-qattusa mejta dehru fuq il-media?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li fil-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant, il-Pulizija bdiet tinvestiga il-każ ex officio wara li segwiet rapporti li dehru fil-media soċjali u rapporti relatati mal-każ. Sfortunatament meta l-pulizija marru fuq il-post, l-imsemmi qattus kien tneħħa.
Għajn Tuffieħa – qtil ta’ qattusa — interrogazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid x’investigazzjoni saret wara l-allegat qtil ta’ qattusa f’restaurant f’Għajn Tuffieħa? Kemm kellmet/interrogat nies il-pulizija fl-investigazzjoni tagħha?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi dwar l-allegat qtil ta’ qattusa f’restaurant f’Għajn Tuffieħa, il-pulizija ħadet passi meta saret taf bil-każ mill-media soċjali u matul l-investigazzjonijiet tagħha kellmet numru ta’ persuni li kien magħruf li kienu fuq il-post meta sar l-allegat inċident fit-12 ta’ Awissu 2018, inkluż lil min allegatament seta’ wettaq ir-reat.
Għajn Tuffieħa – qtil ta’ qattusa – filmati ta’ CCTV cameras
Question
Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid jekk fl-investigazzjoni tal-Pulizija dwar l-allegat qtil brutali ta’ ferħ ta’ qattusa f’Għajn Tuffieħa elevatx filmati ta’ CCTV Cameras li seta’ kien hemm fir-restaurant fejn allegat inqatlet il-qattusa u minn CCTV cameras oħra li seta’ kien hemm fl-inħawi inkluż iżda mhux biss fejn instabet mejta?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi dwar l-allegat inċident imsemmi mill-Onorevoli Interpellant fil-mistoqsija tiegħu, il-Pulizija għamlu l-indaġini tagħhom.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – kiri ta’ proprjetà fil-Belt
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il proprjetà fil-Belt, inkluż f’Vincenti Buildings, jikri l-Ministeru tiegħu u kemm hu l-ħlas tal-kera? F’kull każ, jistax jindika s-sejħa pubblika li saret u mingħand min hija l-kirja?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed juża 5 proprjetajiet f’Vincenti Buildings, 2 proprjetajiet fi Strada Żekka u proprjetà waħda fi Triq il-Merkanti u li għalihom qed jitħallas l-ammont ta’ € 7,631.82 fix-xahar.
Rigward il-proċess ta’ sejħa pubblika, il-Leġiżlazzjoni sussidjarja 174.04 Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku jgħid hekk:
(1) Dawn ir-regolamenti ma għandhomx japplikaw għal dawn li ġejjin:
kuntratti pubbliċi għall-akkwist jew il-kiri, permezz ta’ mezzi finanzjarji, ikunu xi jkunu, ta’ art, bini eżistenti, jew proprjetà immobbli oħra jew drittijiet konċernati fuqhom.
Fir-rigward tal-Korp tal-Pulizija, l-unika proprjetà li jagħmlu użu minnha fil-Belt Valletta hi dik tal-Għassa li qiegħda Palazzo Verdelin, Triq l-Arċisqof. Għal din is-sena l-kirja hija ta’ €5,199.71 (ħamest elef, mija u disgħa u disgħin ewro u wieħed u sebgħin ċenteżmu). Din bdiet tintuża mill-Pulizija minn Ġunju 2011, wara li kienet għand il-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni.
Il-Forzi Armati ta’ Malta tikri l-Palace Tower Signal Station li jinsab fil-Palazz Presidenzjali l-Belt Valletta għal €768.69 fis-sena.
Ħruġ ta’ aggressuri minn djar tal-vittmi ta’ vjolenza domestika — każijiet
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm każijiet tul din il-Leġiżlatura fejn il-Pulizija ħarġu l-aggressuri mid-djar tal-vittmi tal-vjolenza domestika?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant ma jinżammx taħt forma kompjuterizzata u għalhekk waqt li nikkonferma li fejn ikun hemm bżonn il-Pulizija tassisti biex jinħarġu l-aggressuri mid-djar tal-vittmi tal-vjolenza domestika, it-tagħrif ma jistax jinġabar.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm kontravenzjonijiet tat-traffiku li nħarġu mill-Korp tal-Pulizija tul is-sena 2016, 2017 u l-2018 sal-aħħar ta’ Mejju? Jistgħu dawn jiġu klassifikati u elenkati skont in-natura tagħhom?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-ammont ta’ traffic offence tickets u ċitazzjonijiet dwar kontravenzjonijiet tat-traffiku li nħarġu matul is-snin 2016, 2017 u sa Mejju 2018, kien kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. Id-dettalji dwar in-natura tal-kontravenzjonijiet konċernati huma kif jidhru fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Sena
Ammont
2016
77,172
2017
60,410
2018
sa Mejju
24,909
Ħal Qormi — Illegalitajiet imressqa mill-Kunsill Lokali – passi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-ilmenti ta’ llegalitajiet imressqa mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi ttieħdu effettivament passi dwarhom u jekk kienx hemm persuni li tressqu l-Qorti wara li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi ressaq saħansitra filmati li jagħtu xhieda ta’ tali llegalitajiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li kull ilment ta’ illegalitajiet imressqa mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi jew individwi oħra, jiġu investigati mill-Pulizija tad-Distrett meta dan jaqa’ fil-kompetenza tagħhom, u wara li mill-investigazzjonijiet tinġabar evidenza u provi biżżejjed inkluż l-evidenza permezz ta’ filmati kif imsemmi mill-Onor. Interpellant, kull persuna responsabbli titressaq quddiem il-Qorti Ġudizzjarja. Il-Kunsill dejjem jiġi infurmat bil-passi li jittieħdu.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Numru ta’ priġunieri minn Ħal Qormi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri mil-lokalita ta’ Ħal Qormi fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hemm wieħed u għoxrin (21) priġunier mil-lokalità ta’ Ħal Qormi li huma kollha tas-sess maskili.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Numru ta’ priġunieri minn Ħal Luqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri minn Ħal Luqa fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hemm seba’ (7) priġunieri mil-lokalità ta’ Ħal Luqa, sitta (6) huma rġiel u mara waħda (1).