Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rabat Għawdex — Triq Tabib Anton Tabone - bus shelter

Question

Peress li r-residenti tal-parti tat-Triq Tabib Anton Tabone f'Taċ-Ċawla fir-Rabat Għawdex qed jilmentaw li hemm bus shelter f'dik il-parti tat-triq ta' qabel jibda l-Qasam ta' Sannat, iżda li minkejja li hemm dan il-bus shelter m'hemm ebda servizz għar-residenti lejn iċ-ċentru tar-Rabat u allura dan qed ikun kaġun ta' ħafna inkonvenjent bla bżonn, jista' l-Ministru jispjega din is-sitwazzjoni u jara li dawn in-nies jiġi moqdija billi jkollhom is-servizz ta' trasport pubbliku?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-bus shelter li tinsab fi Triq it-Tabib Anton Tabone tiġi wżata mir-rotta 305 li titlaq mir-Rabat, tgħaddi minn taċ-Ċawla, għal Sannat, Ta’ Ċenċ, il-Munxar u lura lejn ir-Rabat. Minn naħa l-oħra, ir-residenti ta’ taċ-Ċawla li jkunu jridu jmorru lejn iċ-ċentru tar-Rabat jistgħu jużaw żewġ rotot oħra li jieqfu fl-istess żona. Dawn huma r-rotot 302 u 323. Il-bus stop ta’ dawn ir-rotot tinsab fuq in-naħa opposta u ftit aktar 'il quddiem mill-bus shelter imsemmi hawn fuq.

Għawdex — Xagħra - Triq Marsalforn - rranġar ta' triq minħabba l-ilma tax-xita

Question

Peress li r-residenti ta' Triq Marsalfron fix-Xagħra Għawdex qed jilmentaw mill-istat ħażin tat-triq kif ukoll minħabba l-kumulu t'ilma li jkun hemm kull meta tagħmel ix-xita tant li r-residenti jkunu kostretti jibqgħu fi djarhom għaliex inkella jinġarru mill-wied tal-ilma kif ukoll ikun hemm ħsarat fil-proprjetajiet appuntu minħabba l-influss qawwi t'ilma, peress li l-Gvern ilu żmien wiegħed li din it-triq se tingħata l-attenzjoni meħtieġa iżda dan qatt ma seħħ, jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru x-xogħlijiet meħtieġa f'din it-triq kemm għal benefiċċju tar-residenti kif ukoll għal dawk kollu li jagħmlu użu minn din it-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-konsulenti kollha li kellu mis-sena 2008 sal-lum? Għal kull każ jista' jindika: a. l-isem/kumpanija tal-konsulent; b. l-iskop tax-xogħol; ċ. direttorat/dipartiment għal min huwa jew sar ix-xogħol; d. kemm ġiet tiswa/swiet il-konsulenza (ex VAT); e. jekk ix-xogħol hux komplut; f. min iċċertifika x-xogħol; g. kienx hemm open call for application ; h. id-durata tal-kuntratt; u i. jekk hemmx ippjanat aktar xogħol fil-futur? Jekk fl-affirmattiv kemm qed jistma li din ġejja tiswa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Transport Malta — benefiċċju lill-impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhu l-pakkett finanzjarju inkluż il-benefiċċji supplimentari li qed jingħataw ic-chief officers u d-diretturi ta’ Transport Malta filwaqt li jindika min qed jokkupa l-kariga inkluż l-età u l-kwalifiċi akkademiċi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Reserved Parking għal persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jirrizultax li fl-aħħar xhur, fit-toroq biswit Bieb il-Belt, persuni li japplikaw għal reserved parking mhumiex jiġu mogħtija din il-faċilità anke jekk ikollhom il-kriterji kollha meħtieġa? Tista' Transport Malta tkun aktar sensittiva għar-residenti b'mobilità ristretta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li kien hemm żewġ applikazzjonijiet għall-Parkeġġ Riżervat għall-Persuni b'Diżabbilita' fil-Belt Valletta. Dawn iż-żewġ applikazzjonijiet ma ġewx milqugħa għax fiż-żewġ każijiet, skond ir-rapport mediku tat-tabib ta' l-applikant u skond ir-rapport mediku tat-tabib ta' l-Awtorita' tat-Trasport, il-livell ta' nuqqas ta' mobbilta' ta' l-applikanti ma kinitx severa ħafna. Il-Board għall-Parkeġġ Riżervat għall-Persuni b'Diżabbilta' tevalwa fid-dettall kull applikazzjoni skond il-kriterji ta' eliġibilita' stabbiliti li jinkuldu konċessjonijiet speċjali fuq bażi umanitarja.

Servizz ta' trasport bil-Baħar fil-port il-kbir u port ta' Marsamxett

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda is-servizz ta' trasport pubbliku bil-baħar fil-Port il-Kbir u l-Port ta' Marsamxett wara li għaddew aktar minn sitt xhur li ġiet mibgħuta l-letter of acceptance lill-kuntrattur magħżul? Min hu l-kuntrattur li se jipprovdi dan is-servizz?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-kuntratt (Service Contract) ġie ffirmat it-Tnejn l-1 ta' Ottubru 2012. Dan wara li l-Qorti ma' laqgħetx it-talba għall-ħruġ ta' Mandat ta' Inħibizzjoni li kien ġie ppreżentat minn xi operaturi ta' water taxis. Is-servizz fil-port ta’ Marsamxett bejn Tas-Sliema u l-Belt se jibda fil-ġranet li ġejjin. Huwa ppjanat li s-servizz fil-Port il-Kbir jibda' mal-ftuħ tal-lift tal-Barrakka. L-Operatur huwa Marsamxetto Steamferry Limited.

Transport Malta — xogħol ta' manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-link roads li Transport Malta għamlet xogħol ta' manutenzjoni fuqhom matul din is-sena sal-lum? Kemm kien il-valur tax-xogħol f'kull triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Qawra — karozzi fil-venda

Question

Jista' l-Ministru jassigura li l-karozzi tal-linja li jkunu fil-venda tal-karozzi tal-linja fil-Qawra jitfu l-magni tagħhom waqt li jkunu qed jistennew fl-istess venda, b'mod partikulari fis-siegħat bikrin ta' filgħodu għax qed ikunu ta' inkonvenjent kbir għal dawk li joqogħdu fl-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 34384.

Mellieħa — interchange tal-Arriva

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' permessi nħarġu mill-awtoritajiet ikkonċernati sabiex sar l-interchange tal-Arriva li jinsab fi triq parallela ma' Triq Ħalq iċ-Ċawl, Mellieħa, u jekk sarx studju dwar kif it-traffiku se jaffetwa lir-residenti tal-madwar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi l-post li illum qed jiġi wżat bħala interchange ġewwa l-Mellieħa kien diġa jintuża bħala post għal parkeġġ ta’ vetturi. Għaldaqstant, Transport Malta ħasset li ma kienx hemm bżonn li jintalab ebda permess sabiex dawn l-inħawi jiġu żviluppati f' interchange. Infurmat ukoll li minħabba li dan l-iżvilupp jaffettwa biss vetturi tat-trasport pubbliku fejn minn meta bdiet ir-riforma t-traffiku żdied b' 4 vetturi ( two-way ) fis-siegħa, u Transport Malta ma ħassitx il-bżonn li jsir ebda studju fuq l-impatt tat-traffiku fl-inħawi

Persuni li siefru taħt titlu ta' konsulent

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk nies mill-ministeru siefrux fuq xogħol ta’ dekasteru bit-titlu ta’ konsulent matul is-snin 2010 sal-lum? Jekk fl-affermattiv min kienet il-persuna, x’kin l-iskop tas-safra u min kienu n-nies l-oħra li vvjaġġaw?

Response (GATT, AUSTIN)

Kien hemm żewġ Konsulenti li siefru. Dawn kienu dwar - Blue Med Social Forum, Blue Med 176 Task Force First meeting, Blue Med FAB Project meeting with EU Commission u meeting with FAB in line with FAB Roadmap Blue Med. Ma kienx hemm nies oħra li vjaġġaw.

infiq ta' flus fil-kostruzzjoni u manutenzjoni tat-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus fil-kostruzzjoni u manutenzjoni tat-toroq mill-1987 'l hawn, f'Malta u f'Għawdex? Jista' jagħti dawn il-figuri sena b’sena sal-2011?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li d-Direttorat għat-Toroq u Infrastruttura fi ħdan Transport Malta jista’ jagħti ċifri dwar kemm intnefqu flus fil-kostruzzjoni u manutenzjoni tat-toroq għas-snin 2003 sal-2011. Madankollu, dawn iċ-ċifri ma jinkludux toroq f’Għawdex (ħlief dawk iffinanzjati taħt il-proġetti tat-TEN-T) u toroq li jaqgħu taħt ir-responsabilta’ tal-Malta Industrial Parks u tal-Kunsilli Lokali. Aktar informazzjoni fuq is-snin 1987 sal-2002 tista’ tinkiseb mill-Ministeru tal-Finanzi. Sena Total € 2011 28,971,559 2010 24,033,676 2009 19,909,107 2008 16,184,595 2007 24,332,668 2006 27,485,214 2005 11,652,066 2004 12,660,033 2003 18,286,657

Bormla — Triq San Franġisk - xogħol fit-triq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33900 u jara li Triq San Franġisk Bormla jsirilha dak ix-xogħol li hemm bżonn isir u dan għax it-triq niżlet u mtliet b'ħofor kbar? Jista' jgħid meta jista' isir dan ix-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet ta' tiswija f'din it-triq tlestew fit-8 t'Awwissu.

ilqugħ fuq il-pontijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru lqugħ fuq il-pontijiet li hawn fit-toroq madwar Malta u Għawdex, sabiex ikun hemm is-sigurtà meħtieġa għas-sewwieqa li jkunu għaddejjin minn taħt dawn il-pontijiet u dan sabiex jiġu evitati inċidenti li jistgħu jkunu fatali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta ma jirriżultalhiex li hemm bżonn ta’ lqugħ fuq pontijiet li jinsabu fuq toroq arterjali u distributorji. Madankollu, l-Awtorita’ se tikkunsidra dan is-suġġeriment u timplimenta l-miżuri neċessarji jekk u fejn tinħass il-ħtieġa li dan isir.

policies dwar garaxxijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34051, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-kunsilli lokali humiex marbuta li josservaw l-istandards indikati, kemm dawk tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kif ukoll dawk tad-Direttorat tat-Toroq fi ħdan Transport Malta, meta jiġu biex jagħmlu xogħol fuq bankini? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta ħaditx xi passi fil-konfront ta' kunsilli lokali li m'osservawx dawn l-istandards?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li kull min jagħmel xogħol fit-toroq, inkluż il-Kunsilli Lokali, huma marbuta li jimxu mar-rekwiżiti msemmija. L-Awtorita’ tinvestiga kull rapport li jidħol dwar ksur ta’ xi regoli jew kundizzjonijiet f’xogħlijiet ta’ toroq li ma jsirux direttament minnha. L-Awtorita’ ħadet passi kontra Kunsill Lokali.

Ħaż-Żabbar — Triq il-Kunsill tal-Ewropa - resurfacing

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa r-resurfacing ta’ Triq il-Kunsill tal-Ewropa ġewwa Ħaż-Żabbar u kemm dam għaddej ix-xogħol fuq din it-triq u f’liema jum tlestiet din it-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-resurfacing ta’ Triq il-Kunsill tal-Ewropa sewa lil Transport Malta s-somma ta’ €79,999.66. Ix-xogħol fuq it-triq dam għaddej ħamest’ijiem u sar bejn l-24 u t-28 t’Ottubru 2011.