Legislature:
Category:
Reset
Active:

Proġetti – Ministeru għal Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-proġetti li jinsabu għaddejjin f’Għawdex bħalissa u li qed isiru mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Iż-Żebbuġ, Għawdex — Triq Għajn Mhelhel - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27203 fl-intier tagħha u jgħid: i. Fiex kienu jikkonsistu l-interventi meħtieġa sabiex Triq Għajn Mhelhel li miż-Żebbuġ, Għawdex twasslek għax-Xwejni tkun tista’ tkompli tintuża? ii. Minn min saru dawn l-interventi? iii. Min kienu l-persuni tekniċi inkarigati minn dawn ix-xogħlijiet min-naħa tal-Ministeru? iv. Kemm ġew jiswew? Jista’ jgħid ukoll jekk fil-preżent hemmx periklu għall-persuni u għall-vetturi li jgħaddu minn din l-imsemmija triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq l-parti tat-triq li hemm l-ħsarat fuqha ser issiru fl-immedjat.

Ix-Xewkija — Trailer Park

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra s-site plan ta’ fejn hu maħsub li se jsir l-investiment fuq proġett ġdid fis-sit industrijali fix-Xewkija li jikkonsisti f’kostruzzjoni ta’ Trailer Park, kif ukoll l-infrastruttura u l-faċilitajiet ġodda fil-madwar? Jista’ jgħid ukoll kemm hu stmat li ser jiġi jiswa dan il-proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Infiq fuq reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26748 u jgħid kemm intefqu flus f’reklami fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet li jaqgħu taħtu fl-2024? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm ippjanat li jintefqu flus f’reklami fl-2025, maqsuma entità b’entità?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 27937.

Għawdex u Kemmuna — Proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27198 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u jgħid liema huma l-proġetti li huma maħsuba li se jinbeda x-xogħol fuqhom matul din is-sena ġewwa Għawdex u Kemmuna u jekk hux ser jiġu użati fondi Ewropej biex isiru? Jista’ jgħid ukoll liema minn dawn il-proġetti ser jitlestew kompletament sal-aħħar ta’ din is-sena u kemm ser jintużaw fondi Ewropej u fondi Maltin għal kull proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Xagħra, Għawdex — Għar ta' Calypso

Question

Fid-dawl li ż-żewġ Ministri ta’ Għawdex preċedenti kemm-il darba ddikjaraw li x-xogħol fuq l-Għar ta' Calypso fix-Xagħra Għawdex kien wasal biex jibda u li dan dalwaqt se jerġa’ jinfetaħ għall-pubbliku, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal dan il-proġett peress li dan ilu magħluq għal diversi snin minħabba li parti minnu kienet ċediet? Jista’ jgħid ukoll xi progress sar f'dawn l-aħħar tnax-il xahar u meta eventwalment se jibda x-xogħol meħtieġ?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dalwaqt se toħorġ it-tender għal geological investigations.

Kerċem, Għawdex – Proġett ta’ Għar Gerduf

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi informazzjoni dwar il-proġett ta' Għar Gerduf u jgħid x'hemm maħsub li jsir fil-ġimgħat li ġejjin u kemm ser jintefqu flus?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li Għar Gerduf jinstab fi stat ħażin ħafna ta’ preservazzjoni - u f’riskju ta’ kollass strutturali imminenti - qed issir analiżi ġeoloġika dettaljata mill-ġeologu nkarigat dwar dan il-proġett. Min-naħa tiegħu, il-ġeologu rrakkomanda l-installazzjoni ta’ appoġġ temporanju biex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà tas-sit, inkluż ilqugħ fuq il-pilastru tal-Lvant magħmul minn blokok tal-konkos, struts temporanji tal-azzar biex isostnu s-sezzjoni ta’ quddiem, u t-twaqqif ta’ scaffolding ġewwa l-għar biex tinħoloq sistema ta’ lqugħ. Konsegwentament, inħarġet sejħa għall-offerti b’valur ta’ €36,723.00. S’issa l-kuntrattur diġà bena l-bażi tal-konkos u waqqaf il-blokok tal-konkos biex jifforma l-ilqugħ tal-pilastru. Ix-xogħlijiet l-oħra mistennija li jsiru fil-ġimgħat li ġejjin.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Xiri ta’ karozzi ġodda — Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 24387 u 24773 u jgħid kemm intefqu flus biex inxtraw karozzi ġodda taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nxtraw, minn liema kumpanija u meta nxtraw, jekk inxtrawx b'direct order jew b'tender pubbliku, l-ammont li nxtraw, u jagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inxtrat kull karozza? Jista’ jippreżenta l-informazzjoni fil-format hekk kif indikat separatament?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-perjodu msemmi nxtraw seba’ (7) karozzi ġodda mill-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar. Ħamsa (5) minnhom inxtraw għall-użu ġenerali, u l-kumplament inxtraw lill-uffiċjali fi gradi maniġerjali u li skont il-Manual on Transport and Travel Policies and Procedures huma intitolati għall-vettura. Kopja ta’ dan il-manwal, diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra. Finalment irrid nirrimarka li x-xiri ta’ dawn il-vetturi jsir skont il-proċedura applikabbli skont il-Public Procurement Regulations.

Għawdex — Servizz tal-Handyman - Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ anzjani f’Għawdex li għamlu użu mis-servizz tal-Handyman fis-sena 2024?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2024 mija u tletin (130) persuna bbenefikaw mis-servizz ta’ Handyman. B’kollox saru mal-mitejn u għoxrin (220) biċċiet tax-xogħol.

Għawdex — Continence Service - Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ anzjani f’Għawdex li qed jagħmlu użu mill-Continence Service?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-data li nkitbet din ir-risposta kien hemm disa’ mija u tlieta u disgħin (993) persuna li qed jibbenefikaw minn dan is-servizz.

Żebbuġ, Għawdex — Triq is-Sagħtrija - Cable tal-elettriku

Question

B’referenza għal xogħlijiet li saru mid-Diviżjoni tal-Istrateġija u s-Sapport fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex matul is-sena 2022, li permezz tagħhom saret it-trinka meħtieġa biex ikun jista’ jiġi mgħoddi cable tal-elettriku fil-parti tat-telgħa ta’ Triq is-Sagħtrija fiż-Żebbuġ, Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid jekk id-downlighters f’din l-imsemmija triq bdewx jinxtegħlu u jekk iva, minn meta bdew jinxtegħlu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal issa qed isir ix-xogħol.

Ir-Rabat, Għawdex — Skola Sekondarja - Parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-dawl fil-parking ta’ taħt il-ground tal-Iskola Sekondarja tar-Rabat, Għawdex, tranġax? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx Fire Alarm System ġewwa dan il-parkeġġ ta’ taħt l-art? X’tip ta’ manutenzjoni sar f’dan il-parkeġġ f’dawn l-aħħar ħames snin u kemm ġie jiswa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li parti mis-sistema tad-dawl fit-tieni sular tal-garaxx qiegħda fil-proċess li tinbidel wara li ġarrbet ħsara minn ħruq ta’ vettura privata. Fl-aħħar ħames snin il-manutenzjoni kienet tikkonsisti fil-manutenzjoni ta' rutina tas-sistema tal-allarmi tan-nar u tas-sistema tad-dawl, għall-ammont ta' €5,000.

Għawdex — Proġetti minn Fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti li bħalissa għaddej ix-xogħol fuqhom u dawk li għad iridu jsiru ġewwa Għawdex u Kemmuna, u li għalihom qed jiġu wżati Fondi Ewropej?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej ix-xogħol jew se jkunu qed jinbdew dawn il-proġetti; • Proġett tat-titjib tal-aċċessibilità tat-triq rurali Ta’ Klula, Kerċem; • Proġett tat-titjib tal-aċċessibilità tat-triq rurali Għajn Abdun, Ta’ Spiteri u Wied Junu; • Proġett ta’ rikostruzzjoni tal-ħitan tas-sejjiegħ fi Triq San Niklaw; • Proġett ta’ rikostruzzjoni tal-ħitan tas-sejjiegħ fi Triq Xurdin, Triq ir-Ramla l-Ħamra u Triq l-Inżul tal-Franċiżi; • Proġett tat-tindif f’numru ta’ widien madwar Għawdex; • Proġett ta’ Restawr Ekoloġiku fl-Għolja ta’ Għammar. Apparti dawn il-proġetti, il-Ministeru applika wkoll għal numru ta’ proġetti oħrajn fejn għadu qed jistenna l-eżitu tal-applikazzjoni.

Ta’ Xbiex — Binja illegali max-xatt

Question

Fid-dawl tas-sentenza maħruġa mill-Qorti tal-Appell li annullat il-permess tal-ippjanar maħruġ lil Transport Malta għall-proġett massiv ta’ uffiċini u ristorant max-xatt ta’ Ta’ Xbiex fuq art pubblika, jista’ l-Ministru jgħid jekk, sussegwentement, ġewx sottomessi applikazzjonijiet biex tiġi ssanzjonata parti mill-istruttura, kif ukoll applikazzjoni ta’ Planning Control bl-iskop li jinbidlu r-regolamenti tal-ippjanar fl-inħawi?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li b’referenza għall-parti tal-mistoqsija relatata mas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni biex tiġi ssanzjonata parti mill-istruttura, nista’ nikkonferma li tali applikazzjoni ġiet sottomessa iżda għadha mhix validata. Fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni ta’ Planning Control bl-iskop li jinbidlu r-regolamenti tal-ippjanar fl-inħawi, nista’ nikkonferma li tali applikazzjoni ġiet sottomessa iżda għada mhix validata.

Għawdex — Residential Respite - Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ anzjani f’Għawdex li qed jagħmlu użu mir-Residential Respite?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Inerpellant li n-numru ta’ anzjani f’Għawdex li qed jagħmlu użu mir-Residential Respite jvarja ħafna. Fid-data li nkitbet din ir-risposta, kien hemm ħames klijenti li qed jibbenifikaw minn dan is-servizz. Mill-bookings li diġa daħlu, jider li n-numru ta’ klijenti mistenni li jiżdied fil-ġimgħat li ġejjin. Mill-ewwel ta’ Jannar 2025 sa issa kien hemm ‘l fuq minn ħmistax-il klijent differnti li ibbenifikaw minn dan is-servizz.

Għawdex — Home Help - Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ anzjani f’Għawdex li għandhom is-servizz tal-Għajnuna fid-Dar (Home Help)?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Inerpellant li fid-data li nkitbet din ir-risposta kien hemm elf ħames mija u sebgħa u erbgħin (1,547) persuna li qed jibbenefikaw minn dan is-servizz tal-Għajnuna fid-Dar (Home Help).

Għawdex — Meals on Wheels - Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ anzjani f’Għawdex li qed jagħmlu użu mis-servizz tal-Meals on Wheels?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-data li nkitbet din ir-risposta kien hemm mija u wieħed u tletin persuna li qed jibbenefikaw minn dan is-servizz.

Il-Belt Valletta — Evans Building

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27449, 27775 u 27976 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, lill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali u lill-Prim Ministru rispettivament u jgħid x’inhu l-pjan għall-użu tal-binja ta’ Evans Building fil-Belt Valletta? Jista’ jgħid ukoll x’viżjoni għandu l-Gvern għall-użu ta’ din il-binja li tinsab f’lok prinċipali fil-belt kapitali ta’ Malta?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.