Legislature:
Category:
Reset
Active:

Restawr tal-Forti Sant Anġlu

Question

Tista' l-Ministru tippreżenta kopja ta' l-applikazzjoni li għamlet Heritage Malta għar-restawr tal-Forti Sant Anġlu? Tista' tippreżenta kopja ta' kull rapport tekniku li għandha Heritage Malta dwar: i. l-istat tal-Forti ii. x'għandu jsir biex il-Forti jiġi restawrat? Kemm se jigu allokati flus għal dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Għal dak li jirrigwarda nefqa fuq ix-xogħlijiet koperti mill-applikazzjoni, din tammonta għal madwar € 700,000. Però wieħed għandu jippreċiża li xogħlijiet ta’ restawr bħal dawn, wieħed ikun jaf kemm sejrin jiswew biss wara li jibda il-qlugħ tal-partijiet mġarrfa u b'hekk tiġi eżaminata sewwa l-istruttura.

Forti Sant' Anġlu — Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali

Question

Tista' l-Ministru tiddikjara x'għamel il-Gvern fuq dawn il-punti li kienu tħabbru mill-allura Ministru għall-Kultura fil-Leġislatura X (mistoqsija parlamentari 16440) dwar: a) It-trasferiment tal-uffiċċju ċentrali tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ġewwa sezzjoni mill-Forti, li sa ftit ilu kien mitluq u użat bħala sempliċi maħżen. B'din il-miżura il-Gvern qed jassigura li waħda mill-għola istituzzjonijiet kulturali ta' dan il-pajjiż ikollha preżenza permanenti ġewwa l-Forti, u li parti ġdida ta' din is-sit jinfetaħ regolarment għall-pubbliku? b) Tindif u restawr tal-Forti, partikolarment f'dawk il-bnadi tal-Forti l-aktar mitluqin u fi stat ta' konservazzjoni ħażina. Dan ix-xogħol kellu jinvolvi: tindif tal-Forti minn materjal ta' skart u ħaxix ħażin, xogħol ta' restawr tal-partijiet storiċi tal-Forti, tneħħija ta' żidiet moderni, jiġifieri ta' l-aħħar ħamsin sena minn ġewwa l-Forti? ċ) Ftuħ regolari tal-Forti Sant' Anġlu għall-pubbliku?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-2008 ittieħdet deċiżjoni mill-Ministeru għall-Kultura bi ftehim mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali biex l-uffiċċju ċentrali tas-Sovrintendenza jinżamm ġewwa l-Belt Valletta sabiex dawn l-uffiċċji jkunu iktar aċċessibbli għall-pubbliku. Fil-fatt f’Diċembru tal-2008 l-uffiċċji tas-Sovrintendenza ġew trasferiti għall-indirizz ġdid: 173, Triq San Kristoforu, Valletta. Dawn l-uffiċċji l-ġodda huma iktar komdi għall-użu tas-Sovrintendenza, u huma iktar aċċessibli mill-post li kien għall-ewwel identifikat ġewwa l-Forti Sant’Anġlu, partikolarment għal nies anzjani jew b’diżabilita`. Il-parti tal-Forti Sant’Anġlu li kien maħsub għas-Sovrintendenza, issa ġie trasferit għal taħt il-kura ta’ Heritage Malta . Sal-2008 is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali kienet bdiet ix-xogħol ta’ tindif u restawr tal-parti tal-Forti Sant’Anġlu li kienet taqa’ taħt ir-responsabbilta` tagħha. Fost ix-xogħol li kien sar, kienu tneħħew l-imħażen minn ġewwa l-Forti u tneħħew tunellati ta’ skart li tul is-snin kienu ġew mormija ġewwa il- barracks Ingliżi. F’dan il-perijodu s-Sovrintendenza kienet bdiet ukoll l-istudji biex dawn il-binjiet jiġu restawrati, u kienet għamlet applikazzjoni mal-MEPA biex jibda t-twaqqiegħ ta’ xi strutturi moderni (tal-aħħar 50 sena) minn ġewwa l-Forti. Mill-2008 dawn ix-xogħolijiet għaddew taħt r-responsabbilta` ta’ Heritage Malta . Minn meta ħadet partijiet mill-Forti Sant’Anġlu f’idejha Heritage Malta f’Awwissu 2007, uffiċjal tas-sigurtà qiegħed iħares il-forti 24 siegħa kuljum. Dan wassal sabiex jieqaf il-vandaliżmu u li jintefa ħmieġ fil-forti. Minn dak iż-żmien ’l hawn tnaddfu partijiet mill-forti u beda xogħol ta’ konservazzjoni fuq il-polverista tal-forti bil-kollaborazzjoni tar- Restoration Unit tal-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali. F’Settembru ta’ din is-sena Heritage Malta ssottomettiet applikazzjoni lill-MEPA għal xogħol ta’ restawr fuq ir-rampa, l-bieb u d-daħla prinċipali u l-passaġġ li jwassal għall-batterija De Guiral. Bħalissa Forti Sant’Anġlu m’huwiex f’qagħda li jilqa’ viżitaturi fih. Dan ikun jista’ jsir meta jitlestew ix-xogħlijiet kollha ta’ restawr imsemmija.

Għajnuna finanzjarja għall-ingaġġ ta' facilitators

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet tammonta l-għajnuna finanzjarja diretta mogħtija matul l-aħħar 12-il xahar lill-iskejjel privati sabiex dawn ikunu jistgħu jingaġġaw il-facilitators meħtieġa sabiex jgħinu lit-tfal bi bżonnijiet speċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-ammont imħallas taħt l-iskema Learning Support Assistants in Private Schools minn Jannar 2009 sa issa hu ta €3,939.90. Din l-iskema ma kenitx teżisti matul is-sena 2008.

Skola primarja ta' Ħ'Attard — żjarat mill-ġenituri

Question

Tista' l-Ministru tara x'inhi r-raġuni għala meta l-ġenituri jmorru l-iskola primarja ta' Ħ'Attard sabiex ikellmu lis-surmast jew l-assistenti tiegħu qegħdin iħalluhom wara l-bieb tal-iskola madwar kwarta qabel ma jiddaħħlu ġewwa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-policy tal-iskola hija li meta xi ħadd jixtieq ikellem lill-Kap jew l-Assistenti Kapijiet tal-iskola Primarja ta’ Ħ’Attard, Kulleġġ San Nikola, dan għandu jsir permezz ta’ appuntament. F’każ li xi persuni jmorru l-iskola mingħajr appuntament dawn ikellmu lis-segretarja jew lill-Assistenti Kapijet mill- intercom u jinfetaħ il-bieb. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ħadd ma jitħalla jistenna meta jċemplu l-qanpiena tal-bieb ta’ barra.

Policy għal ċertifikat mediku

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien l-assenteiżmu fl-ewwel ġimgħatejn ta' Ottubru 2008 u fl-istess perijodu ta' din is-sena? Tista' tiġi riveduta l-policy li jintalab ċertifikat mediku f'kull każ ta' assenteiżmu ta' anqas minn tliet school days u minflok jibda jintalab biss f'każ ta' sintomi tal-influwenza AH1N1?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Università ta' Malta — parkeġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il post ta' parkeġġ hemm fl-Università ta' Malta? Kemm hu n-numru ta' studenti full-time bħalissa? Hemm xi pjanijiet għal multi-story car park?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-Università ta’Malta hemm 1,417-il parkeġġ. In-numru ta’ studenti full-time sas-16 t’Ottubru kien ta’ 7,671. Fil-waqt illi bħalissa m'hemmx pjani konkreti għal multi-storey car park , mhux eskluż illi fil-futur tiġi kkonsidrata din il-possibilità.

Rabat Għawdex — skola sekondarja tas-subien - kuntratturi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm tħallas s’issa kull kuntrattur fuq il-bini tal-iskola sekondarja tas-subien fir-Rabat Għawdex? Kemm hemm flus kommessi għal xogħol/servizzi/apparat/eċċ li għadhom ma tħallsux? Fiex jikkonsistu? Kemm ingħataw kuntratti s’issa, lil min u għalxiex? Kemm hu l-valur ta’ kull kuntratt?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra

Għawdex — skola ġdida - parkeġġ

Question

Tista’ l-Ministru tikkonferma li l-proġett ta’ bini ta’ skola sekondarja ġdida għas-subien f’Għawdex jinkludi parkeġġ taħt l-art? Jekk fl-affermattiv, kemm se tkun in-nefqa fuq dan il-parkeġġ? Kemm se jkun jesa' karozzi? Għall-użu ta’ min se jkun dan il-parkeġġ? L-użu tiegħu se jkun bi ħlas? Jekk fl-affermattiv, x'se jkunu r-rati ta’ ħlas? Sar studju ta’ vijabilità finanzjarja dwar dan il-parkeġġ? Jekk sar, min għamlu? Kif ingħata l-kuntratt?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 2070 ta’ Seduta numru 33.

Skola Sir Adrian Dingli

Question

Tista' l-Ministru tara li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex titjieb l-indafa u l-iġjene fl-iskola Sir Adrian Dingli, Pembroke peress li qed ikun hemm ilmenti dwar ħmieġ fil-faċilitijiet sanitarji u strutturi oħrajn ta' l-iskola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Wara li saru diversi spezzjonijiet fil-Liceo tal-Bniet, Pembroke (ex-Sir A. Dingli) il-livell ta’ ndafa huwa meqjuż tajjeb. F’din l-iskola fil-preżent hemm tmien Part-time Cleaners u erba’ Full-time Personnel li xogħolhom hu fuq indafa u maintenance tal-iskola. Barra minnhekk qed jintużaw is-servizzi ta’ ndafa ta’ kuntrattur privat wara l-ħin tal-iskola.

Kindergarten assistants — Kateogriji differenti

Question

Tista' l-Ministru tara li tiġi ċċarata s-sitwazzjoni tal-kindergarten assistants għax hemm disgwid kbir f'dan il-qasam u tensjoni bejn kategoriji bi kwalifiki differenti u b'esperjenzi differenti u issa qed jingħataw status u salarji differenti? Hemm sezzjonijiet li qed jiġu preferuti u oħrajn qed jiġu diskriminati minkejja li għandhom snin twal ta' esperjenza li matulhom taw servizz mill-aħjar? Meta hu maħsub li l-Kunsill Malti tal-Kwalifiki jirrikonoxxi u jsarraf f'ekwivalenza ċertifikata l-esperjenza ta' dawn il-kindergarten assistants li ilhom fl-impjieg mis-snin tmenin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Istqarrija Ministerjali għall-Istampa li tinsab fuq il-website tad-Dipartiment tal-Informazzjoni Nr. 0442 li tispjega s-sitwazzjoni tal-Kindergarten Assistants. Id-diskussjonijiet ma’ l-entitajiet konċernati għadhom għaddejjin u waslu biex jiġu konklużi. Ir-riżultat tad-diskussjonijiet isir pubbliku malli jkun hemm qbil aħħari. Ma jirriżultax li qegħda ssir xi diskriminazzjoni jew preferenza ma ħadd.

Skejjel ġodda

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema mill-kulleġġi ta’ Malta u Għawdex għandhom skejjel ġodda u f’liema minnhom hemm ippjanat li jinbnew skejjel ġodda sas-sena 2015 sena b’sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kulleġġ San Benedittu, l-Kulleġġ Sant’Injazju u l-Kulleġġ Santa Margerita, kull wieħed għandu skola ġdida, sekondarja għas-subien. Fil-Kulleġġ Santa Klara nfetħet l-iskola primarja ta’ Pembroke. L-iskejjel sekondarji tas-subien tal-Kulleġġi ta’ Għawdex u Maria Regina qegħdin jinbnew. Huwa mistenni li jkunu lesti fl-2010 u fl-2011 rispettivament kif inhu l-pjan tal-Gvern li jlesti skola ġdida kull sena. Għall-2012 hemm ppjanat skola sekondarja tal-bniet fi ħdan il-Kulleġġ Sant’ Injazju. Għadhom iridu jiġu finallizzati l-pjanti tal-bini għal aktar skejjel għal wara l-2012.

Istituzzjonijiet edukattivi post-sekondarji — Tkabbir

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm studenti oħra jistgħu jilqgħu ġo fihom l-istituzzjonijiet edukattivi post-sekondarji f’Malta u f’Ghawdex u xi pjanijiet hemm għat-tkabbir ta’ kull waħda minnhom biex ikunu jistgħu jilqgħu fihom 85% taż-żgħażagħ li l-Gvern qed jimmira li sas-sena 2018 se jkomplu jistudjaw wara li jagħlqu s-16-il sena ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iskola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi, Naxxar, tista’ tilqa’ madwar 2,000 student u Sir Mikelangelo Refalo Centre for Further Studies, Għawdex, tista tilqa’ 540 student. Il-gvern qed jagħmel pjan sħiħ ta’ bini u dawn iż-żewġ skejjel huma inklużi f’dan il-pjan. Sa l-aħħar tas-sena dan il-pjan għandu jiġi mħabbar.

Ministeru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport — teleworking u reduced hours

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm talbiet għal teleworking u reduced hours rispettivament fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha f'din l-aħħar sena? Kemm minn dawn it-talbiet intlaqgħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba se tingħat mat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10804 ta’ Seduta 151.

Korsijiet mogħtija bla ħlas fl-Università

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm qed tiġi l-ispiża ta' kull kors mogħti bla ħlas fl-Università ta' Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba tista’ tingħata biss wara li jsir costings exercise bir-reqqa. Fil-preżent, l-Università m’għandhiex ir-riżorsi immedjati meħtieġa għal dan l-eżerċizzju minħabba li r-riżorsi tal-Università qegħdin jintużaw għal proġetti ta’ priorità oħra.

entitajiet privati bil-liċenżja li jgħallmu

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista ta' dawk l-entitajiet privati kollha li għandhom il-liċenżja li jgħallmu l-edukazzjoni ogħla f'pajjiżna? X'inhuma l-kondizzjonijiet tal-liċenzja de quo? Il-Gvern kif jaċċerta li l-konsumaturi tas-servizz fl-aħħar tal-ġurnata jottjenu kwalifiki serji minn universitajiet serji?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

każijiet ta' bullying fl-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm rapporti ta' bullying fl-iskejjel tagħna f'dawn l-ewwel ġranet ta' l-iskola? F'liema skejjel kienu u x'sar sabiex dan jiġi rimedjat u ma jerġax jirrepeti ruħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kien hemm tmintax-il rapport ta’ bbuljar mill-24 ta’ Settembru 2009 sas-7 ta’ Ottubru 2009. L-istudenti jattendu dawn il-kulleġġi: 4 każi mill-Kulleġġ San Ġorg Preca 2 każi mill-Kulleġġ Santa Tereża 2 każi mill-Kulleġġ Maria Reġina 3 każi mill-Kulleġġ San Benedittu 2 każi mill-Kulleġġ San Tumas More 1 każ mill-Kulleġġ Santa Margerita 1 każ mill-Kulleġġ ta’ Għawdex 2 każijiet mill-iskejjel tal-Knisja (Malta) 1 każ mill-iskejjel tal-Knisja (Għawdex) Sar intervent mal-buli u l-vittma, u fejn kien meħtieġ mal-klassi u nies oħra li setgħu kienu ta’ għajnuna.

Forti Sant' Anġlu — ħsarat

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'ser isir sabiex il-ħsara kbira li hemm fuq il-Forti Sant' Anġlu ma tkomplix tikber? Xi pjanijiet hemm sabiex il-ħsara li hemm tissewwa u Sant' Anġlu jerġa' jibda jkun aċċessibbli?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kif ġie mħabbar fil-ġimgħat li għaddew Heritage Malta wettqet diversi evalwazzjonijiet tekniċi tas-sit, ingħalaq l-aċċess għall-vetturi bl-eċċezzjoni tal-karozza privata tal-membru residenti tal-Ordni, u ġiet sottomessa applikazzjoni lill-Awtorità Maltija tal-Ambjent u l-Ippjanar sabiex tissewwa r-rampa ta’ barra, jiġi rrestawrat l-bieb u jinbnew mill-ġdid it-trollijiet tad-daħla u tal-passaġġ li jwassal sa ħdejn il-batterija Deguiral, liema trollijiet kien ġew mġarrfa matul it-tieni gwerra dinjija. Fl-istess ħin qed jitwettaq xogħol ta’ restawr u rijabilitazzjoni fil-polverista u fil-pilastri tal-qampiena tal-Assedju.

Malta Rugby FU — Ground

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk dak imwiegħed lil Malta Rugby FU snin ilu, u ċioe li dawn ikollhom ground tagħhom f'area fil-Marsa hux ser titwettaq magħhom? Taħsibx li dan l-isport jixraqlu l-attenzjoni dovuta daqs dixxiplini sportivi oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-użu tal-art tal-Kumpless Sportiv tal-Marsa se jiġi definit skont Master Plan li se jiġi ippublikat dalwaqt. Dan qed isir bl-għan li jsir massimizzar ta’ l-użu tal-art kif ukoll tal-faċilitajiet sportivi. Għaldaqstant mhux iż-żmien opportun li wieħed jikkommetti ruħu dwar l-użu speċifiku tal-faċilitajiet sportivi ġodda li jistgħu jinħolqu f’din iż-żona. Sa issa saru diversi diskussjonijiet mal- Malta Rugby Football Union (MRFU) biex jinstab sit adekwat għall-logħba tar- Rugby . Dan mingħajr ma ġie kompromess l-isport favorit ta’ assoċċjazzjonijiet oħra. F’din il-leġislatura diġà saru tlett offerti min-naħa tal-Gvern li l-MRFU m’aċċettawx għal raġunijiet differenti. Dan kien ammess ukoll minn uffiċjali ta’ l-istess għaqda. Ta’ min jinnota li dan l-aħħar uffiċjal għoli tal-MRFU stqarret fil-media lokali li huma jixtiequ biċċa art iżda m’humiex marbutin mal-Marsa. Dikjarazzjoni bħal din tista’ tiffaċilita soluzzjoni. Dan l-isport qed jingħata l-attenzjoni daqs kull dixxiplina sportiva oħra. Xhieda ta’ dan hija wkoll l-assistenza kemm finanzjarja u assistenza oħra indiretta li jingħata dan l-isport.

Ministeru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport — Serqiet Rappurtati

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' serqiet rapportati lill-Pulizija milll-Ministeru/dipartimenti/ korporazzjonijiet/awtoritajiet eċċ. li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul din is-sena? Kemm huwa kkalkulat il-valur misruq u x'natura ta' oġġetti eċċ. insterqu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Università ta' Malta — żidiet fil-ħlasijiet tal-korsijiet

Question

Billi f'dawn l-aħħar ġimgħat dehru diversi rapporti li jitkellmu dwar żidiet fil-ħlasijiet tal-korsijiet li ser isiru fl-Università matul iż-żmien li ġej, tista' l-Ministru tikkonferma jew tiċħad dawn ir-rapporti? Jekk ser ikun hemm żidiet, tista' tgħid x'inhi l-ġustifikazzjoni għal dawn iż-żidiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skond l-avviż legali 258 tal-2009 kien hemm żidiet fil-ħlasijiet tal-korsijiet ta’filgħaxija li ser isiru fl-Università matul iż-żmien li ġej. Fil-maġġor parti, il-miżati l-ġodda japplikaw għall-korsijiet ta’ filgħaxija u huma miżati nominali li bl-ebda mod ma jirriflettu l-ispejjeż involuti biex jiġu offruti dawn il-korsijiet. Ta’min isemmi li sas-sena akkademika li għaddiet, ħlief ghal xi korsijiet partikulari, il-miżata ta’ kors Undergraduate kienet ta’€232.94 fis-sena u il-miżata ta’ kors Masters bir- riċerka kienet ta’ €174.70 fis-sena. Diversi fatturi ġew meqjusa waqt it-taħtidiet tar-riforma tal-miżati, fosthom: 1. L-ispejjeż diretti ta’ dawn il-korsijiet; 2. L-impatt finanzjarju fuq l-istudenti; 3. L-istruttura tal-miżati b’tali mod li l-miżati tal-korsijiet jigu standarizzati u ma jkunx hemm differenzi kbar bejn kors u ieħor ta' l-istess tip; 4. Il-miżati ta’korsijiet offruti minn istituzzjonijet barranin li joperaw minn hawn Malta. Iż-żieda fil-miżati ser tigi implimentata fuq perjodu ta’seba’ snin b’tali mod li ż-żieda tkun gradwali u allura bl-inqas impatt negattiv fuq l-istudenti. Studenti li jibdew il-programm tagħhom f’sena akkademika partikolari għandhom iħallsu il-miżata stabbilita għal dik is-sena partikolari matul il-programm kollu idum kemm idum. Barra minn hekk, l-istudenti li ser ikunu suġġetti għal żieda fil-miżata pagabbli, ingħataw il-possibilita’ li jħallsu l-miżata kull simestru minflok darba fis-sena meta jibda l-programm. Studenti li bdew il-kors ta’ studju tagħhom fis-sena akkademika 2008/2009 jew qabel jibqgħu jħallsu l-mizati indikati lilhom meta huma bdew il-kors tagħhom. Għalhekk studenti li qed ikomplu l-istudju tagħhom mhumiex ser jiġu affetwati b’din ir-riforma. Ta’ min issemmi li ż-żieda fil-miżati ta’ korsijiet li bdew din is-sena akkademika kienet waħda minima meta mqabbla mas-snin ta’ qabel. Iż-żieda fil-miżata tal-kors undergraduate tvarja bejn €0 u €70 kull simestru, ż-żieda fil-miżata ta’ kors postgraduate tvarja bejn €9 u €352 kull simestru u ż-żieda fil-miżata ta’ dottorat tvarja bejn €77 u €127 kull simestru. Ta’ min iffakkar li l-Università xorta ħa tkun qed tissussidja dawn l-korsijiet konċernati. Dan is-sussidju huwa stmat għall-aktar minn €4 miljun fi spejjeż diretti barra mill-ispejjeż indiretti u spejjeż ohra generali.