Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — konsulenzi minn individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew mid-ditta legali tiegħu, wara Marzu 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi, sena b’sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru ma tax xogħlijiet lill-individwu msemmi fil-mistoqsija parlamentari.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — ħaddiema li kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 100 u jagħti informazzjoni ta’ kemm ħaddiema li jaħdmu fid-dipartimenti u fl-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru li jmexxi, kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul? Partikularment kemm-il ħaddiem kien fuq kuntratt definit li nbidel għal kuntratt indefinit u kemm-il ħaddiem kien impjegat fuq bażi part-time li nbidel għal wieħed full-time fil-perjodu bejn l-1 ta' Mejju 2017 u t-2 ta' Ġunju 2017?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li ma kien hemm l-ebda persuna li l-kuntratt tagħha ġie maqlub minn wieħed definit għal ieħor indefinit fi żmien indikat. L-istess ma kienx hemm individwi li minn partajmers saru fultajmers fil-perjodu inkwistjoni.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — postijiet mhux aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ dawk il-postijiet fl-entitajiet/dipartimenti fid-dekasteru tiegħu li għadhom mhumiex kompletament aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità? Għal kull każ, jista’ jgħid fejn hu l-post u x’qed isir biex dan isir aċċessibbli?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li tinsab hawn taħt. Embassy of Malta in Rome Lungotevere Marzio, 12, 00186, Rome Consultation is underway with the Ministry to make refurbishment coincide with the implementation of further accessibility for disabled persons within the Embassy. Embassy of Malta in Tripoli Embassy of Malta, 13, Obei Ben Ka'Ab Street, Tripoli, Libya The building that houses the Official Residence, Chancery & 2nd Quarters is old. Future plans for renovation will take into consideration accessibility. Embassy of Malta - Washington Embassy of Malta, 2017 Connecticut Ave NW Washington DC 20008 United States The Mission will require considerable works including installation of lifts to make it accessible. There are no immediate plans to remedy the situation.

Rapport f’gazzetta Taljana — Inkjesta interna

Question

Fid-dawl tar-rapport li deher fil-gazzetta Taljana “Il Sole 24 Ore” u tal-inkjesta interna mħabbra minnu fit-8 ta Novembru 2017, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra minn min ser titmexxa din l-inkjesta u x’terms of reference għandha?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, malli ħarġu l-allegazzjonijiet li dehru fil-gazzetta (online) ‘www.ilsole24ore.com’, bil-firma ta’ Ivan Cimmarusti fl-artiklu intitolat “Business illecito di gasolio libico: I presunti rapporti fra i traffricanti e il Ministero degli Esteri di Malta”, jiena tlabt li ssir investigazzjoni dwar dawn l-istess allegazzjonijiet.Dan kien magħruf fi stqarrija maħruġa fit-8 ta’ Novembru 2017.Għaldaqstant ħtart Bord ta’ Inkjesta skont l-Att dwar l-Inkjesti (Kap 273) li l-membri tiegħu huma tliet Segretarji Permanenti. It-terms of reference ta’ dan il-Bord huma wesgħin u għandu d-dritt li jinvestiga kull allegazzjoni li saret fl-artiklu. Il-Bord se jkun qed jinvestiga jekk ġewx imħarsa l-proċeduri u l-prattiċi fil-proċess tal- legalizzazzjoni ta’ ċertifikati, il-komunikazzjonijiet li saru jew li setgħu saru bejn l-uffiċjal jew uffiċjali tal-Ministeru kif allegat fl-artiklu, u dwar jekk setax kien hemm xi ksur ta’ proċeduri, regoli jew liġijiet f’dan ir-rigward. Il-Bord se jkollu kull dritt li jinvestiga kif jidhirlu u lil min jidhirlu kif ukoll li jagħmel ir-rakkommandazzjonijiet tiegħu skont l-istess Att dwar l-Inkjesti li diġa` għamilt referenza għalih.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — ħaddiema b'diżabilità - ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul din is-sena kienx hemm ilmenti (kemm jekk huma lmenti ġodda jew fis-seħħ mis-snin preċedenti) minn ħaddiema b’diżabilità li ma jkunux jistgħu jwettqu x-xogħol mogħti lilhom minħabba l-limitazzjoni imposti mid-diżabilità tagħhom? Jekk iva, jista’ jagħti n-numri għal kull dipartiment/entità (mingħajr ma jsemmi l-ismijiet tal-persuni)?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dan il-Ministeru kif ukoll id-dipartiment li jaqgħu taħtu,ma rċevewx ilmenti mingħand persuni b’dizabilita’ minħabba il-limitazzjonijiet imposti mid-dizabilita’ tagħhom.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ – konsulenzi minn individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tiegħu, minn Mejju 2003 sa Frar 2008 u minn Marzu 2008 sa Frar 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi sena b’sena? Ix-xogħol ingħata b’tender jew inkella b’direct order?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dan il-Ministeru kif ukoll l-entita’ li taqa’ taħtu ma tawx xogħlijiet legali jew konsulenzi lill-individwu jew id-ditta legali li qed tirreferi għaliha il-Mistoqsija Parlamentari.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 70 u jagħti lista tad-direct orders li ngħataw mid-dipartimenti u l-entitajiet li jiffurmaw parti mill-Ministeru li jmexxi u dan għall-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2017 sat-2 ta’ Ġunju 2017?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt: · Servizz ta’ catering għal riċeviment relatat mal-Presidenza ta l-Unjoni Ewropea ġewwa Washington fit-18 ta’ Mejju · Xiri ta’ (1) Datacard Secure Capture Tower (BCW Camera ) b’vultaġġ appositu biex iservi ta riserva ghall-Ambaxxata Maltija f’Washington

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — ħaddiema - xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem hemm fl-entitajiet li jaqgħu taħtu li għandhom xogħol li jsir minn ħaddiema b'kuntratt definit ta' xogħol, inkluż cleaners?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella hawn taħt. Haddiema f'Entitajiet li Ghandhom Xoghol li Jsir Minn Haddiema b'Kuntratt Definit, Inkluz Cleaners Entita' Dettalji tax-Xoghol Numru Trade Malta Project Manager 2 (1- p/t)

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ– ħaddiema li ħadu promozzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 55 u jagħti lista tal-ħaddiema fid-dipartimenti u l-entitajiet li jifformaw parti mill-ministeru li jmexxi li ħadu promozzjoni fil-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-2 ta' Ġunju 2017? Jista’ jagħti l-istess informazzjoni għall-perjodu 7 ta' Jannar 2013 sat-8 ta' Mejju 2013?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — first aiders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm first aiders ċertifikati fid-dekasteru tiegħu u jagħti l-informazzjoni skont id-dipartiment/entità rispettiva?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa llum in-numru ta’ first-aiders ċertifikati fid-dekasteru huma 7. Qed jitħejja pjan sabiex jiġu mħarrġa aktar nies.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — nefqa fuq promotions fuq mezzi tal-media soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm nefaq flus l-Uffiċċju tiegħu, inkluż kull entità taħtu, għall-promotions fuq Twitter, Faceboook u social media oħra, minn Marzu 2013 sal-lum, xahar b'xahar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ nefaq it-total ta’ €60 f’promozzjoni fuq il-Media Soċjali. Dawn kienu zewġ promozzjonijiet fuq Facebook mill-Ambaxxata Maltija ġewwa Pariġi,li ħallsu l-ammont ta’ €30 f’Ottubru 2013, u €30 f’Ġunju 2014.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ – impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14 u jgħid kemm daħlu impjegati ġodda jaħdmu fid-dipartimenti u entitajiet li jifformaw parti mill-ministeru li jmexxi u dan għall-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-2 ta' Ġunju 2017? Jista’ jagħti l-istess informazzjoni għall-perjodu 7 ta' Jannar 2013 sat-8 ta' Mejju 2013?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Mejju 2017 sat 2 ta’ Ġunju 2017 daħal impjegat wieħed ġdid,filwaqt illi mis- 7 ta’ Jannar 2013 sat-8 ta’ Mejju 2013 daħlu 2 impjegati ġodda fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Fil-perjodu msemmi fil-mistoqsija, Trade Malta daħlet impjegat wieħed fuq bażi part-time magħha.

Ministeru għall-Affarijier Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — defibrillator

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ dawk il-postijiet fis-Servizz Pubbliku fejn hemm Defibrillator?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ m’għandux defibrillators fil-binjiet tiegħu. Ta’ min jinnota li fost il-binjiet li jinsabu fihom l-Ambaxxati u l-Konsolati ta’ Malta, hemm 3 defibrillators fil kumpless tal-bini fejn jinsab il-Konsolat Ġenerali ta’ Malta ta’ Toronto, Kanada.

Ministeru għall-Affarijeit Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni - talbiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn meta din il-liġi daħlet fis-seħħ sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew irrifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Membri tal-Korp Diplomatiku li applikaw għal Kors tat-Toolkit tas-CDRT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-uffiċjali/membri tal-Korp Diplomatiku fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin li applikaw biex jagħmlu l-Kors tat-Toolkit tas-CDRT? Kemm minnhom lestewh? Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ min temm il-kors b’suċċess?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni kollha mitluba, inkluż id-dettalji ta’ seba’ uffiċjali li temmew il-kors b’suċċess.

Uffiċjali li ġew mibgħuta fi blokk

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kriterji ntużaw sabiex ċertu uffiċjali ġew mibgħuta f’bini ieħor li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Dawn l-uffiċjali, meta ser jirritornaw lura fil-bini Palazzo Parisio?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozjoni tal-Kummerċ għandu iktar minn binja waħda inkluż dik imsemmija separatament. Dawn il-binjiet huma meħtieġa minħabba li fiżikament m’hemmx spazju biżżejjed fil-binja ewlenija. Minħabba li fil-mistoqsija hemm referenza għal ċertu uffiċjali forsi l-Onor. kollega jista' jkun aktar specifiku għal min qed jirreferi.

Laqgħa tal-Ambaxxaturi Permanenti f’Ġinevra tal-WTO – attendenza ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid l-envoy tal-Prim Ministru għal World Trade Organization (WTO), l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, kemm-il laqgħa tal-Ambaxxaturi Permanenti f’Ġinevra għal WTO magħrufa fil-qosor bħala HOMs, attenda u rrapporta lill-awtoritajiet kompetenti, mill-bidu tal-ħatra tiegħu sal-lum? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti / rapporti ta’ dawn il-laqgħat li għalihom attenda l-istess individwu?

Response (ABELA, CARMELO)

Nistieden lill-Onor. Interpellant sabiex jindirizza d-domanda tiegħu lill-Ministeru konċernat.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ – passi dixxiplinarji kontra persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ittieħdux passi dixxiplinarji kontra d-diplomatika li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament (a) li ammettiet li kellha problemi mal-Locally Engaged Staff (LES), li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament (b) meta kienet isservi fil-Kummissjoni Għolja Maltija f’Londra? Jekk iva x’kienu dawn il-passi? U għaliex intbagħtet postings f’Madrid u f’Toronto, minflok bħal ħafna oħrajn, mingħajr ebda każ validu dixxiplinarji, ġew mitluba jirritornaw lura Malta ħabta u sabta?

Response (ABELA, CARMELO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 22284 tal-leġislatura XII

Xogħol mill-Vatikan – irwol ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’irwol kellu l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fix-xogħol kollu li sar mal-Vatikan matul l-aħħar sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li min naħa tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ ma kien hemm l-ebda involviment tal-persuna msemmija.

Programm Consul on the Move – ħruġ ta’ passaporti lil ċittadini Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu passaporti lil ċittadini Maltin permezz tal-programm Consul on The Move minn Frar 2017 sad-data meta tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Programm Consul-on-the-Move jopera minn erba’ pajjiżi fejn Malta għandha Ambaxxata/Kummissjoni Għolja u/jew Konsolati Ġenerali.Il-pajjiżi fejn jitħaddem dan il-programm huma l-Awstralja,l-Amerika,il-Kanada u r-Renju Unit.Tajjeb wieħed iżid li mill-Awstralja,l-Kummisjoni Għolja Maltija f’Kanberra tkopri wkoll il-ħtiġijiet tal-Maltin li jgħixu f’New Zealand. Bejn l-1 ta’ Frar u l-25 ta’ Settembru ta’ din is-sena mill-programm Consul-on-the-move inħarġu (117) passaport lill ċittadini Maltin.Dawn ħarġu kif ġej: · L-Awstralja – sitta u disgħin (96) passaport.Dawn inharġu kif ġej: f’Perth, Western Australia – sbatax-il passaport (17) fi Brisbane, Queensland – ħamsa w tletin passaport (35) f’Mackay,Queensland – sitt passaporti (6) f’Cairns,Queensland – sitt passaporti (6) f’Adelaide,South Australia – tmienja w għoxrin (28) passaport (Marzu 2017) f’Adelaide,South Australia – erba’ (4) passaporti (informazzjoni parzjali peress li l-aħħar żjara f’Adelaide saret f’Settembru 2017). · L-Amerika – tliet (3) passaporti ħargu kollha minn Michigan. · Il-Kanada – erbatax-il passaport (14).Dawn inħarġu kif ġej: f’Newfoundland – ħamsa (5) passaporti f’Nova Scotia – sitta (6) passaporti fi Quebec – tliet (3) passaporti. · Ir-Renju Unit – erba’ (4) passaporti f’Cardiff.