Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ras Ħanżir – Impjant tal-fuel – Ġranet li kien magħluq

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'liema ġranet, bejn April u Ġunju, kien magħluq l-impjant tal-fuel ta’ Ras Ħanżir u r-raġuni għal dan?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-installazzjoni ta’ Ras Ħanżir kienet magħluqa bejn l-Erbgħa, 27 ta' Mejju, u l-Ħadd, 31 ta' Mejju, kif ukoll bejn il-Ġimgħa, 5 ta' Ġunju, u l-Ħadd, 7 ta' Ġunju. Iż-żewġ perjodi ta' għeluq kienu meħtieġa minħabba manutenzzjoni biex jitwettqu l-interventi neċessarji fuq is-sistema tal-ventilazzjoni.

Ġonna pubbliċi – Manutenzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa l-budget ta’ manutenzjoni fil-ġonna pubbliċi u x’kienet l-ispiża matul l-ewwel ħames xhur tas-sena 2026, maqsuma ġnien ġnien?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minħabba li r-responsabbiltà għall-ġonna pubbliċi tappartjeni lil entitajiet differenti, inklużi l-Kunsilli Lokali, m’hemmx budget wieħed ċentralizzat li jkopri l-manutenzjoni tal-ġonna pubbliċi kollha. Għal skopijiet ta’ gwida, nirreferi lill-Onor. Interpellant għas-sit elettroniku www.parksinmalta.mt li fih hemm indikazzjoni ta’ liema entità hija responsabbli għal kull ġnien fil-gżejjer Maltin. Fil-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, l-entitajiet li ġeneralment jieħdu ħsieb tali manutenzjoni huma Ambjent Malta u Project Green u għal dan l-iskop jiġu vvutati fondi taħt il-vot rikorrenti 31 “Ambjent Malta”, il-kontribuzzjoni allokata lill-Aġenzija Project Green, u l-Vot Kapitali XIV tal-Ministeru li jinkludi fih allokazzjonijiet speċifiċi anke għal Ambjent Malta u Project Green.

Ġonna pubbliċi – Statistika

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk tinżammx statistika ta’ kemm familji jżuru l-ġonna pubbliċi madwar Malta u Għawdex matul il-ġimgħa u fil-weekends? Tista’ tgħid ukoll liema età l-aktar li jagħmlu użu minn dawn il-ġonna u jekk jintalabx feedback ta’ min juża dawn il-postijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir jorganizzaw b’mod regolari diversi attivitajiet edukattivi, ambjentali u rikreattivi fil-ġonna u fl-ispazji miftuħa madwar Malta u Għawdex. Dawn jinkludu attivitajiet għall-familji, avvenimenti għat-tfal, mixjiet edukattivi u sessjonijiet ta’ tagħlim dwar in-natura u l-bijodiversità. F’dan ir-rigward issir ukoll kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet, għaqdiet volontarji, kunsilli lokali u organizzazzjonijiet oħrajn li wkoll jorganizzaw attivitajiet u avvenimenti fil-ġonna u l-ispazji pubbliċi. Dawn l-avvenimenti kollha jikkontribwixxu biex aktar persuni u familji jżuru dawn il-postijiet u jagħmlu użu aktar frekwenti minnhom. Bħala eżempju nista’ nsemmi li matul 14-il avveniment li kienu organizzati minn Project Green fi tmiem il-ġimgħa, f’ġonna differenti madwar Malta u Għawdex fl-aħħar disa’ xhur, attendew b’kollox 21,063 persuna. Din l-attendenza, li ma tinkludix persuni li żaru l-ispazji miftuħa fi ġranet u ħinijiet fejn ma kienx hemm avvenimenti organizzati, tixhed l-interess li qed ikun hemm mill-pubbliku fil-ġonna u l-ispazji miftuħa li qegħdin noħolqu madwar il-pajjiż. Barra minn hekk, jinżamm kuntatt kontinwu mal-komunitajiet lokali, mal-kunsilli lokali u ma’ dawk kollha li jagħmlu użu minn dawn l-ispazji biex wieħed jifhem aħjar il-ħtiġijiet u l-aspettattivi tagħhom. Il-feedback li jinġabar permezz ta’ dawn il-laqgħat u kuntatti regolari jintuża biex jiġu identifikati opportunitajiet għal titjib, biex il-proġetti ġodda u l-attivitajiet organizzati jkomplu joffru esperjenza ta’ kwalità, ikunu aktar aċċessibbli u jkomplu jattiraw aktar viżitaturi lejn l-ispazji miftuħa. Infakkar ukoll li matul is-sena li għaddiet nidejna l-pjattaforma diġitali www.parksinmalta.mt, li tiġbor f’post wieħed informazzjoni dwar il-parks, ġonna u l-ispazji miftuħa li hawn madwar Malta u Għawdex. Din l-inizjattiva tagħmilha aktar faċli għall-pubbliku biex jiskopri dawn il-postijiet.

Postijiet ta’ rikreazzjoni u spazji miftuħa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema huma l-proġetti prinċipali li permezz tagħhom ser ikun hawn iktar postijiet ta’ rikreazzjoni u spazji miftuħa għall-familji u fiex wasal ix-xogħol fuqhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 526.

Ġonna pubbliċi – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il metru kwadru ta’ ġonna pubbliċi sar xogħol fuqhom mill-Ministeru tagħha matul is-snin 2022, 2023, 2024, 2025 u 2026? Tista’ tgħid ukoll fejn qegħdin dawn il-ġonna?

Response (DALLI, MIRIAM)

Matul l-aħħar leġiżlatura, li tkopri l-perjodu ta’ żmien indikat fil-mistoqsija, l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, waħedhom, wettqu 75 proġett differenti mifruxin madwar il-pajjiż li flimkien ikopru total ta’ 316,156 metru kwadru. Qed nagħti lista tagħhom fid-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Magħhom twettqu wkoll numru ta’ proġetti ta’ spazji miftuħa minn entitajiet li jagħmlu parti minn Ministeri oħrajn. Il-ħidma fuq dawn il-proġetti hija maqsuma fuq tliet binarji: il-ħolqien ta’ spazji miftuħa ġodda, ir-riġenerazzjoni ta’ spazji li kienu mitluqin għal ħafna snin kif ukoll widien, u ż-żamma aħjar ta’ spazji eżistenti. Il-proġetti jvarjaw minn dawk ta’ skala nazzjonali bħal parks u proġetti ta’ afforestazzjoni għal oħrajn fil-komunità, bħalma huma ġonna ġodda u proġetti oħrajn ta’ tħaddir fil-lokalitajiet. Fil-każ tal-ħolqien ta’ spazji miftuħa f’żoni urbani l-għan huwa li dawn jintlaħqu mill-familji fi ftit minuti mixi mid-djar tagħhom. Apparti t-tisħiħ tal-biodiversità bit-tħawwil ta' siġar u arbuxelli kif ukoll sistemi ta' irrigazzjoni għat-tisqija tagħhom, il-proġetti fejn ikun possibbli jkunu jinkludu faċilitajiet varji bħal spazji għal picnics u rilassament, logħob għat-tfal b’materjal sostenibbli, apparat ta’ taħriġ fiżiku, u art magħmula minn materjal permeabbli. Ix-xogħlijiet isiru bi prattiċi u materjal sostenibbli, filwaqt li tkun assigurta l-aċċessibiltà għal kulħadd. Bħalma fl-aħħar snin lestejna numru sabiħ ta’ proġetti, l-istess se nibqgħu nagħmlu din is-sena u fis-snin li ġejjin. Bħalissa, mill-entitajiet li huma parti mill-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir għaddej ix-xogħol fuq għexieren ta’ proġetti oħrajn u meta ngħid għaddej ix-xogħol inkun qed nirreferi għall-fażijiet differenti; mill-mument li proġett jibda jitfassal u jiġi pjanat, għall-fażi ta’ konsultazzjoni, għas-sejħiet għall-offerti u eventwalment l-implimentazzjoni. Fil-każ ta’ Project Green ninsab infurmata li din qed taħdem fuq portafoll ta’ 118-il proġett differenti b’investiment maħsub ta’ madwar €350 miljun, li fit-totalità tagħhom iġibu medda art ta’ madwar 1.7 miljun metru kwadru - daqs ta’ 240 grawnd tal-futbol. Naturalment l-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti kollha trid issir fuq medda ta’ snin. Proġett, speċjalment dawk kbar ikollhom diversi stadji, u ladarba jgħaddu l-istadji tal-ippjanar u s-sejħiet għall-offerti, ngħaddu għall-fażi ta’ implimentazzjoni. Fost il-proġetti li diġà hemm għaddej ix-xogħol fuq is-siti tagħhom nista’ nsemmi l-estensjoni tal-Park tal-Familja f’Bengħajsa (Birżebbuġa), Ġnien il-Larinġ (Ħal Lija), Park tal-Mitħna (Mqabba), Park ta’ Baħar iċ-Ċagħaq (Naxxar), Ġnien iż-Żgħożija (Imtarfa), Ġnien it-Tabib Mario Tabone (Swieqi), Għaxaq Picnic Site (Ħal Għaxaq), Rainwater Harvesting Park (Għajnsielem), Park l-Inħawi (Fgura), Ġnien it-Tbissim (Naxxar), riġenerazzjoni tax-Xattt ta’ Ta’ Xbiex, Ġnien (Marsaxlokk), New Leaf Park (Birgu), Ġnien il-Għasel (Mellieħa), Ġnien iż-Żgħażagħ (Luqa), Ġnien Patri Ġwann Frendo (Pietà), proġett ta’ riġenerazzjoni fil-qalba tal-Marsa, Masġar tal-Ġublew (Floriana), Ġonna ta’ San Anton (Ħ’Attard), Fruit Garden (Mtarfa), Ta’ Xwieki Sports Club (Għargħur), Żona oħra f’Wied Inċita (Ħ’Attard) u Masġar Bormla (Bormla). Hemm numru ta’ proġetti oħrajn li x-xogħol fuq is-sit tagħhom qed ikun ippjanat biex jibda aktar tard u jitħabbru fil-mument opportun.

Proġett ta’ tħawwil tas-siġar

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm tqassmu siġar bejn is-snin 2025 u 2026 fil-proġett li qed isir biex f’Malta u Għawdex ikun hawn iktar siġar imħawlin? Tista’ tgħid ukoll kemm fadal persuni li għad iridu jirċievu l-vouchers biex jinġabru s-siġar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, għalkemm l-iskema nfetħet għall-applikazzjonijiet matul is-sena 2025, il-ħruġ tal-vouchers beda din is-sena. S’issa nħarġu total ta’ 7,289 voucher, li jirrappreżentaw 42,008 siġra, lil 595 benefiċċjarju. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li l-iskema ser tibqa’ miftuħa sal-2027. Għalhekk, l-applikazzjonijiet jistgħu jibqgħu jiġu sottomessi matul dan il-perjodu u huma suġġetti għall-proċess meħtieġ ta’ verifika.

Lokalitajiet fin-Nofsinhar ta’ Malta – Investigazzjoni mill-ERA

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk saritx investigazzjoni mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar l-irwejjaħ li kienu qed jinxtammu lejn l-aħħar ta’ Mejju f’diversi lokalitajiet fin-Nofsinhar ta’ Malta? Jekk iva, tista’  tgħid ukoll x’kien l-eżitu ta’ din l-investigazzjoni u x’azzjonijiet ittieħdu wara dan l-eżitu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) investigat ilmenti rigward irwejjaħ fin-Nofsinhar ta’ Malta li rriżultaw minn konsenja ta’ fuel partikolari li rriżultat f’irwejjaħ. L-ERA ikkordinat mal-operaturi konċernati biex jiġu mitigati l-irwejjaħ, kif ukoll biex jiġu installati miżuri sabiex jiġu mitigati l-irwejjaħ. Fl-istess żmien, l-operaturi infurmaw lill-Awtorità li kienu qed jagħmlu xogħol ta’ manutenzioni fuq is-sistema ta’ ventilazzjoni.

Il-Fgura - Triq Antonio Maurizio Valperga – Parkeġġ

Question

B'referenza għall-proġett tal-ġnien li qed isir fi Triq Antonio Maurizio Valperga, fil-Fgura, tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li ladarba jitlesta dan il-proġett, jingħata permess lir-residenti tal-madwar biex jipparkjaw matul il-ħinijiet li fihom dan il-ġnien ikun magħluq?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba li kont tajtha għall-mistoqsija parlamentari 32620 tal-Leġiżlatura XIV, ninforma lill-Onor. Interpellanta li, ladarba jitlesta l-proġett,  ir-residenti tal-madwar ikunu jistgħu jagħmlu użu mill-parkeġġ fi x’ħin iridu, anke meta l-imsemmi ġnien ikun magħluq.

L-Imġarr, Malta - WSC - Mains tad-drenaġġ - Xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema xogħlijiet fuq il-mains tad-drenaġġ fl-Imġarr, Malta huma mistennija li jitwettqu mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), matul il-ħames snin li ġejjin? Tista’ tgħid ukoll f'liema toroq huwa mistenni li jsir dan ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja bi pjan nazzjonali ta’ investiment li jammonta għal €310 miljun mifrux fuq għaxar snin, li matulhom se tkun qed twettaq diversi proġetti relatati mal-infrastruttura tal-ilma u drenaġġ. Fil-lokalità tal-Imġarr (Malta), għal dak li jirrigwarda mains tad-drenaġġ, bħalissa qegħdin isiru jew se jinbdew xogħlijiet sa tmiem din is-sena fi Triq San Pawl, Triq San Filippu u fi  Triq Sir Temi Zammit.

Il-Mellieħa - WSC - Mains tad-drenaġġ - Xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema xogħlijiet fuq il-mains tad-drenaġġ fil-Mellieħa huma mistennija li jitwettqu mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), matul il-ħames snin li ġejjin? Tista’ tgħid ukoll f'liema toroq hu mistenni li jsir dan ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja bi pjan nazzjonali ta’ investiment li jammonta għal €310 miljun mifrux fuq għaxar snin, li matulhom se tkun qed twettaq diversi proġetti relatati mal-infrastruttura tal-ilma u drenaġġ. Fil-lokalità tal-Mellieħa, għal dak li jirrigwarda mains tad-drenaġġ, bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fit-Taraġ fi Triq il-Madonna tal-Għar.

San Pawl il-Baħar - WSC - Mains tad-drenaġġ - Xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema xogħlijiet fuq il-mains tad-drenaġġ f'San Pawl il-Baħar huma mistennija li jitwettqu mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), matul il-ħames snin li ġejjin? Tista’ tgħid ukoll f'liema toroq hu mistenni li jsir dan ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja bi pjan nazzjonali ta’ investiment li jammonta għal €310 miljun mifrux fuq għaxar snin, li matulhom se tkun qed twettaq diversi proġetti relatati mal-infrastruttura tal-ilma u drenaġġ. Fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, għal dak li jirrigwarda mains tad-drenaġġ, bħalissa qegħdin isiru jew se jinbdew xogħlijiet sa tmiem din is-sena  fi Triq il-Mosta, Triq il-Kaħli, Triq Jean de la Cassiere, Triq San Pawl, Triq Santa Marija, Triq il-Girna (Bidnija), Triq Cassarino u parti minn Triq it-Turisti.

L-Imġarr, Malta - WSC - Mains tal-ilma - Xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema xogħlijiet huma mistennija li jitwettqu mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fir-rigward ta’ mains ġodda tal-ilma jew mains mibdula minn dawk eżistenti fl-Imġarr, Malta, matul il-ħames snin li ġejjin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja bi pjan nazzjonali ta’ investiment li jammonta għal €310 miljun mifrux fuq għaxar snin, li matulhom se tkun qed twettaq diversi proġetti relatati mal-infrastruttura tal-ilma u drenaġġ. Fil-lokalità tal-Imġarr (Malta), għal dak li jirrigwarda mains tal-ilma, bħalissa qegħdin isiru jew se jinbdew xogħlijiet sa tmiem din is-sena  fi Triq San Martin, Triq Sir Temi Zammit, Triq il-Mosta, Triq San Filippu, Triq San Pawl, Triq iċ-Ċagħaq, Triq Sqaq Zupa u Triq San Franġisk.

Il-Mellieħa - WSC - Mains tal-ilma - Xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema xogħlijiet huma mistennija li jitwettqu mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fir-rigward ta’ mains ġodda tal-ilma jew mains mibdula minn dawk eżistenti fil-Mellieħa, matul il-ħames snin li ġejjin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja bi pjan nazzjonali ta’ investiment li jammonta għal €310 miljun mifrux fuq għaxar snin, li matulhom se tkun qed twettaq diversi proġetti relatati mal-infrastruttura tal-ilma u drenaġġ. Fil-lokalità tal-Mellieħa, għal dak li jirrigwarda mains tal-ilma, bħalissa qegħdin isiru jew se jinbdew xogħlijiet sa tmiem din is-sena  fi Triq Ġorġ Borg Olivier, Triq il-Kbira, Triq il-Miżieb, Triq il-Mitħna l-Qadima, Triq l-Għargħar, Triq il-Lellux u Triq il-Fortizza.

San Pawl il-Baħar - WSC - Mains tal-ilma - Xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema xogħlijiet huma mistennija li jitwettqu mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fir-rigward ta’ mains ġodda tal-ilma jew mains mibdula minn dawk eżistenti f'San Pawl il-Baħar, matul il-ħames snin li ġejjin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja bi pjan nazzjonali ta’ investiment li jammonta għal €310 miljun mifrux fuq għaxar snin, li matulhom se tkun qed twettaq diversi proġetti relatati mal-infrastruttura tal-ilma u drenaġġ. Fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, għal dak li jirrigwarda mains tal-ilma, bħalissa qegħdin isiru jew se jinbdew xogħlijiet sa tmiem din is-sena  fi Triq Cassarino, Triq it-Turisti, Triq tal-Qarbuni, Triq Erba’ Mwieżeb, Triq San Pawl bypass, Triq San Ġorġ, Triq il-Katidral u Triq San Pawl.

Iż-Żurrieq – L-inħawi tan-Nigret – Project plan

Question

Tista' l-Ministru telenka l-project plan relatat max-xogħlijiet li qed isiru f'diversi toroq fl-inħawi tan-Nigret fiż-Żurrieq, li jkun jinkludi d-dati tal-bidu u t-tlestija ta' kull waħda mill-fażijiet tal-proġett għal kull triq fosthom Triq il-Parit, Triq il-Veduta, Triq il-Mitħna tal-Qaret, Triq il-Barrieri, Triq id-Dejqa, Triq il-Benedittina u Triq Żondadari u oħrajn li għadu ma bediex xogħol fuqhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali proġett fl-inħawi tan-Nigret, fiż-Żurrieq, qed isir f’kollaborazzjoni bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u Enemalta, biex isir titjib fin-network tal-ilma kif ukoll biex tkompli tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fiż-żona. Il-proġett ġie ppjanat li jsir f’fażijiet u filwaqt li hemm partijiet fejn ix-xogħlijiet waslu biex jitlestew u daqt se jkun qed isirlhom wiċċ ġdid bl-asfalt, hemm toroq fejn ix-xogħol jinsab għaddej u oħrajn fejn għad irid jinbeda. Infurmata li l-proġett kollu huwa mmirat li jitlesta fl-aħħar kwart tas-sena.

Birżebbuġa – Trejqa qrib id-dar ta’ Pultu

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità konċernata approvatx li jingħata l-konkos fi trejqa qrib id-Dar ta' Pultu, limiti ta' Birżebbuġa u f'każ li le, x'azzjoni ser tittieħed u sa meta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fit-triq indikata ma sarux xogħlijiet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jew minn Enemalta.

Il-Knisja tal-Fgura - Floodlights

Question

Tista' l-Ministru tara li jitranġaw il-floodlights li jixegħlu l-Knisja tal-Fgura, issa li qed toqrob il-festa, hekk kif dawn ilhom ġimgħat mitfijin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-installazzjoni msemmija ma saritx mill-Enemalta u li qatt ma rċeviet notifika ‘STL’ biex dawn il-floodlights jiġu regolati. Madankollu, fid-dawl li l-festa tal-Fgura  tinsab viċin, infurmata wkoll li l-Enemalta għamlet kuntatt mal-Kunsill Lokali biex jissottometti l-applikazzjoni neċessarja biex dawn il-floodlights ikunu jistgħu jiġu mqabbdin.

Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir – Ħaddiema ġodda

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il persuna ġdida daħlet taħdem fid-dekasteru tagħha minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir – Karozzi – Spiża Annwali

Question

Tista’ l-Ministru tipprovdi l-ispiża annwali ta’ kull karozza (GM) fil-ministeru tagħha u jekk dawn huma mixtrija, tista’ tgħid kemm kienu jiswew meta nxtraw?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir hemm żewġ karozzi (GM) li huma mikrijin f’konformità mal-proċeduri ta’ akkwist pubbliku.