Ħaż-Żebbuġ – Blokk A, Triq il-Qolla – Ħruġ ta’ Ilma fit-triq
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15722, peress li sat-12 ta' Frar is-sitwazzjoni ma nbidlitx u għadu qed jiġi ppumpjat kwantità ta' ilma fit-triq, jista' l-Ministru jgħid lil liema entità rrefera l-każ u x'kien l-eżitu tal-istħarriġ tagħha?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninsab infurmat li minn stħarriġ li sar dalgħodu stess u li qed nippreżenta fuq il-Mejda tal-Kamra jidher li ma hemm l-ebda ilma li qed jiġi ppumpjat fl-imsemmija triq.
Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — Konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il konsulent hemm fil-Ministeru tiegħu u x’livell ta’ edukazzjoni u esperjenza għandhom, speċjalment fil-qasam li l-Ministeru jirrappreżenta?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulenti ġew impjegati skont l-manwal li kopja tiegħu diġà tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal exchanges mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari maqsuma sena b’sena u minn liema lokalità kienu qed isiru dawn it-talbiet għal exchanges u għal fejn? Jista’ jgħid ukoll kemm talbiet għal exchanges kienu milqugħa sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar 2013 sat-12 ta’ Frar 2024, l-Awtorità tad-Djar laqgħet 759 applikazzjoni għal tpartit. L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13858, jista' l-Ministru jgħid meta ġie ffirmat il-ftehim bejn l-Awtorità tad-Djar u Infrastructure Malta sabiex jingħata bidu għat-tiswijiet neċessarji u jagħti rendikont dettaljat li jinkludi d-dati tax-xogħlijiet li saru minn dak iż-żmien 'l hawn filwaqt li jagħti lista tax-xogħlijiet li fadal isiru f'dan il-kumpless ta' garaxxijiet ta' Binja Qlejgħa fl-Imtarfa li bħalissa jinsab fi stat perikoluż ħafna għar-residenti?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-ftehim ta’ koordinament bejn l-Awtorità tad-Djar u Infrastructure Malta għandu jiġi ffirmat sal-aħħar ta' Frar 2024. Mal-ftehim iffirmat ser joħrog il-programm tax-xogħlijiet u minn hemm, b’koordinazzjoni sħiħa bejn l-entitajiet kollha kkonċernati, jkun jista’ jibda’ x-xogħol meħtieġ.
Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — Deputati tal-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min kien/kienu d-Deputati tal-Gvern li minn April 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kienu/huma jagħmlu parti min xi kumitati, panels u bordijiet fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, fid-dekasteru li għalih hu responsabbli u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat fejn kienu/qiegħdin iservu, il-kariga li kienu/li qed jokkupaw, id-data tal-ingaġġ ta' dawn il-persuni, id-data sakemm baqgħu ngaġġati dawn il-persuni, b'liema mod kienu impjegati (jekk hux b’sejħa pubblika, minn Ministru eċċ.) u kemm kien/hu l-pakkett finanzjarju/honoraria tagħhom?
Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-attendenza tax-xogħol tagħhom, ta’ kemm-il darba attendew fil-kumitat/bord/panels u kemm tħallsu jekk jitħallsu per sitting u l-ammont li tħallsu annwali?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif qed jinġabar.
Akkomodazzjoni Soċjali — Postijiet allokati - Tieni Distrett Elettorali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew allokati postijiet għall-Akkomodazzjoni Soċjali fit-Tieni Distrett Elettorali matul l-aħħar sentejn?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar 2022 sas-7 ta’ Frar 2024, il-Bord tal-Allokazzjonijiet fi ħdan l-Awtorità tad-Djar alloka 110 proprjetà għall-Akkomodazzjoni Soċjali fit-Tieni Distrett Elettorali.
Jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni ttieħdet dwar rapporti li saru lill-Awtorità tad-Djar mill-inkwilini tal-appartament li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li qed jikru dan l-appartament mingħand l-Awtorità tad-Djar, li tikrieh mingħand il-privat, u li hemm dubji kbar dwar is-sigurtà tiegħu wara li dehru xi konsenturi fil-ħitan?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l Awtorità tad-Djar irċeviet rapport wieħed fuq dan l-appartament. Saret l-ispezzjoni minn barra, però dan ma setax isir minn ġewwa minħabba li l-inkwilin ma kienx disponibbli. Minn dakinhar ma sar l-ebda rapport ieħor fuq il-post imsemmi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux ser joħorġu aktar tenders biex jinbiegħu postijiet tal-Gvern li kienu tal-housing, peress li ilhom xhur ma joħorġu tenders? Jista’ jgħid ukoll x'inhi r-raġuni għalfejn damu ma ħarġu dawn it-tenders?
Response (GALDES, RODERICK)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal liema postijiet qed jirreferi.
L-Imsida u s-Siġġiewi – Kuntratti ffirmati għall-akkomodazzjoni soċjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt ġie ffirmat għall-akkomodazzjoni soċjali tal-Imsida, kif ukoll tas-Siġġiewi ta’ bejn Triq l-Imdina u Triq Nikol Zammit?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Bord tal-Allokazzjonijiet fi ħdan l-Awtorità tad-Djar alloka 160 proprjetà għall-akkomodazzjoni soċjali fl-Imsida u s-Siġġiewi. Dawn il-kuntratti qegħdin fil-proċess li jiġu ffirmati.
L-Imsida u s-Siġġiewi – Akkomodazzjoni soċjali — Kuntratti
Question
Jista’ l-Ministru jagħti d-dati ta’ meta ġie ffirmat kull kuntratt għall-akkomodazzjoni soċjali tal-Imsida, kif ukoll tas-Siġġiewi bejn Triq l-Imdina u Triq Nikol Zammit?
Akkomodazzjoni soċjali – Persuni li għaddejjin mill-proċess ta’ separazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuni li jkunu fil-proċess ta’ separazzjoni jistgħux japplikaw għall-akkomodazzjoni soċjali?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li skont il-kriterja ta’ eliġibiltà tal-applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali, f’każ ta’ persuna separata / divorzjata / annullata, kopja tad-deċiżjoni finali ta’ qorti kompetenti li tippronunzja l-firda jew kopja tal-att pubbliku li jagħti effett lill-firda taż-żwieġ jew unjoni ċivili għandha tiġi ppreżentata.
Akkomodazzjoni soċjali – Persuni li għaddejjin mill-proċess ta’ separazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuni li qegħdin fil-proċess ta' separazzjoni jistgħux jingħataw akkomodazzjoni soċjali? Jekk le, jista’ jgħid x'alternattivi jingħataw lil persuni vulnerabbli biex jgħixu f'akkomodazzjoni diċenti u affordabbli sakemm jisseparaw minħabba l-fatt il-proċess ta' separazzjoni jaf jieħu s-snin?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-każ jiġi evalwat hekk kif tiġi sottomessa kopja tad-deċiżjoni finali ta’ qorti kompetenti li tippronunzja l-firda jew kopja tal-att pubbliku li jagħti effett lill-firda taż-żwieġ jew unjoni ċivili.
F’każijiet urġenti, l-Awtorità tad-Djar tassisti lill-persuni vulnerabbli permezz ta’ għajnuna finanzjarja ta’ depożitu u l-ewwel kirja , għall-kiri mill-privat. Barra minn hekk, il-persuni jiġu assistiti biex japplikaw għall-benefiċċju tal-kera (HBS).
Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — Ħaddiema fuq waiting list għal servizz ta’ child care qrib il-post tax-xogħol tagħhom
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li jaħdmu fis-settur pubbliku jew fis-servizz pubbliku, ma’ dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru li bħalissa qed jistennew (fuq waiting list) biex jieħdu servizz ta’ child care qrib il-post tax-xogħol tagħhom?
Response (GALDES, RODERICK)
L-għażla taċ-child care hija tal-ġenituri u għaldaqstant ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub huwa tagħrif personali li ma jinżammx mis-Settur Pubbliku.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1845 u jindika f’liema żona fil-Mellieħa ser ikunu qed jinbnew appartamenti ġodda? Kemm hu n-numru ta’ dawn l-appartamenti u meta mistennija li dawn ikunu lesti biex familji/individwi jabitaw fihom?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proġett, li jikkonsisiti fi 8 appartamenti, qed isir fi Triq Napuljun Caruana Dingli fil-Mellieħa u mistenni li jitlesta fis-sena 2025.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti li kienu qed jistennew l-akkomodazzjoni soċjali sal-aħħar tas-sena 2023 u jekk dan in-numru jinkludix persuni li ġew imwiegħda akkomodazzjoni soċjali sal-aħħar elezzjoni ġenerali u li s’issa għadhom ma’ daħlux fil-post tal-akkomodazzjoni soċjali?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-31 ta’ Diċembru 2023, l-Awtorità tad-Djar kellha 1553 applikant fuq il-lista ta’ stennija. Din il-figura ma tinkludix dawk l-applikanti li qed jistennew sabiex jidħlu fil-proprjetà allokata lilhom.
Akkomodazzjoni soċjali – Lista ta’ stennija — Minorenni
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm minorenni mal-applikanti adulti li kienu qed jistennew l-akkomodazzjoni soċjali sal-aħħar tas-sena 2023?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li sal-31 ta’ Diċembru 2023, l-Awtorità tad-Djar kellha 1206 minorenni mal-applikanti adulti fuq il-lista ta’ stennija.
L-Imsida u s-Siġġiewi — Proġett tal-akkomodazzjoni soċjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta ser ikun lest il-proġett tal-akkomodazzjoni soċjali tal-Imsida, kif ukoll tas-Siġġiewi ta’ bejn Triq l-Imdina u Triq Nikol Zammit?
Response (GALDES, RODERICK)
Il-proġetti tal-akkomodazzjoni soċjali ġewwa l-Imsida u s-Siġġiewi jagħmlu parti mill-ikbar investiment ta’ bini ta’ akkomodazzjoni socjali li qatt ra l-pajjiż. Investiment ta’ aktar minn €130 miljun li se jirriżultaw f’madwar 1,700 appartament fi 13-il lokalità. Dan ifisser 1,700 saqaf diċenti u dinjituż għal familji bi bżonnijiet soċjali. Dan l-ikbar investiment fl-aħħar sena beda jħalli l-frott. Fl-2023 biss ftaħna 4 proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali li jfissru li kważi 70 familja llum għandhom saqaf fuq rashom.
Din il-ħidma kompliet din is-sena hekk kif ġimgħa oħra tinfetaħ il-binja ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Ħal Kirkop u fil-ġimgħat li ġejjin isegwu proġetti oħrajn inkluż tas-Siġġiewi u tal-Imsida. Dan tal-aħħar se jkun l-ikbar binja ta’ akkomodazzjoni soċjali fil-pajjiż, b’112-il appartament b’investiment ta’ kwazi €10 miljun.
Dak li nwiegħdu, inwettquh.
Ministeru għall-Akkomodozzjoni Soċjali u Affordabbli — Deputati tal-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min kienu / huma d-Deputati tal-Gvern, li minn April 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, ingħataw xi kuntratt ta' konsulenza miċ-ċivil, servizz pubbliku, jew minn kumpaniji / banek fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, minn aġenziji, entitajiet, jew awtoritajiet regolatorji fid-dekasteru li għalih hu responsabbli u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat x'tip ta' konsulenza kienu qed jagħtu, fejn kienu qegħdin iservu, id-data tal-ingaġġ ta' dawn il-persuni, id-data sakemm baqgħu ingaġġati dawn il-persuni, b'liema mod kienu ingaġġati (jekk hux b’sejħa pubblika, direct order, eċċ.) u kemm kien il-pakkett finanzjarju tagħhom?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi sal-lum m’hemmx persuni li kellhom xi wieħed mill-irwoli li qed isemmi l-interpellant fil-mistoqsija tiegħu.
Ministeru għall-Akkomodozzjoni Soċjali u Affordabbli — Direct Orders
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul l-2023?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.
Ġejt infurmat li sabiex tingħata l-informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Interpellant, tinqabeż l-advisory cost.