Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – impjegati ġodda f’awtoritajiet u entitajiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8340 dwar persuni ġodda impjegati fl-awtoritajiet u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, tista' l-Ministru tgħid kemm hu l-ammont ta’ ħaddiema impjegati minn kull waħda mil-lokalitajiet imsemmija?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhu l-għan li għalih saret ħofra kbira ħdejn l-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar? Għal xiex se tintuża? Tista’tgħid jekk hux se jkun hemm ħofor (ġibjuni oħra simili) fin-network ta’ San Pawl il Baħar? Jekk iva, fejn?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-għan ta’ dan it-tħaffir huwa sabiex titkabbar il-kapaċità tal-ħażna tal-Waste Water Pumping Station. B’hekk, fl-eventwalità li jkun hemm bżonn li ssir manutenzjoni fil-pompi, titnaqqas il-possibbiltà ta’ overflow u għaldaqstant ikun hemm biżżejjed żmien biex isir ix-xogħol meħtieġ. Preżentament m’hemmx pjanijiet għal tħaffir ta’ ġibjuni oħra simili fl-akkwati.
L-Imbordin l/o San Pawl il-Baħar – xogħol fis-sistema tan-new water
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk ix-xogħol relatat mas-sistema ta' new water fl-inħawi tal-Imbordin l/o San Pawl il-Baħar hux se jibqa' sejjer sal-Mellieħa? X'passi qed jittieħdu biex ir-residenti tal-Imbordin ikunu jistgħu jaslu d-dar mingħajr problemi żejda? Kif se jiġi assigurat li dawk li jaħdmu r-raba’ fl-inħawi tal-Miżieb jitħallew jaslu sal-għelieqi tagħhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħol relatat mal-proġett biex inkabbru u nsaħħu s-sistema ta’ new water, f’din iż-żona ser jestendi minn Triq Għajn Tuffieħa sal-inħawi magħrufa bħala l-Imbordin.
Dan ix-xogħol ġie ppjanat li jsir f’żewġ fażijiet, min-naħa tal-Mellieħa sal-Imbordin u minn hemm jissokta sa Għajn Tuffieħa. Għaldaqstant, waqt li għaddejjin ix-xogħlijiet dejjem ser ikun hemm aċċess miftuħ kemm għar-residenti kif ukoll għal dawk li jaħdmu r-raba’ fl-inħawi.
Infurmata wkoll li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħadet ħsieb li ssir komunikazzjoni kontinwa mar-residenti u l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar sabiex l-inkonvenjent għar-residenti jkun l-inqas possibbli, filwaqt li jitwettaq dan il-proġett infrastrutturali li se jwassal biex iżjed bdiewa jkollhom aċċess għal ilma riċiklat għat-tisqija, b’beneffiċċji ambjentali diretti.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – rapporti dwar ħsarat li sofrew vetturi
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm daħlu rapporti għand il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għal ħsarat li sofrew vetturi minħabba tappieri jew proprjetà jew xogħol ieħor tal-Korporazzjoni matul is-snin 2021, 2022 u 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista' tgħid kemm kienu d-danni mitlubin u l-ammonti mħallsin? Tista' tgħid kemm kien iż-żmien medju ta' stennija mid-data meta daħal l-ilment sad-data tal-ħlas?
Response (DALLI, MIRIAM)
Fir-rigward tal-ewwel u t-tieni mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tabella t’hawn taħt. Ninsab infurmata li, b’mod ġenerali, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma timmira li tiddeċiedi dwar tali rapporti fi żmien xahrejn, iżda jkun hemm ċirkostanzi fejn dan ma jkunx possibbli minħabba dipendenzi fuq terzi.
Sena
Numru ta’ Rapporti
Każijiet Magħluqa
Ammont Mitlub
(fuq każijiet magħluqa)
Ammont Imħallas mill-WSC
2021
47
39
€25,560.84
€20,282.84
2022
63
48
€17,825.90
€10,793
2023
20
8
€1,538.48
€466.45
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanta tar-rotta tal-main tal-ilma bejn il-ġibjun fin-Naxxar u r-roundabout tas-Salini kif indikat fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8225? Tista’ wkoll tindika liema parti tar-rotta (kif indikat fit-tweġiba) fil-fatt hija lesta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti relatati mal-proġett indikat. Il-parti mmarkata bil-kulur isfar f’waħda mill-pjanti huwa x-xogħol imwettaq mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma filwaqt li dik immarkata roża saret minn Infrastructure Malta.
Attachments:PQ 8358 Upgrade of water main from Naxxar Reservoir to Coast Road - Block Plan part 3 (Rev 3).pdfPQ 8358 Upgrade of water main from Naxxar Reservoir to Coast Road - Block Plan part 2 (Rev 3).pdfPQ 8358 Upgrade of water main from Naxxar Reservoir to Coast Road - Block Plan part 1 (Rev 3).pdfPQ 8358.pdf
Project Green – tħawwil ta’ siġar u arbuxelli f’Għawdex
Question
Tista’ l-Ministru tgħid fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena kemm intefqu flus minn Project Green fil-gżira ta' Għawdex fi tħawwil ta’ siġar u arbuxelli? Tista’ tgħid kemm tħawlu siġar u arbuxelli, ta' liema speċi u fejn tħawlu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Infurmata li Project Green b’kollaborazzjoni mad-Direttorat ecoGozo fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ser tkun qed twettaq proġett f’Wied tal-Grixti, liema wied jagħmel parti mill-catchment area ta’ Wied il-Lunzjata. L-interventi li ser isiru bħala parti minn dan il-proġett jinkludu xogħol ta’ tindif ġenerali u tħammil, restawr tal-ħitan tas-sejjieħ, kif ukoll jitneħħew speċi aljeni u invażivi biex flokom jitħawlu siġar u arbuxelli adattati għall-widien.
Dawn l-interventi se jkunu ko-finanzjati minn fondi permezz tal-proġett LIFE Integrated Project u għandhom l-għan li jirriabilitaw il-wied, b’mod li jżidu fiż-żamma tal-ilma ġieri u jħarsu l-bijodiversità.
Barra minn hekk, ftit wara li twaqqfet fil-bidu ta’ din is-sena Project Green nediet l-iskema Community Greening Grant. Entitajiet bħalma huma NGOs, skejjel u l-Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex ingħataw l-opportunità biex jipproponu proġetti għal tisbiħ ambjentali fil-komunità li jinkludu tħawwil ta’ siġar u arbuxelli. L-aġenzija rċeviet 72 applikazzjoni għal din l-iskema u l-proġetti li jkunu approvati ser jingħataw 90% tal-infiq permezz ta’ fondi Ewropej.
Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija, nirreferi wkoll lill-Onor. Interpellanet għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7905.
B’referenza għall-istqarrija tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar dwar numru ta’ caravans fi Triq il-Kosta, f’Baħar iċ-Ċagħaq u fis-Salini, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Enemalta għaddietx b’mod temporarju jew le s-servizz tal-elettriku lis-sidien ta’ dawn il-caravans?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta tipprovdi l-meter temporanju tal-elettriku lil kull min japplika għal dan is-servizz.
Ftehim bejn Transport Malta u l-Kunsill Lokali Mosta dwar it-tidwir tat-traffiku
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kienx hemm ftehim bejn Transport Malta u l-Kunsill Lokali tal-Mosta fuq it-tidwir tat-traffiku? Sar Traffic Impact Assessment? Jekk iva, jista’ jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Tista' l-Ministru tgħid kemm se jitnaqqas ic-CO2 bl-introduzzjoni tal-karozzi elettriċi f'Malta? Tista' tgħid jekk sarux studji f'Malta relatati ma' dan?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-introduzzjoni ta’ karozzi elettriċi hija parti minn pakkett usa’ ta’ miżuri mmirati sabiex Malta tilħaq il-miri klimatiċi tagħha skont ir-Regolamenti Ewropew applikabbli, u primarjament dik li sal-2030 tnaqqas l-emissjonijiet b’19% meta mqabbel mal-livell ta’ emissjonijiet tal-2005. Il-pakkett ta’ miżuri għas-settur tat-trasport li hemm fil-Low Carbon Development Strategy huwa stmat li, fl-intier tagħhom ser ikunu qegħdin inaqqsu l-emissjonijiet b’ekwivalenza ta’ 270,000 tunnellata ta’ dijossidu tal-karbonju fl-2030, u b’hekk għandu jkun kontributur ewlieni għat-tnaqqis li l-pajjiż għandu jagħmel biex jintlaħqu l-miri tiegħu.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7904, tista’ l-Ministru tgħid min ħallas u kemm tħallas għall-billboard ġewwa x-Xemxija bil-kliem "Inwettqu Flimkien - Spazji Miftuħa Ġodda - project.green"?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-billboard li qed jirreferi għalih ma sarx mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża jew minn xi entità li taqa’ taħtu.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ittellgħu billboards bil-kliem "Inwettqu Flimkien - Spazji Miftuħa Ġodda - project.green" u kemm sewa dan ir-reklamar fuq dawn il-billboards?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li għadni kemm tajtu għall-mistoqsija parlamentari 8305.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – impjegati ġodda f’awtoritajiet u entitajiet
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 5789 u tagħti rendikont ta' kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-awtoritajiet u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha minn Marzu 2022 sal-lum, f'liema awtorità/entità ġew ingaġġati u minn liema lokalitajiet huma dawn il-ħaddiema?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tabella t'hawn taħt b’rendikont ta’ kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-entitajiet jew awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi fil-perjodu indikat. Dawn ġejjin mil-lokalitajiet ta’ Birkirkara, Birżebbuġa, Ħad-Dingli, Ħal Balzan, Ħal Għaxaq, Ħal Kirkop, Ħal Qormi, Ħal Safi, Ħal Tarxien, Ħal-Lija, Ħal-Luqa, Ħ'Attard, Ħaż-Żabbar, Ħaż-Żebbuġ, Il-Baħrija, Il-Belt Valletta, Il-Birgu, Il-Fgura, Il-Gudja, Il-Gżira, Il-Ħamrun, Il-Marsa, Il-Mellieħa, Il-Mosta, Il-Qawra, Il-Qrendi, In-Naxxar, Is-Siġġiewi, Is-Swatar, Ix-Xagħjra, Iż-Żejtun, Iż-Żurrieq, L-Imġarr, L-Imsida, L-Imtarfa, L-Imqabba, Marsalforn, Marsaskala, Marsaxlokk, Paola, Rabat, San Ġiljan, San Ġwann, San Pawl il-Baħar, Santa Venmera, Ta’ Sannat, Ta’ Xbiex u Tal-Pietà.
Fl-istess ħin qed nipprovdih ukoll b’rendikont tal-ħaddiema li, f’dan l-istess perjodu, spiċċaw mill-istess entitajiet/awtoritajiet minħabba raġunijiet varji.
Entità
Numru ta’ Impjegati Ġodda
Numru ta’ Impjegati li spiċċaw mill-Impjieg
ARMS Ltd.
27
25
Ekonomija Ċirkulari Malta
3
2
Enemed Company Ltd
21
8
Interconnect Malta Ltd.
6
1
Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma
5
0
L-Aġenzija dwar l-Enerġija u l-Ilma
10
6
L-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi
0
1
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma
35
67
Engineering Resources Limited
0
64
Wasteserv (Malta) Ltd.
0
5
Intrapriża Malta
5
9
Enemalta plc
27
17
International Energy Service Centre Limited
19
1
Project Green
2
1
L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi
21
9
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – rapporti kriminali mis-Segretarju Permanenti
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7267, tista' l-Ministru tgħid kemm-il rapport kriminali sar mal-Pulizija mill-Permanent Secretary tagħha fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu, f'dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 7267.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — emails mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet internazzjonali
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-emails b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet internazzjonali li rċieva l-Ministeru tagħha u l-entitajiet/awtoritajiet li jaqgħu taħtha matul is-snin 2020, 2021, 2022 u Jannar, Frar u Marzu 2023?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jgħoddu l-istess prinċipji msemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija tiegħu 7128.
Ċirkewwa – main ġdid ta’ trasferiment tal-ilma bejn l-Impjant tar-Reverse Osmosis u l-ġibjun ta’ Ta’ Qali
Question
Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett ta' main ġdid ta’ trasferiment tal-ilma bejn l-impjant tar-Reverse Osmosis fiċ-Ċirkewwa u l-ġibjuni ta’ Ta’ Qali b’investiment ta’ €11 miljun, liema proġett ġie mħabbar fil-Baġit għal din is-sena? Tista' tagħti iktar informazzjoni dwar dan il-proġett?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li dan il-proġett huwa maħsub biex isaħħaħ il-kapaċità ta’ trasferiment tal-ilma għax-xorb bejn l-impjant tar-Reverse Osmosis fiċ-Ċirkewwa u l-ġibjuni ta’ Ta’ Qali, li għandu jwassal għal titjib fil-kwalità tal-ilma u għal operat iktar effiċjenti.
Il-proġett huwa ppjanat f’erba’ fażijiet u dawn jinsabu fi stadji varji ta’ implimentazzjoni. Filwaqt li qegħdin jiġu evalwati s-sejħiet għall-offerti ta’ tnejn mill-fażijiet, is-sejħiet l-oħra mistennija jiġu ppubblikati aktar tard din is-sena.
Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett ta' main li jwassal l-ilma min-Naxxar sas-Salini bi spiża ta’ €3.5 miljun, liema proġett ġie mħabbar fil-Baġit għal din is-sena? Tista' tagħti iktar informazzjoni dwar dan il-proġett?
Response (DALLI, MIRIAM)
Dan il-proġett jikkonsisti fi tqegħid ta’ mejn ġdid, bejn il-ġibjun tan-Naxxar u r-roundabout tas-Salini, biex tissaħħaħ il-provvista tal-ilma fl-inħawi ta’ Buġibba, il-Qawra u San Pawl il-Baħar. Infurmata li s’issa tlesta t-tqegħid ta’ 1.4 kilometri ta’ pajpijiet kbar tal-ilma (mejnijiet), li jammontaw għal madwar għoxrin fil-mija (20%) tal-medda totali li hemm bżonn għal dan il-proġett.
Tista’ l-Ministru tgħid meta se tieħu azzjoni l-Enemalta biex jitranġaw il-problemi tad-dawl tat-triq fi Vjal il-Ħelsien, Ħaż-Żebbuġ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Infurmata li l-arbli tad-dawl fi Vjal il-Ħelsien huma fir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali. Minkejja dan, minħabba problema li hemm u li ġiet infurmata dwarha l-Enemalta mill-Kunsill Lokali, ġew installati numru ta’ floodlights temporanji bl-assistenza tal-Enemalta. Fil-frattemp, il-Kunsill Lokali għamel talba lill-Enemalta biex jinbidlu l-arbli u ssir installazzjoni ġdida. Għaldaqstant, qegħdin isiru tħejjijiet u l-pjani meħtieġa biex dawn ix-xogħlijiet isiru mill-Enemalta.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2321 tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm xi tibdil fix-xogħlijiet li huma previsti li jsiru fil-Ġnien taċ-Ċiniżi ġewwa Santa Luċija?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qegħdin jiġu prodotti l-Fabrication Drawings kif stipulat fil-kuntratt mill-operatur li ser jesegwixxi x-xogħol fuq is-sit indikat.
San Pawl il-Baħar — Dawret in-Nawfraġju - bozza li mhux tixgħel
Question
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 1417 u 7379 dwar bozoz f'Dawret in-Nawfraġju, San Pawl il-Baħar, b'mod partikolari b'referenza għal bozza li ma kinitx tixgħel, tista' l-Ministru tassigura li din il-bozza qiegħda taħdem kif suppost, hekk kif kienet mitfija, tranġat matul Marzu 2023 iżda sad-data li fiha qiegħda ssir din il-mistoqsija parlamentari reġgħet tinsab mitfija kif ġie infurmat ukoll il-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-bozza li qed tirriferi għaliha hija waħda mil-lampi li hemm installati b’mod irregolari mal-faċċati tal-boathouses li hemm f’Dawret in-Nawfraġju. L-Enemalta kellha rapport mill-Kunsill Lokali dwar xi lampi mitfijin f’din iż-żona. Saret spezzjoni mit-tekniċi tal-Enemalta u sabu ħsara f’circuit li jixgħel erba’ lampi li kienu mitfijin. Waqt li saret it-tiswija tas-circuit, il-Kunsill Lokali ntalab biex jirregolarizza l-lampi li saru b’mod irregolari u għaldaqstant ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tal-Enemalta.
San Pawl il-Baħar – Pjanti dwar ix-xogħlijiet ta’ upgrading fis-sistema tad-drenaġġ
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti dwar ix-xogħlijiet li se jsiru mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għal dak li jikkonċerna l-upgrade tas-sistema tad-drenaġġ permezz ta’ mina fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar? Tista' tagħti tagħrif dwar min se jkun qed iwettaq ix-xogħol u meta mistenni jinbeda l-istess xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 7732, fejn spjegajt fid-dettall l-investiment li se tagħmel il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex ittejjeb sostanzjalment l-infrastruttura tad-drenaġġ fiż-żona. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti tax-xogħlijiet. Dawn ser isiru minn Rockcut Ltd. u mistenni li jinbdew fil-ġranet li ġejjin.