Legislature:
Category:
Reset
Active:

Att dwar in-Negozji tal-Familja – korsijiet, seminars u sessjonijiet ta’ informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista aġġornata ta' korsijiet, seminars u sessjonijiet ta’ informazzjoni illi huma approvati mir-Regolatur maħtur taħt l-Att dwar in-Negozji tal-Familja (Kap. 565)?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi fil-waqt li l-iskema hija in vigore il-proċedura għaddeja minn revizjoni sabiex ikun hemm aktar flessibilta dwar l-għazla ta’ korsijiet, seminars u sessjonijiet ta’ informazzjoni.

Dipartiment tal-Kuntratti – sejħiet pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk iż-żewġ sejħiet pubbliċi għall-offerti mid-Dipartiment tal-Kuntratti għat-twettiq tax-xogħol fuq iż-żewġ siti fiż-żona industrijali tax-Xewkija, dak imsejjaħ tal-Ħofra u s-sit preżentament okkupat mill-impjant abbandunat tal-fabbrika tal-ħalib, ġewx mogħtija? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta se jibda x-xogħol?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ż-żewġ sejħiet pubbliċi għall-offerti għat-twettiq tax-xogħolijiet fuq iż-żewġ siti fiż-żona industrijali tax-Xewkija, dak imsejjaħ Il-Ħofra u s-sit sa’ issa okkupat mill-impjant abbandunat tal-fabbrika tal-ħalib ingħalqu u l-kuntratti għax-xogħolijiet rispettivi ġew iffirmati magħtul Diċembru 2017. Ix-xogħol fuq it-tieni sit imsemmi diġa beda filwaqt li x-xogħol fuq is-sit magħruf bħala l-Ħofra mistenni jibda fi żmien ftit jiem.

Għawdex – It-tieni fibre optic link

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1489 u ċjoè: B'referenza għad-Diskors tal-Baġit għas-sena 2017 fejn f'paġna 86 intqal li ġew allokati €3.2 miljun biex Għawdex ikollha t-tieni fiber optic link, jista' l-Ministru jgħid x'azzjonijiet relatati ma’ dan il-proġett ittieħdu sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid meta hu maħsub li jitlesta dan il-proġett?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li kien sar studju biex ikun stabbilit il-viabbiltà u l-aħjar rotta għal dan il-link, sar xogħol kbir biex jitfasslu Terms of Reference dettaljati li huma parti mit-tender (CT2292/2017) li ġie ppublikat u li jgħalaq fis-6 ta’ Marzu 2018. Bħalissa għaddej il-proċess normali skont il-proċeduri tat-tender. Saret applikazzjoni lill-Awtorità tal-Ippjanar (numru PA8209/17) li qed tkun ipproċessata. Saru diversi laqgħat mal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, mal-istess Awtorità tal-Ippjanar, mal-Awtorità tat-Trasport fost oħrajn biex malli jinħarġu l-permessi u jingħata l-kuntratt ikun jista’ jibda x-xogħol.

Malta Enterprise — proġetti

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-proġetti li l-Malta Enterprise rnexxielha ġġib lejn Għawdex matul is-snin 2016 u 2017?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li matul l-imsemmi perjodu, il-Malta Enterprise approvat 21 proġett bbażati ġewwa Għawdex. It-tabella hawn taħt turi is-setturi li joperaw fihom: Settur Numru ta’ Progetti Manufacture & repair of furniture (incl. Metal doors) 7 Artisan Crafts 4 ICT 1 Food & Beverages 4 Recycling 1 Other 4

Il-Ħofra fl-Industrial Estate tax-Xewkija – xogħlijiet fuq industrial units

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jibda x-xogħol ta’ Industrial Units ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea fis-sit magħruf bħala “Il-Ħofra” fl-Industrial Estate tax-Xewkija? Jista’ jgħid jekk f’dan il-proġett hux se jkun hemm inkluż parkeġġ għall-vetturi? Jekk iva, kemm se jkun jesa’ karozzi dan il-parkeġġ u jekk le, x’inhi r-raġuni li mhux se ssir parkeġġ ma’ dan il-proġett?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq l-Industrial Workshop Complex ko-finanzjat minn fondi mill-Unjoni Ewropeja, fis-sit magħruf bħala ‘Il-Hofra’ fil-qasam industrijali tax-Xewkija, ser jibda f’Jannar 2018. Hemm inklużi fid-disinn għoxrin post ta’ parkeġġ għall-karozzi u żewġ parkeġġi akbar għal trailers tal-erbgħin pied, minbarra diversi loading/unloading bays .

Negozji f’kull lokalità ta’ Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm negozji ta’ retail f’kull lokalità f’Malta u Għawdex sal-aħħar tal-2016 u kemm hawn negozji ta’ retail sal-11 ta’ Diċembru 2017?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Il-Mosta – Triq il-Mastrudaxxa — Kuntratti ta’ ġbir ta’ skart

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2798, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex kuntratt diġà eżistenti għal ġbir ta’ skart, ikun estiż għal toroq inkluż Triq il-Mastrudaxxa, li tali kuntratt kien diġà maħruġ mill-Malta Enterprise? (Din it-talba qed issir għaliex din id-deċiżjoni tista’ tittieħed mingħajr ma jkun hemm il-proċeduri li ngħataw fir-risposta mogħtija).

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm mhuwiex il-kompitu tal-MIP li jinġabar skart miż-żoni Industrijali kollha tal-Mosta, bħalissa l-MIP qiegħdha tiġbor skart minn żona Industrijali partikolari fil-Mosta, anke jekk din iż-żona mhiex żona Industrijali tal-Gvern. Din is-sitwazzjoni ser tiġi ndirizzata u bħalissa qed jitħejjew diskussjonijiet mal-partijiet konċernati.

Żona Industrijali Mosta – kuntratti ta’ ġbir ta’ skart

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tal-Malta Enterprise jieħu l-passi neċessarji sabiex kuntratt li ġie mogħti biex jiġbor l-iskart taż-Żona Industrijali tal-Mosta fl-inħawi ta’ Tarġa Gap/Żona Sant’Andrija, ikun estiż sabiex dan l-istess kuntratt ta’ ġbir tal-iskart ikun ikopri wkoll iż-żona kollha inkluż Triq il-Mastrudaxxa u dawk l-inħawi, peress li huma parti mill-istess Żona Industrijali iżda mhux koperti mill-kuntratt ta’ ġbir tal-iskart?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rwol tal-Malta Industrial Parks Limited hu li tamministra iż-żoni industrijali tal-Gvern. Malta Industrial Parks Limited qed tħejji diversi diskussjonijiet mal-partijiet konċernati kif ukoll mal-Ministeri u l-entitatijiet responsabli biex tara kif tista tassisti fir-rigward tal-ġbir ta’l-iskart minn żoni industrijali privati.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar – individwu — safar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2458 u 1721 u jagħti tagħrif dwar l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, u b’mod partikolari, kemm-il darba siefer mal-Ministru bejn Marzu 2013 u l-aħħar ta’ Settembru 2017, x’kienu l-okkażjonijiet u n-natura tas-safar u kemm sewa s-safar b’rabta ma’ dan l-individwu?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba..

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar — Spiża fuq Fuel ta' vetturi Ministerjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża fuq fuel għall-vettura Ministerjali tal-Ministru/Seg Parlamentari konċernat fl-2014, fl-2015 u fl-2016?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba

Inċentivi lill-employers privati — ingaġġ ta’ persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jeżistux skemi ta’ inċentivi biex jgħinu employers privati jingaġġaw persuni b’diżabilità fis-settur privat? Jekk iva, jista’ jpoġġi d-dettalji u t-termini tal-iskema rispettivi fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar – Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni — talbiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1749 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn meta din il-liġi daħlet fis-seħħ sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew irrifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjonijiet għall-proġett

Question

B’referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 2427, jista’ l-Ministru jgħid liema applikazzjonijiet saru mal-Awtorità tal-Ippjanar għal dan il-proġett ta' tletin miljun ewro mħabbar f'Marzu 2017? Jista' jagħti n-numru ta' dawk l-applikazzjonijiet li ġew deċiżi u n-numri ta' dawk l-applikazzjonijiet li huma pendenti?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Applikazzjoni għal Permess ta’ żvillup tinsab fil-proċess finali u se tiġi sottomessa lill-Awtorità tal-Ippjanar wara li ġew konklużi l-analiżi, pjanti u l-istudji tal-iżvillup mill-konsulenti tal-SRT.

Att dwar in-Negozji tal-Familja – applikazzjonijiet biex negozji jiġu rreġistrati bħala negozju tal-familja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu applikazzjonijiet biex negozju jiġi rreġistrat bħala 'negozju tal-familja' minn mindu daħal fis-seħħ l-Att dwar in-Negozji tal-Familja (Kap. 565), u kemm minnhom ġew ipproċessati?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa madwar ħamsa u għoxrin negozju urew interess li jirreġistraw bħala negozju tal-familja. Ġew finalizzati tnax–il applikazzjoni. L-uffiċċju Regolatur m’għandu ebda applikazzjoni pendenti min naħa tiegħu u kull applikazzjoni pendenti tiddependi mill-familja li tissotometti d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar – individwu — safar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1721 u jagħti tagħrif dwar l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, u b’mod partikolari, kemm-il darba siefer mal-Ministru bejn Marzu 2013 u l-aħħar ta’ Settembru 2017, x’kienu l-okkażjonijiet u n-natura tas-safar u kemm sewa s-safar b’rabta ma’ dan l-individwu?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Att dwar in-Negozji tal-Familja – Regolatur maħtur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu r-Regolatur maħtur skont l-artiklu 17 tal-Att dwar in-Negozji tal-Familja (Kap. 565)?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-regolatur maħtur skond l-artiklu 17 ta’ l-Att Dwar in-Negozji tal-Familja hija Dr. Nadine Lia.