Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qtugħ tal-provvista tal-elettriku — Impjant tal-Electrogas – Load f’megawatt fit-28 ta’ Novembru 2020

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien il-load f'megawatt fuq l-impjant tal-Electrogas fil-mument li nqatgħet il-provvista tad-dawl nhar is-Sibt 28 ta' Novembru 2020?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-mument li nqata’ d-dawl nhar is-Sibt 28 ta’ Novembru 2020, il-load fuq l-impjant tal-Electrogas kien ta’ 123 megawatt.

Enemalta – każijiet li rċeviet minħabba ħsarat bil-qtugħ tal-provvista tad-dawl

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 17507, tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa tal-Enemalta f'kumpens lil min ressaq każ kawża ta' ħsarat fil-provvista tad-dawl xahar b'xahar mis-sena 2017? Kemm hi t-talba pendenti li għandha bħalissa quddiemha l-Enemalta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Powerstation/Tanker

Question

Peress li ntqal li l-qtugħ ta’ dawl nhar is-Sibt 28 ta’ Novembru 2020 kien ġej mill-Interconnector, tista’ l-Ministru tgħid x’użu għandhom il-power station u t-tanker?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bis-saħħa tal-impjanti tal-gass li baqgħu jaħdmu mingħajr problemi, u kif ukoll bis-saħħa tal-operat effettiv tas-sistema ta’ protezzjoni tan-network tad-distrubuzzjoni, ġiet evitata total shutdown. Eżatt wara li ġara l-inċident bdew joperaw numru ta’ magni li fil-ħin tal-inċident kienu standby. Ftit minuti wara ġew sinkronizzati l-magni ta’ ġenerazzjoni kollha li kien hemm bżonn sabiex setgħet terġa tiġi stabbilita l-provista tal-elettriku lill-konsumaturi Maltin u Għawdxin kollha f’ħin qasir.

Qtugħ tal-provvista tal-elettriku — Interconnector – load f’megawatt fit-28 ta’ Novembru 2020

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kien il-load f'megawatt fuq l-interconnector fil-mument li nqata' d-dawl nhar is-Sibt 28 ta' Novembru 2020?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li nhar is-Sibt 28 ta’ Novembru 2020, fil-mument li nqata’ d-dawl il-load fuq l-interconnector kien ta’ 184 megawatt.

Malta Enterprise — Attrazzjoni tal-Investiment f'Għawdex

Question

Tista' l-ministru tindika kemm Malta Enterprise għandha nies dedikati għall-attrazzjoni tal-investiment f'Għawdex kif ukoll sabiex jieħdu ħsieb l-investiment diġà eżistenti f'Għawdex, fejn huma bbażati dawn l-individwi u kemm hu l-budget illi Malta Enterprise tiddedika għall-attrazzjoni ta' investiment f'Għawdex?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Enterprise għandha team responsabbli minn l-attrazzjoni ta’ investiment dirett barrani lejn Malta u Għawdex. Membru minn dan it-team jinsab ibbażat Għawdex fejn l-għan prinċipali ta’ dan l-impjegat huwa l-attrazzjoni ta’ investiment barrani ġewwa Għawdex. Dan fl-istess waqt illi Għawdex ikun parti essenzjali fl-isforzi ta’ attrazzjoni ta’ investiment barrani anke meta jkun hawn delegazzjonijiet li jiġu pajjiżna biex jaraw fejn se jqiegħdu s-sede tagħhom. Il-Korporazzjoni għandha wkoll żewġ persuni li huma bbazati fl-ufficcju tal-Malta Enterprise ġewwa ż-żona industrijali tax-Xewkija speċifikament biex jagħtu għajununa diretta lin-negozji u ndustriji li joperaw f’Għawdex. Dawn l-impjegati huma parti minn team li huma bbażati f’Malta u li jiltaqgħu b’mod regolari ma’ intraprizi li jinstabu Għawdex. Il-budgets tal-Malta Enterprise huma dawk imħabbra fil-Budget annwali li jippreżenta l-Gvern.

Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli — Ħaddiema li ħarġu bil-kwarantina

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16850, jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom kienu ħaddiema mill-Ministeru u kemm kienu mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’referenza għall-figuri li ġew mogħtija fir-risposta għall-mistoqsija Parlamentari 16850, ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm ħadd mill-Ministeru, iżda kollha kienu mill-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru.

Prijorità ma' żvilupp sostenibbli

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-prijorità tal-Gvern f’dak li għandu x’jaqsam ma’ żvilupp sostenibbli?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iżvilupp sostenibbli huwa kunċett wiesa’ li jaffettwa s-setturi u l-attivitajiet kollha kemm tal-Gvern kif ukoll ta’ kull min hu involut f’dan is-settur. Id-dimensjonijiet tas-sostenibbiltà huma multi-dimensjonali li jkopru aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Għamilna passi sinifikanti ‘l quddiem f’kull qasam imma rridu nkomplu naħdmu biex nassiguraw is-sostenibilità ta’ pajjiżna. Fl-aktar klassifika riċenti maħruġa min-Nazzjonijiet Uniti (Bertelsmann Stiftung u min-Network ta’ Soluzzjonijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli), Malta tikklassifika fit-32 post minn fost 166 pajjiż. Malta ġabet total ta’ 76 punt minn 100. Żammejna r-riżultati tajbin tagħna fir-rigward ta’ SDG 1 (Ebda Faqar), SDG 4 (Edukazzjoni ta’ Kwalità), SDG 7 (Enerġija Affordabbli u Nadifa) u SDG 8 (Xogħol Deċenti u Tkabbir Ekonomiku). Din tikkonferma l-impenn kontinwu u l-prijorità li l-Gvern qed jagħti sabiex sal-2030 jinkisbu l-għanijiet u l-miri stabbiliti minn Nazzjonijiet Uniti. Għalhekk biex nassiguraw l-implimentazzjoni tal-SDGs, il-Gvern qed jieħu diversi inizjattivi fosthom: i) It-tfassil ta’ Strateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli għall-2050 L-Istrateġija Nazzjonali ta’ Malta għall-Iżvilupp Sostenibbli hija komponent importanti biex nassiguraw l-implimentazzjoni tal-SDGs u nassiguraw futur sostenibbli. Din l-Istrateġija ser tkun imsawwra fuq id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tas-sostenibilità. Fl-2018 id-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli fassal Dokument ta’ Viżjoni li se jikkaratterizza l-pedamenti li fuqhom se tiġi sostnuta l-Istrateġija ġdida għall-2050. Il-proċess fuq it-tfassil ta’ din l-Istrateġija ġie varat waqt laqgħa organizzata mid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli għall-uffiċċjali responsabbli mill-iżvilupp sostenibbli fi ħdan il-Ministeri rispettivi. Din l-Istrateġija qed tiġi mfassla permezz ta’ assistenza teknika mingħand l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) taħt il-Programm ta’ Appoġġ għar-Riforma Strutturali tal-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk ser inkunu qegħdin inkomplu naħdmu mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika sabiex nfasslu sett ta’ indikaturi nazzjonali biex b’hekk inkunu nistgħu nkejlu aħjar il-progress milħuq f’dan ir-rigward. ii) L-integrazzjoni tal-SDGs fil-Proċess tal-Baġit Hekk kif ħabbarna f’Settembru 2019 il-Gvern ser ikompli jaħdem fuq l-integrazzjoni tal-miżuri tal-baġit mal-SDGs. Filfatt mat-372 miżura tal-Baġit 2021, mifruxa fuq diversi setturi, ġew integrati mal-SDGs. Dan il-proċess għandu l-għan li jtejjeb il-koerenza, isaħħaħ u jikkonsolida l-proċess ta’ ppjanar, jassigura allokazzjoniet aħjar ta’ riżorsi kif ukoll aktar trasparenza fil-ħidma tal-Gvern. Barra minn hekk nkunu qed nassiguraw baġits li huma konformi ma’ impenji oħra tal-UE u internazzjonali. iii) L-integrazzjoni tal-SDGs fis-setturi kollha L-iżvilupp sostenibbli huwa dixxiplina orizzontali u allura tmiss ma’ kull qasam tal-ħidma Governattiva. It-twettieq ta’ żvilupp sostenibbli jasal permezz ta’ governanza tajba u rieda politika. Tajjeb li nsemmi li għalkemm l-aġenda tal-Iżvilupp Sostenibbli qiegħda tiġi kkoordinata minn Awtorità kompetenti waħda, pero’ huwa fid-dmir u l-interess ta’ kull wieħed u waħda minna li nassiguraw politika u programmi f’kull qasam għandhom jissottoskrivu jimxu mal-kunċett ta’ żvilupp sostenibbli u nilħqu l-miri tal-2030 għall-iżvilupp sostenibbli. Is-sinerġija bejn l-oqsma differenti, fosthom żvilupp ekonomiku u l-kummerċ, affarijiet barranin u sigurtà nazzjonali, ambjent, tibdil fil-klima u enerġija, agrikoltura u sajd, edukazzjoni u impjiegi, affarijiet soċjali u kura tas-saħħa, hija essenzjali għat-twettieq ta’ żvilupp sostenibbli. Għal dan il-għan ser inkomplu naħdmu fuq l-integrazzjoni tal-prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli kif deskritti fl-Att dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fil-politika, pjanijiet, programmi u proġetti tal-Gvern. B’hekk inkunu qed niżguraw li l-entitajiet u d-dipartimenti kollha jaħdmu flimkien lejn għan wieħed.

Viżjoni tal-Gvern rigward inċentivi għall-enerġija nadifa

Question

Peress li t-tibdil fil-klima u l-enerġija nadifa jimxu flimkien, tista’ l-Ministru tgħid x'inhi l-viżjoni tal-Gvern fir-rigward ta' inċentivi għall-enerġija nadifa meta mqabbla ma’ enerġija konvenzjonali aktar irħisa? Liema miż-żewġ sorsi l-Gvern iħoss li l-aktar jista’ jiddefendi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inċentivi għall-enerġija nadifa u effiċjenti ser ikomplu jiżdiedu matul is-sena 2021. Hekk kif kien ukoll imħabbar fil-baġit, matul l-2021, il-Gvern ser ikun qed jalloka 21.5 Miljun Ewro għal Feed in Tariffs u 7 Miljun Ewro fuq grants għall-enerġija rinnovabbli u effiċjenti li jgħinu l-industrija, organizzazjonijiet u l-poplu inġenerali. Għal din is-sena ukoll, ser ikun allokat 800,000 Ewro għal skemi ta’ batteriji għal sistemi ta’ pannelli li jaħżnu l-enerġija u tintuża skont il-bżonn. Barra min hekk, kemm fuq livell globali, kif ukoll Ewropew qegħdin nimxu lil hinn min sistemi ta’ enerġija konvenzjonali għal sistemi iktar nodfa.

Strateġija Nazzjonali fit-tul rigward enerġija

Question

Peress li l-Istati Membri tal-UE intalbu jiżviluppaw u jaddottaw strateġija nazzjonali fit-tul dwar ir-rinovazzjoni li titratta il-mod kif jkollok stokk ta’ bini dekarbonizzat u b’livell għoli ta’ enerġija effiċjenti sas-sena 2050, tista' l-Ministru tgħid x’inhu l-istatus tal-istrateġija nazzjonali fit-tul ta’ Malta f’dan ir-rigward?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat

ARMS — applikazzjonijiet mingħand okkupanti tal-Boathouses fl-Armier

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-ARMS aċċettatx applikazzjoniet mingħand l-okkupanti tal-boathouses illegali tal-Armier biex idaħlu l-meter tal-ilma? Kemm kien il-ħlas li tħallas? Dawn il-meters twaħħlu? Ġie ppreżentat Compliance certificate qabel ma ġiet milqugħa l-applikazzjoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ARMS ilha snin twal taċċetta applikazzjonijiet għal-servizzi temporanji ta’ dawl u ilma mingħand kullħadd. Dawn it-tip ta’ applikazzjonijiet, is-servizz tad-dawl u tal-ilma jingħata b’mod temporanju sabiex b’hekk iridu jġeddu wara ċertu żmien stipulat, m’hemmx ħtieġa għal-Compliance certificate. Dan iċ-ċertifikat jintalab biss meta s-servizzi jingħataw b’mod permanenti.

Enerġija alternattiva — timescales u targets

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'time scales u targets għandu f'moħħu l-Gvern Malti biex jiżgura li pajjiżna jilħaq il-miri tal-EU fejn jidħol użu ta' enerġija alternattiva fil-gżejjer Maltin u Għawdxin? Tista' telabora dwar l-istrateġija tiegħu fid-dettall?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab f’Kapitli 2, 3 u 4 tal-Pjan Nazzjonali tal-Enerġija u l-Klima sal-2030, dan li jinsab fid-dominju pubbliku u li jista’ jiġi aċċesat anke minfuq il-website tal-Energy and Water Agency. (Informazzjoni Addizzjonali: Ara Dokument PL5821 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 409, l-Erbgħa, 9 ta' Diċembru 2020)

Użu ta' Enerġija Solari

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista ta' fejn il-Gvern qiegħed jagħmel użu mill-enerġija solari biex bħala role model jagħti eżempju lill-kumplament tal-pajjiż?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra lista estenżiva ta’ binjiet li qed jgħamlu użu mill-enerġija solari, ninfurmak li l-binja tal-Ministeru stess tagħmel użu mill l-Enerġija Solari.

Enemalta – sospensjoni tal-provvista ta’ dawl u ilma ta’ stabilimenti kummerċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid, mill-2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din id-domanda, kemm kien in-numru ta' stabbilimenti kummerċjali li l-Korporazzjoni Enemalta ssospenditilhom il-provvista tad-dawl u l-ilma f'Malta u Għawdex separatament?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li informazzjoni mitluba hija ta' natura kummerċjali, izda nista nikkonferma li tul dawn l-aħħar tlett snin, kien hemm tnaqqis sostanzjali fin-numru ta’ stabbilimenti kummerċjali li l-Korporazzjoni Enemalta ssospenditilhom il-provvista tad-dawl u l-ilma. Ngħarraf lill-Interpellant ukoll, li minħabba l-pandemija dan l-proċess ġie sospiż b’mod temporanju.

Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp — Bordijiet - attendenza ta' membri

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont tal-attendenzi tal-membri fil-laqgħat ta' kull bord li huwa taħt ir-responsabilità tagħha matul din il-leġiżlatura?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.

Ħlas fuq vjaġġ u akkomodazzjoni ta’ persuna għal laqgħa fil-Qatar

Question

Tista' l-Ministru tgħid min ħallas il-vjaġġ u akkomodazzjoni għall-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament sabiex attenda laqgħa mal-ex Ministru li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, ġewwa l-Qatar fl-2013? Kemm swew il-vjaġġ u l-akkomodazzjoni? X'ħareġ minn din il-laqgħa? Min approva dawn il-pagamenti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinghata f’xi seduta ohra.

Enemalta – każijiet li rċeviet minħabba ħsarat bil-qtugħ tal-provvista tad-dawl

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' każijiet li tressqu lill-Korporazzjoni Enemalta dwar spejjeż kawżati lil djar f' Malta u Għawdex kawża ta' ħsarat fil-provvista tad-dawl minħabba qtugħ tal-provvista jew xorta oħra mill-Korporazzjoni Enemalta jew powerstation, mill-2017 sal-lum, xahar b'xahar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra

ARMS/Enemalta – kumpens lill-familji li jiġġeneraw l-elettriku bis-sistemi fotovoltajiċi

Question

Tista' l-Ministru tagħti ċ-ċifra tal-flus globali li l-ARMS u/jew l-Enemalta għandha tħallas bħala kumpens għall-elettriku ġġenerat permezz tas-sistemi fotovoltajici lill-familji li stallaw fid-djar privati tagħhom u/jew fi stabilimenti kummerċjali? Tista’ tgħid meta fil-fatt se jitħallsu? Jekk hemm xi dewmien, tista' tgħid għaliex għadhom ma tħallsux?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli nterpellant illi l-ARMS tħallas dak li hu dovut fi flus lill-klijenti kollha tagħha fil-ħin. Sabiex ikompli jitħaffef il-proċess tal-ħlas, il-klijenti huma mħeġġa li jgħatu d-dettalji tal-kont bankarju tagħhom lill-ARMS u b’hekk jiġu mħallsa 15-il ġurnata wara li jkun ħareġ il-kont. Jekk il-klijent ma jkunx applika biex jitħallas direttament fil-kont bankarju, wieħed ikun irid jinforma lill-ARMS u l-ħlas jiġi mibgħut lilu permezz ta’ cheque.

Ftehim iffirmat minn individwu u kumpanija

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 17403, 16753 u 16635 u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim LNG Security of Supply Agreement iffirmat fil-15 ta’ April 2015 mill-individwu u l-kumpanija li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament?

Response (DALLI, MIRIAM)

L-informazzjoni se tingħata f'xi seduta oħra

Ħ’Attard – Triq Tumas Chetcuti – drenaġġ fit-triq

Question

Jista’ l-Ministru jieħu passi immedjati fuq Triq Tumas Chetcuti, f’Ħ’Attard fejn hemm drenaġġ fit-triq inkluż ħmieġ uman u toilet paper? Billi dan ilu hekk għal jiem sħaħ u huwa ta’ periklu għas saħħa tar-residenti, jistgħu jittieħu passi immedjati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli nterpellant illi fil-25 ta’ Novembru 2020 daħal rapport għand il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma li fit-triq indikata s-sistema tad-drenaġġ ma bdietx topera kif suppost għax kien hemm sadd fis-sistema tad-drenaġġ. Fl-istess ġurnata saret investigazzjoni u l-Korporazzjoni wetqet intervent neċessarju sabiex il-problema ġiet risolta.