Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni — Ħaddiema full-time

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta' kemm hemm ħaddiema impjegati fuq bażi full-time fil-Ministeru tiegħu sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kompożizzjoni tas-Segretarjat tal-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni huwa skont il-Policy on the Engagement of Persons/Positions on a Trust Basis li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni – Ħaddiema neqsin mid-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni neqsin mid-dawl jaħdmu fid-dekasteru tiegħu u xi rwol għandhom?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jifhem li l-informazzjoni speċifika kif qed tintalab ma tinżammx għaliex hija materja privata u ta’ natura sensittiva.

Inkjesti maġisterjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il inkjesta maġisterjali saret minn ċittadini privati fil-perjodu bejn l-2006 u l-2013?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba bdiet tinġabar mill-2017 l’hawn għalhekk l-informazzjoni kif mitluba mhijiex disponibbli. Madanakollu, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24704.

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Frar 2025?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25502.

BCA — Regolamenti dwar Fire safety

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25328, jista' l-Ministru jgħid meta l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) se tiffinalizza u tintroduċi regolamenti dwar il-fire safety fuq il-binjiet f'Malta?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istqarrija uffiċċjali tal-Gvern Numru 250351 li tinkludi informazzjoni dwar il-ħidma inkwistjoni.

Direttivi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew jew mistennija li jiġu implimentati mill-Ministeru tiegħu tul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025 u liema huma dawk li għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni għandu Direttiva waħda li d-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni tagħha taħbat fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2025: Direttiva Skadenza Direttiva (UE) 2024/1275 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (riformulazzjoni) 1 ta’ Jannar (parzjalment)

Persuni li servew bħala ġurati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid matul is-sena 2024: i. Kemm kien il-persentaġġ ta’ rġiel u ta’ nisa li servew bħala ġurati? ii. Kemm kien il-persentaġġ ta’ ġurati li l-età tagħhom kienet ’il fuq minn sittin sena? iii. Kemm saru talbiet biex persuna tiġi eżentata milli sservi bħala ġurat b’mod permanenti u jekk saru tali talbiet kemm minnhom ġew milqugħa?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li: i. l-persentaġġ ta’ rġiel u ta’ nisa li servew bħala ġurat matul is-sena 2024 kien ta’ 53.3% nisa u 46.7% rġiel. ii. l-persentaġġ ta’ ġurati li l-eta’ tagħhom kienet ‘il fuq minn sittin sena kien ta’ 13.3%. iii. matul is-sena 2024 saru tmintax (18)-il talba sabiex ġurat jiġi eżentat b’mod permanenti. Erbatax (14)-il talba minnhom ġiet milqugħa u erbgħa (4) talbiet oħra ġew miċħuda.

Kostruzzjoni — Health and Safety Officers

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24568 u jgħid kemm hemm persuni li bħalissa qed jaħdmu bħala Health and Safety Officers fuq proġetti ta’ kostruzzjoni? Jista’ jgħid ukoll jekk hux kollha għandhom il-kwalifiki neċessarji li jirrenduhom ‘persuni kompetenti’ skont ir-rekwiżiti tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 424.36?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara għal liema tip ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni qed jagħmel referenza għalihom fil-mistoqsija tiegħu, u kif ukoll jiċċara għal liema Health and Safety Officers qed jirreferi.

Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni — Responsibility Form - Kontrolli

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24569 u jgħid x’kontrolli tuża l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni sabiex tikkonferma li min jiffirma Sezzjoni 1.14 (Project Supervisor as per Legal Notice 88 of 2018 appointed by developer) tar-Responsibility Form maħruġa mill-istess Awtorità jkun persuna kompetenti skont kif titlob il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 424.36?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jikkjarifika l-mistoqsija tiegħu u dan fid-dawl tal-fatt li Avviż Legali numru 88 tal-2018 (kif ukoll issa fil-Kap. 646) “Project Supervisor” huwa definit bħala “kull persuna naturali jew legali responsabbli għas-superviżjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta’proġett, imqabbad minn klijent”, dan filwaqt li "persuna kompetenti" tfisser “persuna li jkollha l-kwalifiki adegwati, taħriġ adattat u tagħrif, esperjenza u prattikasuffiċjenti, biex twettaq mingħajr ħsara l-biċċa xogħol speċifikajew ix-xogħol meħtieġ”. Għalhekk, li dawn iż-żewġ rwoli huma distinti.

Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni — Competent Persons Register - Health and Safety Officers

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24570 u jgħid kemm hemm persuni li bħalissa qed joffru s-servizz ta’ Health and Safety Officers fuq proġetti ta’ kostruzzjoni u ffirmaw sezzjoni 1.14 tar-Responsibility Form maħruġa mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni minkejja li mhumiex inklużi fil-lista ta’ Competent Persons Register 2024 maħruġ mill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol? Jista’ jgħid ukoll jekk l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni hiex ser tibqa' taċċetta persuni li jippreżentaw ruħhom bħala Health and Safety Officers u jiffirmaw sezzjoni 1.14 tar-Responsibility Form bla ma jkunu inklużi fil-Competent Persons Register tal-OHSA?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-site responsibility form dedikata lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni ma jintalabx li jitniżżel il-‘Health and Safety Officer” imma l-“Project Supervisor”. In oltre l-Awtorita’ qed taħdem fuq verzjoni diġitali tal-istess formula, li se jkun jippermetti li jinħarġu wkoll listi abbazi tal-informazzjoni provduta.

Tribunal għar-Reviżjoni Amministrattiva — Rikorsi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rikorsi quddiem it-Tribunal għar-Reviżjoni Amministrattiva b’mod elettroniku a tenur tar-Regolamenti dwar il-Preżentata ta’ Atti permezz ta’ Mekkaniżmu Elettroniku fit-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva, L.S. 490.05 mill-2015 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ammont ta’ rikorsi li ġew preżentati quddiem it-Tribunal għar-Reviżjoni Amministrattiva b’mod elettroniku kienu fl-ammont kif indikat fit-tabella ta’ hawn taħt:- Sena Qrati ta’ Malta Qrati ta’ Għawdex 2015 - - 2016 - - 2017 - - 2018 - - 2019 - - 2020 - - 2021 1 - 2022 1 - 2023 2 - 2024 - - sas-6 ta’ Marzu 2025 2 - Total 6 0

Ordni ta’ Tneħħija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il Ordni ta’ Tneħħija ngħataw s’issa mill-Qrati a tenur tar-Regolament 4 tar-Regolamenti dwar l-Indirizzar tad-Disseminazzjoni ta’ Kontenut Terroristiku Online, L.S. 9.30?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-Qrati ta’ Malta u mill-Qrati ta’ Għawdex ma ingħatat l-ebda Ordni ta’ Tneħħija a tenur tar-Regolament 4 tar-Regolamenti dwar l-Indirizzar tad-Disseminazzjoni ta’ Kontenut Terroristiku Online, L.S. 9.30

Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja – Maġistrati u Mħallfin investigati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm Maġistrati u Mħallfin li ġew investigati mill-Kummissjoni Għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet mogħtija għad-domandi parlamentari numri 13811 tal-leġiżlatura numru XI u 23952 tal-leġiżlatura XIII.

Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja — Ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċeviet ilmenti l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja kull sena matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23174.

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni – Chairpersons

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kienu / huma ċ-chairmen/chairwomen tad-diversi aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, kummissjonijiet u korpi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jekk dawn humiex/kenux chairmen/chairwomen eżekuttivi jew le? Jista' jgħid ukoll: (a) Kemm damu / ilhom fil-ħatra ċ-chairmen/chairwomen tal-bordijiet ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi u meta ser jispiċċa t-terminu tagħhom? (b) Kif ġew magħżula kull wieħed / waħda minn dawn iċ-chairmen/chairwomen tal-bordijiet ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi, sena b'sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (c) X'kumpens finanzjarju u perkaċċi oħra bħal disturbance allowance, communications allowance, fully-expensed mobile telephony, free telephony, internet service, Car Allowance, Fuel Vouchers, use of car-hired car, use of government-owned car, tablets, laptops, Expertise allowance, disturbance allowance, shift allowance jew xi tip ta' allowance u / jew perkaċċi oħra (speċifika) ħadu / qed jieħdu kull wieħed/waħda minn dawn iċ-chairmen/chairwomen tal-bordijiet ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi sena b'sena mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (d) Kemm-il siegħa fil-ġimgħa kienu/huma obbligati li jaħdmu dawn iċ-chairmen/chairwomen tal-bordijiet biex imexxu dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi, sena b'sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (e) Liema kienu / huma dawk iċ-chairmen/chairwomen, sena b'sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi li kienu/huma wkoll impjegati full-time fis-servizz pubbliku, aġenziji, awtoritajiet u entitajiet tal-Gvern, ma’ min u f'liema kariga / grad? (f) Liema kienu / huma dawk iċ-chairmen/chairwomen, sena b'sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi li kienu / huma wkoll impjegati full-time mal-privat, ma’ min u f'liema kariga / grad? Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra ta' ħatra u l-kuntratt ta' dawn iċ-chairmen/chairwomen?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista taċ-chairpersons ta’ aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, kummissjonijiet u korpi fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni.

Penali Amministrattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-terminoloġija ‘penali amministrattiva’ (bl-Ingliż ‘administrative penalty’) hix dik korretta meta ssir referenza għal xi sanzjoni finanzjarja ta’ natura amministrattiva jew ċivili? Jekk din hi korretta, jista’ jgħid x’passi qed jittieħdu biex f’kull istanza fejn hi applikabbli kemm fil-liġi kif ukoll fis-sentenzi tal-Qrati, tiġi użata t-terminoloġija korretta u jiġu eliminati istanzi fejn pereżempju: issir referenza għal multa amministrattiva eċċ. meta r-referenza tkun għal sanzjoni finanzjarja ta’ natura amministrattiva?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Bħalma jiġri f’diversi pajjiżi u Stati Membri oħra, il-leġislatur ta’ kull ġurisdizzjoni għandu d-diskrezzjoni li jabbina terminoloġija ma’ kwalunkwe tip ta’ miżura u għaldaqstant it-terminoloġija użata qatt ma tista’ tissejjaħ li hi skorretta anke meta jkun hemm differenzi fit-terminoloġiji użati bejn Stati Membru u ieħor. Huwa tajjeb li wieħed jifhem li t-terminoloġija użata fil-liġi hija sempliċement nomenklatura. Għaldaqstant, ma hemm bzonn li jittieħdu ebda passi kif imsemmija fil-mistoqsija.

Aġġornament ta’ Design guidelines on Fire Safety for buildings in Malta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23347 u jgħid jekk hemmx il-ħsieb li d-dokument ‘Design guidelines on fire safety for buildings in Malta’ jiġi aġġornat?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Kif tħabbar, l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) ffirmat diversi ftehimiet ma' stakeholders, fosthom id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, biex wara konsultazzjoni jiġu abbozzati u jidħlu fis-seħħ Kodiċi Nazzjonali tal-Bini u l-Kostruzzjoni, li jitratta wkoll dan l-aspett.

Regolamenti dwar Fire safety

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23346 u jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġu introdotti regolamenti dwar il-fire safety fil-binjiet?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Kif tħabbar, l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) ffirmat diversi ftehimiet ma' stakeholders, fosthom id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, biex wara konsultazzjoni jiġu abbozzati u jidħlu fis-seħħ Kodiċi Nazzjonali tal-Bini u l-Kostruzzjoni, li jitratta wkoll dan l-aspett.

Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa — Laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena hemm skedati żewġ Justice and Home Affairs Councils ġewwa Brussel, kif ukoll laqgħat u konferenzi varji fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa ġewwa Strasburgu.

Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis — Kannabis li qed tiġi pprovduta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji u jgħid minn fejn qed tiġi l-Kannabis li qed tiġi pprovduta mill-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC)?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.