Legislature:
Category:
Reset
Active:

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali — Servizz ta' dentistrija u ortopedija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx annimali misjuba mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali li għadhom qed jistennew trattamenti ta’ dentistrija u ta’ ortopedija?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.

Importazzjoni ta’ prodotti agrikoli — Ftehim

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni ta' Malta fir-rigward ta' tiġdid ta' ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u erba’ pajjiżi Sud Amerikani, fosthom l-Argentina, il-Brażil, il-Paragwaj u l-Urugwaj, dwar importazzjoni ta' prodotti agrikoli minn dawn il-pajjiżi lejn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Awtoritajiet u korporazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-awtoritajiet u l-korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid ukoll min huma ċ-chairpersons, diretturi, u chief executive officers ta' kull waħda minnhom u x'inhuma s-salarji u benefiċċji oħra ta' kull wieħed minnhom?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda awtoritajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru li tiegħu jiena responsabbli.

Regolarizzazzjoni ta’ breeding tal-annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser jirregolarizza l-breeding tal-annimali, speċjalment tal-klieb u l-qtates, u jekk fl-affermattiv jgħid kif se jsir dan?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tnissil tal-klieb hija attivita’ diġà rregolata fil-leġiżlazzjoni sussidjarja taħt il-Kap 437 (l-Att dwar is-Servizzi Veterinarji). It-tnissil tal-qtates bħalissa mhix direttament regolata u m'hemm l-ebda pjan fil-futur qrib li din tkun regolata. Madankollu, tali attivitajiet, inkluż it-tnissil, għandhom jirrispettaw il-benesseri tal-annimali kif stipulat fil-Kap 439 (l-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali).

Enerġija rinnovabbli — Studji dwar proġetti agrikoli

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar l-implimentazzjoni tal-istudju dwar proġetti agrikoli li jistgħu jkunu sors ta' enerġija rinnovabbli mingħajr ma jaffettwaw il-produzzjoni agrikola? Jista' jagħti dettalji dwar jekk dan l-istudju sarx u dwar it-tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern permezz tad-Direttorat għall-Agrikoltura, qiegħed jevalwa u jsegwi mill-qrib l-istudji li saru u qed isiru madwar pajjiżi fil-Mediterran bi klima simili bħal ta’ Malta, fejn ġiet evalwata l-koabitazzjoni bejn l-agrikoltura u strutturi li sjipproduċu l-enerġija minn sorsi rinnovabbli bħal-pannelli fotovoltajci. Riżultat ta’ dan, saret ħidma bejn il-Ministeru li tiegħu jien responsabbli flimkien ma dawk responsabbli mill-Ambjent, Energija u Pjanar sabiex il-Gvern ikollu mekkaniżmu li permezz tiegħu serrer għal skop agrikolu jkunu jistgħu jintużaw sabiex tiġi ġġenerata enerġija rinnovabbli mingħajr ma taffettwa l-produzzjoni agrikola.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Direttivi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru tiegħu matul din is-sena 2024 u liema huma dawk li għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa l-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali m’għandu l-ebda Direttiva bi skadenza għat-traspożizzjoni li taħbat fis-sena 2024 u għalhekk m’għandu l-ebda Direttiva li għadha pendenti.

Ħaddiema li għandhom ’il fuq minn 65 sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni li għandhom minn 65 sena 'l fuq, li jaħdmu fid-dekasteru tiegħu? Jekk hemm, jista' jgħid kemm huwa n-numru ta’ dawn il-ħaddiema, skala skala, u jekk humiex tal-kuntrattur?

Response (REFALO, ANTON)

Filwaqt li nirreferih għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21443. Fir-rigward tal-entitajiet li jaqgħu taħti, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li hemm persuna waħda li għandha 'l fuq minn 65 sena, li tahdem fid-dekasteru tiegħi, fis-Skala ħmistax.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Uffiċjali bl-ogħla pakkett finanzjarju annwali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-iktar għaxar uffiċjali fi ħdan il-Ministeru tiegħu bl-ogħla pakkett finanzjarju annwali? Jista’ jgħid ukoll kemm hu l-pakkett finanzjarju ta' kull wieħed minnhom u x'jinkludi?

Response (REFALO, ANTON)

Il-pożizzjonijiet fl-istrutturi tas-Servizz Pubbliku huma marbuta ma' skali skont il-kategorija li jappartjenu. U għaldaqstant il-pakkett finanzjarju huwa marbut ma' dik il-kategorija dejjem hekk kif approvat jew maqbul fi ftehim tal-kategorija.

Skema tal-artijiet agrikulturali

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21683, jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm żgħażaġħ li applikaw u żgħażaġħ li bbenefikaw mill-iskema tal-artijiet agrikulturali msemmija f'paġna 78 tal-Budget tal-2024?

Response (REFALO, ANTON)

pB’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 21657, ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li bħalissa għaddejjin il-konsultazzjonijiet bħala parti mill-ex-ante assessment li qed isir sabiex jara l-bżonnijiet u l-mudelli differenti ta' strumenti finanzjarji sabiex jindirizzaw dawn il-bżonnijiet tal-bdiewa u r-raħħala. Ovvjament, sakemm isir l-istudju u eventwalment jitħabbru dawn l-istrument/i finanzjarji, hemm proċess li jrid jiġi segwit u allura sa issa ma jistax ikun hemm applikanti jew benefiċċjarji.

Inċentivi għal min irabbi n-naħal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif il-Gvern qed jinċentiva lil min jrabbi n-naħal? Jista' jgħid ukoll x'inhu jagħmel biex jipproteġi n-naħla Maltija?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara l-iskema tal-2023, għadha kif ġiet varata skema oħra ta’ appoġġ għal min irabbi n-naħal tal-għasel. Din l-inizjattiva ġdida ġiet imfassla biex tgħin lil dawk li jrabbu n-naħal iżommu kolonji tan-naħal tal-għasel b’saħħithom u produttivi. Din l-iskema hija b’reazzjoni għall-isfidi li dejjem qed jiżdiedu li qed jiffaċċjaw dawk li jrabbu n-naħal minħabba t-tibdil fil-klima u l-preżenza ta’ speċi invażivi bħal bagħal taż-żunżan. B’hekk ser inkunu qed nagħtu kumpens ta’ €22 għal kull kolonja tan-naħal. Ngħarrfu wkoll li taħt il-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) ta' Malta 2023-2027, hemm numru ta’ opportunitajiet orizzontali ta’ għajnuna finanzjajra li jistgħu jibbenefikaw minnhom kull min jissodisfa l-kriterji tal-eliġibilità rilevanti, inklużi skemi ta’ investiment, ta’ trasferiment ta’ għarfien, ta’ konsulenza teknika, kif ukoll skemi marbutin ma’ għanijiet klimatiċi u ambjentali b’mod partikolari skema li tipprovdi l-għajnuna għaż-żamma ta’ kaxxi tan-naħal fuq l-irziezet. Barra minn hekk, il-Pjan jinkludi wkoll interventi li huma speċifikament imfasslin għas-settur tal-apikoltura u n-naħħala Maltin u Għawdxin. Tali inċentivi lil dawk li jrabbu n-naħal qed jiġu pprovduti permezz ta' Interventi Settorjali, kif identifikati f’Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 2021/2115. Tali intereventi fis-settur tal-apikoltura jistgħu jkopru l-attivitajiet li ġejjin: 1. assistenza teknika u taħriġ lil dawk li jrabbu n-naħal u gtuppi/organizzazzjonijiet ta' dawk li jrabbu n-naħal; 2. għajnuna finanzjarja għal azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-invażuri tal-kaxxi tan-naħal u l-mard fihom, partikolarment il-varroażi; jgħinu fir-ripopolazzjoni tal-kaxxi tan-naħal, inkluż it-trobbija tan-naħal; u razzjonalizzazzjoni tat-trasumanza; 3. appoġġ għal-laboratorji għall-analiżi tal-prodotti tal-apikultura; u 4. kooperazzjoni ma’ korpi speċjalizzati għall-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ riċerka fil-qasam tat-trobbija tan-naħal u l-prodotti tal-apikultura Dawn l-interventi jinkludu miżuri li jipproteġu u jtejbu l-bijodiversità fuq ir-raba’ u f’żoni rurali usa', jxerrdu għarfien biex tiġi mħarsa l-bijodiversità u jiġu konservati speċi endemiċi. Għaldaqstant, dawn l-interventi jikkontribwixxu wkoll b’mod indirett għall-konservazzjoni tan-Naħla Maltija.

Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa — Laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn it-tieni sitt xhur tas-sena 2024?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-lista segwenti ta’ laqgħat li attendejt fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa: 1. 15 ta' Lulju Kunsill Agrifish fi Brussell 2. 8-10 ta’ Settembru Agrifish Informali f’Budapest 3. 23 ta' Settembru Kunsill Agrifish fi Brussell 4. Mill-21 sat-22 ta' Ottubru Kunsill Agrifish fil-Lussemburgu Mistenni nattendi wkoll il-Kunsill tal-Agrifish fi Brussell bejn id-9 u l-10 ta’ Diċembru 2024.

Animal Welfare — Ilmenti fuq moħqrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ilment irċieva l-Animal Welfare fuq moħqrija minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-25 ta’ Ottubru 2024, id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali rċieva 921 ilment dwar moħqrija ta’ annimali.

Framework Contract For The Collection And Transportation Of Fruit And Vegetables From Gozo To Pitkalija, Malta For The Malta Food Agency

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti s-sejħa SPD8/2024/107 - Framework Contract For The Collection And Transportation Of Fruit And Vegetables From Gozo To Pitkalija, Malta For The Malta Food Agency u minn fejn ħa jiġi offrut dan is-servizz ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid ukoll min f'dawn l-aħħar ġranet u xhur kien qed joffri dan is-servizz u minn fejn kien qed jiġi offrut dan is-servizz ġewwa Għawdex u kemm kien ilu jiġi offrut dan is-servizz u għaliex issa nħasset il-ħtieġa li toħroġ is-sejħa?

Response (REFALO, ANTON)

Il-Malta Food Agency nediet servizz ta’ transport b’xejn tal-frott u l-ħaxix minn Għawdex għall-Pitkalija Malta. Dan is-servizz inbeda b’sejħa għall-kwotazzjonijiet liema informazjoni ġiet ppubblikata fuq il-Gazzetta tal-Gvern skont il-Public Procurement Regulations. Ninsab infurmat li f’dan il-perjodu l-MFA ħejjiet u ħarġet tender għal dan is-servizz fuq perjodu ta’ sentejn. Infurmat ukoll li dan it-tender qiegħed fl-aħħar fażi tal-evalwazzjoni.

Servizz 1717

Question

Jekk individwu jsib kelb fit-triq u jċempel 1717, imma meta jmorru l-uffiċjali tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali jinstab li l-kelb m’għandux microchip u mhuwiex midrub, jista’ l-Ministru jgħid; i. jekk id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali jiġborx il-kelb; ii. jekk le, jekk l-istess uffiċjali jiċċekkjawx jekk hemmx santwarju li jista’ jilqa’ l-kelb; iii. jekk iva, il-kelb irid jinġabar mis-santwarju stess jew id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali jorganizza biex jitwassal fis-santwarju, u iv. jekk hemmx xi parti minn din il-proċedura li għaliha l-uffiċjali jridu jitolbu permess mis-superjuri tagħhom?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali joffri servizz ta’ ambulanza u ma hijiex prassi tad-Direttorat li jinġabru annimali b’saħħithom sakemm dawn ma jkunux identifikati elettronikament u rreġistrati fuq sid jew inkella involuti f’operazzjoni ta’ salvataġġ.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Nefqa għal overtime tas-securities

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 21014 u 21927, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tal-overtime msemmi għal kull uffiċjal tas-sigurtà individwalment, mingħajr ma jiżvela l-ismijiet tal-uffiċjali?

Response (REFALO, ANTON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema tal-maintenance, xufiera, messaġġiera u ġardinara jaħdmu fid-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom huma ħaddiema mal-Gvern u kemm huma mal-kuntrattur?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tingabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Mejju 2023?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22360.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Segretarjat għas-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali - rendikont ta’ nefqa f’attivitajiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretjaru Parlamentari għas-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u jagħti rendikont dettaljat tan-nefqa f’attivitajiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi li saru mis-Segretarjat Parlamentari u minn kull entità li taqa’ taħtha għall-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2023 sat-23 ta’ Settembru 2024? Għal kull attività, jista’ jagħti: a. L-isem l-attivita; b. L-iskop tal-attività; c. It-tip ta’ attività (press conference eċċ.); d. Id-Data tal-attività; e. Il-post fejn saret; f. Rendikont dettaljat tan-nefqa (kiri tal-post, backdrops, sistema tas-sound, dwal, materjal ippubblikat, eċċ); u g. Reklamar u/jew promozzjoni marbuta mal-attività?

Response (REFALO, ANTON)

Kif l-Onor. Interpellant konxja, ladarba kienet hi wkoll tagħmel parti f’tim ta’ tmexxija għall-organizzazzjoni ta’ attivitajiet simili, it-tagħrif speċifiku mitlub diffiċli li jinġabar mingħajr ma jinvolvi spejjeż oħrajn li mhumiex relatati. Ninformaha li l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet simili tinvolvi wkoll xogħol u materjali li spiss jintużaw aktar minn darba f’attivitajiet simili, bħal pereżempju kif inhu l-każ f’kampanji li jtulu.