Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Mellieħa - Impjant tat-Trattament tad-Drenaġġ f’Taċ-Ċumnija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont ta’ ilma tad-drenaġġ li twassal sal-impjant taċ-Ċumnija fil-limiti tal-Mellieħa minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar? Tista’ tgħid ukoll kemm hu maħsub li jkompli jiżdied l-ammont ta’ drenaġġ li jitwassal f’dan l-impjant u kif inhu mistenni li jiġi msaffi u wżat dan l-istess drenaġġ matul iż-żmien li ġej?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra, ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kontinwament taħdem u tistinka biex tittratta d-drenaġġ kollu li jidħol fin-network tagħha.

San Pawl il-Baħar - Mains tan-New Water

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28158 dwar meta ser ikun possibbli li l-bdiewa kollha li qribhom tpoġġew il-mains tan-New Water fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, ikunu jistgħu jagħmlu użu minn dan l-ilma, tista’ l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ dispensers li għadhom mhux qed ifornu l-ilma għall-bdiewa tal-inħawi? Tista’ tgħid ukoll meta hu mistenni li dawn l-istess dispensers ikunu jistgħu jipprovdu dan l-ilma?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li minn total ta’ 15-il dispenser li ġew installati fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, sebgħa qegħdin jiffunzjonaw u jista’ jagħmel użu minnhom kull bidwi li huwa reġistrat.  It-tmienja l-oħra mistennija li jitħaddmu għall-aħħar ta’ din is-sena.

Wied iż-Żurrieq — Zbrogg tad-Drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu mid-Diviżjoni tad-Drenaġġ fi ħdan il-Ministeru tagħha biex ma jibqax ħiereġ drenaġġ fit-toroq u fil-baħar ta’ Wied iż-Żurrieq wara l-iżbroff ta’ Mejju tal-2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Wied iż-Żurrieq — Multi Level Parking

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hi stmata li tkun in-nefqa biex isir rising main għad-drenaġġ f'Wied iż-Żurrieq? Fid-dawl li minn studji li saru l-introduzjoni ta' rising main f' Wied iż-Żurrieq huwa teknikament possibli, tista’ l-Ministru tgħid għalfejn il-Gvern qed jibqa’ jirrifjuta li jagħmel dan l-investiment neċessarju fis-servizz tad-drenaġġ f' Wied iż-Żurrieq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qabel xejn irrid ngħid li l-allegazzjoni li qed jagħmel l-Onor. Interpellant li “l-Gvern qed jibqa’ jirrifujta li jagħmel dan l-investiment neċessarju fis-servizz tad-drenaġġ f’Wied iż-Żurrieq” assolutament m’għandhiex mis-sewwa. Anzi f’dawn ix-xhur se nkunu qed nagħmlu dak li ma sarx s’issa u se nagħmluh minkejja li nafu li hu proġett diffiċli, din hija sfida oħra li se nkunu qed nindirizzaw. Tant hu hekk, li fi tweġiba li tajt f’Mejju li għadda lil kollega tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 28372, kont diġà infurmajtu li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kienet qed tħejji proposta li d-dettalji tagħha kellhom jitħabbru fil-mument opportun. Imbagħad fit-tieni ġimgħa ta’ Ġunju, waqt id-diskussjoni dwar l-estimi finanzjarji tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, kont żidt ninforma lil din il-Kamra li tħejja master plan biex, għall-ewwel darba, Wied iż-Żurrieq jingħaqad mas-sistema nazzjonali tad-drenaġġ. Kont għedt li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma diġà kellha masterplan komplut għal investiment ta’ madwar €3 miljun biex nindirizzaw b’mod sostenibbli l-immaniġġjar tad-drenaġġ f’din iż-żona turistika u ambjentament sensittiva. U proprju bħal-lum ġimgħa ħabbarna li nbdew ix-xogħlijiet fuq il-proġett u dwar dan inħarġet stqarrija mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, li fiha ngħata tagħrif dwar kif ser inkunu qed naħdmu fuq dan il-proġett diffiċli imma li rridu nwettquh biex insolvu problema li ilha snin u għall-ewwel darba titwassal l-infrastruttura tad-drenaġġ f’Wied iż-Żurrieq u din iż-żona tiġi mqabbda man-netwerk nazzjonali tad-drenaġġ. Malli Wied iż-Żurrieq ikun imqabbad mas-sistema nazzjonali, din il-konnessjoni tiżgura li r-residenti u n-negozji jkollhom dan is-servizz filwaqt li nappoġġjaw tkabbir sostenibbli u nipproteġu l-ambjent madwar din iż-żona. Minħabba d-distanza estensiva hemm diversi interventi li jridu jsiru tul il-medda tat-triq ta’ madwar 2 kilometri. Se jiġu installati żewġ stazzjonijiet tal-ippumpjar biex iċaqilqu d-drenaġġ minn Wied iż-Żurrieq għan-netwerk tad-drenaġġ fiż-Żurrieq. L-ewwel fażi tax-xogħlijiet ser tkopri parti miż-Żurrieq u mistennija titlesta fi żmien 10 ġimgħat. Biex titnaqqas l-inkonvenjenza, ser jiġi introdott pjan ta’ immaniġġjar tat-traffiku bix-xogħlijiet jibdew minn tarf u jimxu kontinwament fi stadji tul it-triq. Qed nimmiraw li l-proġett kollu jitlesta qabel is-sajf li ġej. Dan se jiżgura li l-komunità ta’ Wied iż-Żurrieq tkun konnessa man-netwerk nazzjonali tad-drenaġġ, u l-fosos privati tal-ħwienet u d-djar li s’issa kienu personalment responsabbli għalihom, jiġu eliminati. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ser tkun qed timplimenta dan il-proġett bħala parti mill-impenn tagħha biex issaħħaħ in-netwerk tad-drenaġġ ta’ Malta. Ladarba jitlesta, għall-ewwel darba Wied iż-Żurrieq se jkun imqabbad bis-sħiħ man-netwerk tad-drenaġġ, u b’hekk ikun hemm aċċess adegwat għas-servizzi, jtejjeb il-kwalità tal-ħajja għar-residenti, u jipproteġi l-ambjent naturali f’din il-lokalità popolari. Dan il-proġett f’Wied iż-Żurrieq ser jifforma parti minn programm ta’ investiment nazzjonali biex tissaħħaħ l-infrastruttura tad-drenaġġ madwar Malta u Għawdex.

Installazzjoni ta’ dwal pubbliċi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi proċedura trid tintuża biex toroq li nfetħu reċentement fid-diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, u li għadhom bla dwal pubbliċi, ikollhom dwal pubbliċi installati fihom? Tista’ tgħid ukoll min hu mistenni li jħallas għal dawn id-dwal ġodda?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 30546.

Għawdex - Project Green - Proġetti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid dwar il-proġetti li Project Green qed tiffinanzja fil-gżira ta’ Għawdex? Tista’ tgħid ukoll: i.    meta nbdew kull wieħed minn dawn il-proġetti; ii.    jekk hux ta’ kuljum qed isir xogħol fuqhom mill-kuntratturi rispettivi; u iii.   meta huma ppjanati li jitlestew biex ikunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, b’investiment ta’ madwar €1,050,000,  Project Green qed tiżviluppa Rainwater Harvesting Park f’Għajnsielem. Dan il-proġett jinvolvi spazju multifunzjonali b’diversi attrazzjonijiet fosthom tagħmir tal-logħob għat-tfal, anfiteatru u ċentru edukattiv. Ix-xogħol fuqu nbeda fil-bidu ta’ din is-sena u bħalissa għaddej xogħol ta’ skavar u tħejjija għall-pedamenti biex mill-ġimgħa d-dieħla jibdew jitħaffru l-piles. Huwa mmirat li x-xogħlijiet jitlestew fit-tielet kwart tal-2026. Proġett ieħor f’Għawdex li qed twettaq Project Green hu dak ta’ EcoGarden fix-Xewkija li għalih l-investiment hu ta’ madwar €470,000. Hawnhekk l-Aġenzija se tkun qed tagħti priorità lill-enerġija rinnovabbli biex il-ġnien ikun awtosuffiċjenti. Se jinbena wkoll ġibjun għall-ħażna tal-ilma u se jiġi installat tagħmir tal-logħob għat-tfal. F’dan il-każ tlesta l-proċess tat-tendering u bħalissa qed jinġiebu l-permessi meħtieġa sabiex ikun jista’ jinbeda x-xogħol. Fil-frattemp, qed isiru wkoll interventi preparatorji relatati mal-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà waqt li jkunu qegħdin isisru x-xogħlijiet. Dan il-proġett hu mmirat li jitlesta fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla. F’dan iż-żewġ każijiet, u kif tagħmel fi kwalunkwe proġett ieħor, Project Green tassigura li l-kuntratturi responsabbli mix-xogħlijiet jonoraw l-iskedi u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt. Tajjeb wieħed iżid li minbarra l-proġetti li qed twettaq Project Green, il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika kien u għadu involut f’diversi proġetti oħra f’Għawdex. Fost l-oħrajn, Ambjent Malta kienet involuta f’xogħlijiet ta’ tisbiħ f’San Lawrenz, il-Munxar u Għajniselem, filwaqt li fl-Għasri assistiet fir-riġenerazzjoni ta’ Ġnien Kenn is-Salvatur. F’ħidma konġunta mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), Ambjent Malta qed twettaq ukoll xogħlijiet ta’ manutenzjoni tal-ħbula u s-sinjali tal-informazzjoni li jipproteġu l-għaram tar-ramel fir-Ramla l-Ħamra, biex tiġi mħarsa l-veġetazzjoni endemika. Barra minn hekk, is-sena l-oħra ġew installati sinjali ta’ informazzjoni ġodda f’diversi żoni protetti u f’siti ġodda ddikjarati bħala protetti. Min-naħa tagħha l-ERA qed taħdem biex tindirizza u tikkontrolla l-ispeċi aljeni invażivi li qed jheddu l-integrità ekoloġika tas-sit protett tal-Għadira ta’ Sarraflu. Filwaqt li, permezz tal-proġett CORALLO, ċ-Ċentru ta’ Interpretazzjoni tad-Dwejra ġie promoss bħala ċentru ta’ edukazzjoni ambjentali marittima u użat bħala sit ewlieni ta’ għarfien dwar in-Natura 2000.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — Is-Settur Ċivili u s-Settur Pubbliku - Impjegati sospiżi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati fis-settur ċivili u pubbliku li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha li bħalissa jinsabu sospiżi bi 80% tal-paga, minħabba każijiet kriminali pendenti fil-Qorti kontrihom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika hemm impjegat li bħalissa jinsab sospiżi bi 80% tal-paga, minħabba każ kriminali pendenti fil-Qorti kontrih.

Santa Luċija - Ġnien iċ-Ċinizi tas-Serenità — Dawl aħjar

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk huwiex possibbli li Ġnien iċ-Ċiniżi tas-Serenità, f’Santa Luċija jiġi mixgħul aħjar wara li tinżel ix-xemx billi hemm partijiet li huma mudlama sew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fi Ġnien l-Iskultura, li jinsab biswit u li għadu kemm infetaħ minn Project Green, hemm dawl adekwat. Fir-rigward ta’ Ġnien is-Serenità, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Il-Kalkara - Ġnien Rinella — Xogħol ta’ tisbiħ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarx xi xogħol ta’ tisbiħ fi Ġnien Rinella, fil-Kalkara matul din is-sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fost l-ewwel proġetti li wettaqna fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura kien hemm proprju dak ta’ Ġnien ir-Rinella, fil-Kalkara, li fih sar investiment ta’ €1 miljun biex iservi bħala spazju aħdar għar-rikreazzjoni soċjali għall-familji filwaqt li nżamm il-prestiġju storiku tiegħu. Dan il-proġett sar b’mod li jħares l-użu ta’ enerġija rinnovabbli, il-konservazzjoni tal-ilma u l-protezzjoni tal-ambjent naturali. L-introduzzjoni ta’ solar paving li jiġġenera biżżejjed enerġija għall-użu tal-ġnien, smart benches kif ukoll solar smart bins, kienu jifformaw parti minn strateġija ferm akbar li tenfasizza l-importanza ta’ enerġija nadifa u arja aħjar. Barra minn hekk, l-ilma tax-xita kollu li jaqa’ ġewwa l-ġnien jinġabar f’erbat ibjar u jintuża għat-tisqija neċessarja permezz ta’ sistema ta’ irrigazzjoni awtomatika. Tħawlu aktar siġar u pjanti indiġeni biex joffru ambjent isbaħ għalll-familji. Bħalma jsir fil-każ ta’ ġonna oħrajn, parks u spazji oħra miftuħa mmaniġġjati minn Project Green, Ġnien ir-Rinella ssirlu manutenzjoni fuq bażi regolari biex dawn jinżammu fi stat tajjeb. Sfortunatament, minkejja d-diversi appelli li jsiru biex nibżgħu għal dawn is-siti, għadu jkun hemm okkażjonijiet fejn dawn jisfgħu fil-mira ta’ vandaliżmu. Fil-fatt, ninsab infurmata li fix-xhur tas-sajf kellhom isiru xogħlijiet ta’ tiswija fuq il-bankijiet wara li sar vandaliżmu fuq l-apparat li jiġġenera d-dawl mill-enerġija solari. Saru wkoll tiswijiet fil-funtana u fuq is-sistema tal-irrigazzjoni. Għax-xhur tax-xitwa huwa ppjanat li jsir tħawwil ta’ aktar pjanti.

Noise Prevention and Control (Framework) Regulations, 2012 — Att dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Kap. 504) tal-Liġijiet ta’ Malta

Question

B’referenza għan-Noise Prevention and Control (Framework) Regulations, 2012 kif ukoll għall-Att dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Kap. 504) tal-Liġijiet ta’ Malta, li huwa mniżżel bħala “partially in force”, tista’ l-Ministru tgħid liema partijiet ta’ din il-liġi huma implimentati? B’referenza għal dawk il-partijiet tal-liġi li għadhom mhux fis-seħħ, tista’ l-Ministru tgħid meta ser jiġu implimentati u jidħlu fis-seħħ u għalfejn ma ġewx implimentati mal-bidu fis-seħħ ta’ din il-liġi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Att dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Kap. 504) daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Lulju 2010 permezz ta’ Att Nru X tal-2010. Dan l-Att kien jimplimenta l-Malta Environment and Planning Authority (MEPA) li llum il-ġurnata flokha hemm żewġ entitajiet separati u distinti minn xulxin (l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u l-Awtorità tal-Ippjanar) permezz ta’ żewġ Atti differenti, l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (Kap. 549 tal-Liġijiet ta’ Malta) u l-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Kap 552 tal-Liġijiet ta’ Malta). Il-Kap 549 jidher ‘partially in force’ proprju għax il-maġġoranza tiegħu ġie repealed bl-imsemmija Atti ġodda. Ninformah ukoll li ma jeżistu ebda Noise Prevention and Control (Framework) Regulations, 2012.

Clean Malta - Impjegati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ impjegati ta’ Clean Malta, jew ta’ kuntratturi li għandhom ftehim ma’ Clean Malta, li ġew assenjati biex jagħmlu xogħol mal-kaxxi fejn jitpoġġew il-fliexken, jiġifieri mal-magni tal-BCRS? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dawn il-ħaddiema huma Maltin u kemm huma ta’ nazzjonalità oħra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li d-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni għandha total ta’ 26 impjegat li huma assenjati biex jagħmlu xogħol mal-magni tal-BCRS. Minn dawn il-ħaddiema, 3 huma Maltin u 23 huma ta’ nazzjonalità oħra.

ERA - Uffiċjali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li jkunu qed jispezzjonaw il-lokalitajiet, biex jassiguraw li l-liġijiet dwar ir-rimi tal-iskart ikunu qegħdin jiġu osservati? Tista’ tgħid ukoll: i.          kif inhuma maqsuma fid-diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex; ii.          jekk minbarra l-impjegati tal-istess ERA, hemmx ukoll impjegati tal-kuntratturi, li suppost iwettqu dan ix-xogħol, u jekk iva, kemm hu n-numru ta’ ħaddiema tal-kuntrattur li qegħdin jaħdmu f’dan il-qasam; u iii.          jekk l-istess impjegati, bħalissa għandhomx direttiva li ma jagħtux ċitazzjonijiet lil min jinqabad jikser il-liġi, u dan minħabba xi kwistjonijiet dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-istess ħaddiema, u jekk iva, kemm ilha din id-direttiva, u fiex waslu d-diskussjonijiet dwarha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtoritá għall Ambjent u r-Riżorsi (ERA) sal-bidu ta’ Settembru 2025 kellha fi ħdanha 52 uffiċjal tal-Infurzar fejn speċifikament fuq  l-infurzar tar-Regolament dwar l-Abbandun, ir-Rimi u t-Tneħħija ta’ Skart fit-Toroq u f’Postijiet jew Żoni Pubbliċi (LS549.40) primarjament isir minn kuntrattur privat li ġie magħżul wara tender pubbliku, fejn fil-preżent għandu 37 uffiċjal li jiġu allokati madwar Malta, Għawdex u Kemmuna skont l-istruzzjonijiet li jingħataw mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) abbażi tal-ħtiġijiet ta’ lokalitajiet differenti, minn osservazzjonjiet li tagħmel l-Awtorità stess u anke minn kollaborazzjoni tal-Kunsilli Reġjonali u Kunsilli Lokali. L-ERA ġiet notifikata mill-kuntrattur li union partikolari infurmatu b’azzjoni industrijali fuq numru ta’ ħaddiema. Ta’ min jiċċara li l-azzjoni industrijali mhix mal-ERA imma mal-kuntrattur.

Pilot projects - Underground bins

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru, direttament jew permezz ta’ xi awtorità jew dipartiment li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, ikkunsidrax il-possibbiltà li jitniedu pilot projects għall-installazzjoni ta’ underground bins li jistgħu jintużaw minflok is-sistema eżistenti għal dak li jikkonċerna l-ġbir tal-borża s-sewda, u ta’ boroż oħra jekk ikun il-każ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Bring-in sites

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li sa issa l-organizzazzjonijiet li suppost kellhom jinstallaw bring-in sites (waħda għal kull 2,000 ruħ) għadhom ma għamlux dan? Tista’ tgħid ukoll meta hu mistenni li dawn l-istallazzjonijiet jitpoġġew fid-diversi lokalitajiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-obbligu tal-installazzjoniji ta’ sett ta’ Bring-in-Sites (BiS) għal kull 2,000 abitant qiegħed fuq il-Kunsilli Lokali nfushom. Sussegwentament, il-Kunsilli rispettivi jidħlu f’arranġament bilaterali ma’ waħda mill-Iskemi (PROs). Hemm numru sinifikanti ta’ Kunsilli li għandhom numru ta’ BiS skont kif mitlub fil-liġi, jew saħansitra iktar u qed iħaddmuhom b’mod tajjeb kemm mil-lat ta’ ndafa u anke mgħammra b’CCTV biex jitnaqqas l-abbuż fir-rimi ta’ skart irregolari u jsir infurzar effettiv. Hemm ukoll lokalitajiet oħrajn li għal diversi raġunijiet għadhom mhux konformi. Matul dawn l-aħħar snin, l-ERA nediet diskussjonijiet direttament ma’ dawn il-Kunsilli Lokali bil-għan li jottempraw ruħhom mal-obbligi legali u jingħata servizz alternattiv għar-rimi ta’ skart riċiklabbli liċ-ċittadin.

Enemalta - Twaħħil ta’ bozoz ġodda

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-policy tal-Enemalta għal dak li jikkonċerna t-twaħħil ta’ bozoz ġodda fil-lokalitajiet? Tista’ tgħid ukoll x’jiġri fil-każijiet fejn is-sidien tal-proprjetà, li magħha suppost jitwaħħlu l-lampi pubbliċi, joġġezzjonaw għal tali twaħħil ma’ proprjetà privata?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif spjegajt fit-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 23202, huma l-Kunsilli Lokali li jwaħħlu l-bozoz ġodda fil-lokalitajiet tagħna.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — Awtoritajiet/Aġenziji/Entitajiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23927 fejn intqal li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra, peress li issa għaddew ħames xhur minn meta saret il-mistoqsija oriġinali, tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx/kienx hemm deputati/ex-deputati tal-Gvern Laburista fil-bordijiet ta’ Awtoritajiet/Aġenziji/Entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha minn April 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’liema bord ta’ Awtorità/Aġenzija/Entità jinsabu/kienu jinsabu, x’pożizzjoni għandhom/kellhom u x’inhi/kienet il-kariga tagħhom? X’remunerazzjoni u perkaċċi oħra jieħdu/kienu jieħdu għal tali pożizzjoni? X’inhu/kien it-terminu tal-ħatra tagħhom, u jekk tali ħatra għadha fis-seħħ, meta hu t-terminu ta’ din il-ħatra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28651.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika - Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Awwissu 2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W433.