Legislature:
Category:
Reset
Active:

Arms Ltd — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid ta’ min kienet l-idea illi tinħoloq l-Arms Ltd? Min hu accountable għal dawn is-salarji u perkaċċi? Kif intgħażlu n-nies li mexxew din il-kumpanija s’issa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant biex għall-ewwel żewġ partijiet tal-mistoqsija, jirreferi għall-mistoqsija parlamentari nru. 20167. Il- managers li qed imexxu il-kumpanija lkoll ġejjin mill-Korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li huma s- shareholders tal-kumpanija. L-erbgħa li huma kienu jokkupaw pożizzjoni maniġerjali fl-impjieg preċedenti tagħhom. L-għażla tagħhom saret fuq bażi tal-kompetenzi tagħhom kif wkoll l-għarfien u l-esperjenza tagħhom fl-oqsma differenti tal-proġett li fost oħrajn jinkludu ICT infrastructure , billing , finanzi u meter installation u management . Il- contract of service li għandhom jirrifletti l-kundizzjonijiet li kienu jgawdu fil-kuntratt preċedenti tagħhom mal-korporazzjonijiet kif ukoll reviżjoni korrettiva sabiex tirrifletti r-responsabbilitajiet ġodda mal- job descriptions relattivi tagħhom.

Malta Film Commission — korsijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-korsijiet ta’ taħriġ meħtieġa għall-produzzjoni tal-films li kienu stabbiliti mill-Malta Film Commission matul l-ewwel disa' xhur ta’ din is-sena ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Malta Film Commission għaddejja mill-proċess ta’ konsultazzjoni ma’ esperti barranin fil-qasam tat-training, dwar l-iżvilupp ta’ kors dettaljat u speċifiku mmirat lejn professjonisti fil-qasam awdjo-viżiv. Dan il-kors jolqot kemm l-aspett kreattiv kif ukoll dak li għandu x’jaqsam ma’ kif għandha titmexxa kumpannija f’dan is-settur. Il-kors se jkun iddisinjat speċifikament għall-bżonnijiet tal-industrija lokali u għalhekk inħasset il-ħtieġa li l-espert barrani, jiġi mistieden ġewwa pajjżna sabiex issir konsultazzjoni ma’ nies li jaħdmu fid-diversi setturi tal-industrija awdjo-viżivż ta’ pajjiżna. Dan ix-xogħol qed isir id f’id mal-isforzi li qed jagħmel il-Gvern permezz tal-Creative Economy Working Committee, sabiex il-pajjiż jilħaq livelli aktar għolja ta’ professjonalità f’din l-industrija. Dan it-taħriġ mistenni jibda fl-2011. Matul l-2010, saru ukoll Training workshops relatati mal-Malta Film Fund.

Malta Enterprise — Chairman eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji ta’ x’kienu n-nefqiet li saru miċ-Chairman eżekuttiv tal-Malta Enterprise sena b’sena mill-2008 sal-2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant illi l-Malta Enterprise ġiet appuntata b’Chairman Eżekuttiv fl-1 ta' Frar 2009. L-informazzjoni għall-2009 diġà ngħatat f’mistoqsijiet parlamentari 15952 u 18205. L-informazzjoni għas-sena 2010 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korporazzjoni Enemalta — proġett tal- interkonnessjoni ma' Sqallija

Question

Jista' l-Ministru jindika skont rapporti interni tal-Korporazzjoni Enemalta nnifisha kemm mistenni jgħaddi żmien sakemm jitlesta l-proġett tal- interkonnessjoni ma' Sqallija minn mindu jiġi ffirmat il-ftehim? Meta mistenni jinbeda l-proġett? Fiex waslu n-negozjati li kellhom jinfetħu mill-ġdid mal- preferred bidders?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinghata f’seduta ohra.

migration tad-data tal-konsumaturi tal-Korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kien responsabbli għall-migration tad-data tal-konsumaturi tal-Korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għal fuq is-sistema tal-billing ta’ Arms Ltd? X’passi ttieħdu biex l-integrità totali tad-data tiġi salvagwardjata? Min se jġorr ir-responsabbiltà politika għall-mismanagement u falliment totali fit-tmexxija ta’ Arms Ltd?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi bħal kull proġett simili ta’ dan il-kobor, il-migration tad-data saret mill-IBM, bħala l-kumpanija li ġiet magħżula biex tikkummissjona s-sistema l-ġdida u team kompost min riżorsi lokali taż-żewġ korporazzjonijiet u l-MITA. Qabel ma saret il- migration tad- data , sar proċess ta’ mass data cleansing minħabba li kien jeħtieġ li jsiru xi korrezzjonijiet fid- data tas-sistema l-antika, kif ukoll minħabba l-fatt li s-sistema l-ġdida, kienet tirrikjedi aktar informazzjoni. Għaldaqstant minħabba kumplessita tal- mass migration u tibdil fil-proċessi, huwa impossibli li tantiċipa ċertu problemi, u għalhekk bħal f’kull proġett ieħor irid ikun hemm żmien biżżejjed biex is-sistema tistabilizza. Saru varji verifikazzjoni fuq data integrity, kif ukoll fuq il-bilanċi tal-kontijiet tal- konsumaturi. Minbarra li s-sistema l-ġdida għandha Audit - Trail , ġie ppjanat ukoll li d- data mis-sistema l-antika tibqa’ aċċessibli, dan jagħti lok biex l-informazzjoni tal-konsumaturi tkun tista’ tiġi vverifikata. Giet imqabbda ukoll kumpanija ta’ l-Awdituri, biex din tevalwa u tikkonferma li l-kontijiet li jkunu qed jintbagħtu lill-klijenti, jkunu jew maħduma u nħargu b’mod korrett. Meta tqiż il-kobor u il-kumplessità ta’ dan il-proġett, li kien jinkludi tibdil sħiħ fis-sistemi finanzjarji taż–żewġ korporazzjonijiet, sistemi ġodda biex joħorġu il-kontijiet, sistemi ġodda għal Customer Care u l-introduzzjoni ta’ sistemi oħra, ikun impossibli li ma tiltaqax ma’ numru ta’ problemi partikolarment fl-ewwel xhur ta’ wara l-implimentazzjoni tas-sistema.

Ftehim bejn il-Malta Industrial Park u l-kumpanija Bryvarc

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19465, jista' l-Ministru jgħid x'pakkett ġie miftiehem bejn il-gvern tramite l-Malta Industrial Park jew direttament mal-kumpanija Bryvarc ta' Għawdex u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kull ftehim jew understanding li ntlaħaq? Jista' jgħid jekk din il-kumpanija ingħatatx flus jew xi tip ta' grant in vista tal-investiment li din il-kumpanija kienet wegħdet li se tagħmel? Jista' in oltre jgħid x'passi qed jieħu l-gvern kontra din il-kumpanija li naqset milli tonora l-ftehim tant li dawn telqu mill-pajjiż?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent, hemm pendenti proċeduri ġudizzjarji kontra l-Bryvarc Limited filwaqt li għadhom għaddejjin diskussjonijiet mad-diriġenti. Hemm żewġ kuntratti in vigore mal-Bryvarc Limited, wieħed mal-Malta Industrial Parks Limited u l- ieħor mal-Malta Enterprise. Dawn il-kuntratti jirregolaw l-assistenza li ngħatat lil Bryvarc Limited. Il-kuntratt bejn il-Bryvarc Limited u l-Malta Enterprise huwa kuntratt pubbliku u kopja tiegħu qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Kif kellna opportunità nelaboraw f'mistoqsijiet parlamentari oħra, l-informazzjoni dwar n-negozjati bejn investituri u l-Malta Enterprise huma privileġġati skont l-Artikolu 33 tal-Att dwar il-Promozzjoni ta' Negozji, u informazzjoni ta' dan it-tip għaldaqstant ma tistax tingħata.

Spejjeż fuq partijiet mit-toroq t'Għawdex

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19464, jista' l-Ministru jgħid x'taħditiet kellu l-Ministeru u anke l-Ministru personalment rigward il-fabbrika tal-cards Bryvarc? Issa li l-operaturi jidher li ħarbu minn dawn il-gżejjer, x'miżuri qed jieħu l-Ministeru biex jipproteġi l-interessi tal-ħaddiema?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpelant illi t-taħdidiet mal-kumpanija Bryvarc għadhom għaddejjin u mhux opportun li jiġi żvelat il-kontentut tad-diskussjonijet f'dan l-istadju anki peress li hemm kawżi pendent quddiem il-Qorti ta' Għawdex. Ninforma lill-Onor. Interpellant li jiena, bħala Ministru ma kellix diskuzzjonijiet mad-diriġenti tal-Bryvarc. Dwar mistoqsijiet li għandjom x'jaqsmu mal-kundizzjonijet tax-xogħol nitlob l-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Bowser tal-fuel

Question

Peress li kien hemm ilmenti għaliex fit-28 ta' Settembru 2010 fuq il-vapur tat-8.05p.m miċ-Ċirkewwa kien hemm bowzers tal-fuel jivvjaġġjaw mal-passiġġieri, jista' l-Ministru jispjega x'kienu ċ-ċirkostanzi u jgħid għalfejn ma sarx vjaġġ għalihom bħalma jsir normalment?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-bowser imsemmi li ġie trasportat nhar it-Tlieta 28 ta’ Settembru li telaq miċ-Ċirkewwa fit-8.05 ta’ filgħaxija seta’ jivvjagga fuq dak il-vjaġġ partikolari u dana skont kif stipulat mill-IMDG (International Maritime Dangerous Goods) Code.

power Station — heavy fuel oil

Question

Peress li f'Malta, l-unika żewġ power stations jużaw fil-maġġor parti tagħhom il-heavy fuel oil, jista' l-Ministru li huwa responsabbli tal-Korporazzjoni Enemalta jagħti breakdown tat-turbini kollha eżistenti mħaddma b'dan it-tip ta' fuel, inkluż l-effiċjenza tagħhom għal kull tunellata metrika heavy fuel oil li jinħaraq?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ebda mit-turbini taż-żewġ power stations ma joperaw bil-heavy fuel oil. Madankollu l-effiċjenza tal-boilers tal-impjant li joperaw bil-heavy fuel oil u li jissuplixxu steam lit-turbini, għal kull tunellata metrika ta’ fuel, huwa indikat hawn taħt: Marsa Steam Units 3-7 3.0 MWh kull tunnellata metrika fuel Marsa Steam Unit 8 3.6 MWh kull tunnellata metrika fuel Delimara Steam Units 1-2 3.0 MWh kull tunnellata metrika fuel

enforcements u ordnijiet ta' żgumbrament

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm enforcements u ordnijiet ta' żgumbrament fir-rigward tal-proprjetajiet tal-gvern f'kull lokalità ta' Malta u Għawdex separatament f'dawn l-aħħar sentejn?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ ordnijiet ta’ żgumbrament f’dawn l-aħħar sentejn jammontaw għal 172 (sena 2009) u 150 (sa Settembru 2010). Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ skedi li juru l-ordnijiet ta’ żgumbrament skont il-lokalità li saru kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex fl-2009 u sa’ Settembru 2010.

Dar Malta fi Brussell

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19288 u jindika, mid-data tax-xiri ta' Dar Malta f'Rue Archimede fi Brussell sal-lum, kemm daħħal il-Gvern Malti kull sena minn kirjiet lill-terzi? Min kienu l-kerrejja? Għal kemm żmien? Kemm tħallsu l-kumpaniji ta' estate agency li ġew ingaġġati mill-gvern Malti biex jinstabu l-kerrejja? Jikkonsidra l-gvern li jagħmel pjan differenti dwar kif jista' jimtela l-ispazju vojt f'Dar Malta? Jistgħu jingħataw dettalji f'dan is-sens?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19288.

Industrial Estate — grant agreement tal-implementation u disbursement schedules

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19007 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-grant agreement li jinkludi l-implementation u d-disbursement schedules dwar il-proġett ta’ Upgrading and Embellishment of Industrial Estates (Project Ref. no. ERDF 001) iffirmat bejn il-benefiċjarju u l-Managing Authority skont ir-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni ta’ proġetti ko-finanzjati mill-istess Unjoni Ewropea?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Mellieħa — Nħawi tat-tomna - proġett ta' bini ta' garages

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jiġi finalizzat il-proġett ta' bini ta' garages industrijali fl-inħawi tat-Tomna l-Mellieħa li kellhom jinbnew fuq art tal-gvern?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-applikazzjoni għall-iżvilupp ta’ dawn il-garaxxijiet għadha qed tiġi proċessata mill-MEPA.

Dipartiment tal-Gvern — Kumpanija IPSL - ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ħaddiema li qegħdin mal-Kumpannija IPSL u jinsabu assenjati mad-Dipartiment tal-Gvern jistgħux jiġu trasferiti b'mod permanenti? Jista' jgħid ukoll x'inhuma l-pjanijiet tal-gvern għal din l-istess kumpanija?

Response (FENECH, TONIO)

Bħalma jaf l-onorevoli membru, l-Industrial Projects & Services Ltd (IPSL), twaqqfet fis-sena 2003 biex il-Gvern isalva l-impjieg ta’ dawk il-ħaddiema li kienu jaħdmu mal-Malta Shipbuilding Co. Ltd. u mal-Malta Drydocks Corporation. Dawn il-ħaddiema kienu ġew trasferiti mal-IPSL wkoll bis-saħħa ta’ ftehim li kien sar bejn il-Gvern u l-GWU, u liema ftehim għadu fis-seħħ. Dawn il-ħaddiema m’humiex uffiċjali pubbliċi iżda ħaddiema tal-IPSL li hija entità pubblika u għalhekk qegħdin joffru servizzi varji fis-settur governattiv, inkluż f’dipartimenti tal-Gvern u entitajiet oħra, kif u meta jinqala l-bżonn. L-IPSL tamministra ukoll numru ieħor żgħir ta’ ħaddiema li huma uffiċjali pubbliċi u li kienu ġew dikjarati bħala surplus mill-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma (WSC) u Malta Air Traffic Services (MATS). Hija policy tal-Gvern li ħaddiema li jiġu dikjarati bħala surplus jiġu anke huma amministrati mill-IPSL skont il-ħtieġa. Hija policy wkoll tal-Gvern li jagħti l-ewwel preferenza lill-ħaddiema tiegħu meta jkun hemm postijiet vakanti f’ċertu gradi u l-IPSL regolarment tiċċirkola applikazzjonijiet fost dawn il-ħaddiema għal dawn il-postijiet tax-xogħol. Dawk il-ħaddiema li jintagħzlu wara proċess ta’ l-għażla imbagħad jieħdu impjieg fiss li jkunu applikaw għalih.

Malta Enterprise — Chairman

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 19677, u peress li minn dakinhar tat-tweġiba 'l hawn, il-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Chairman tal-Malta Enterprise, ħarġet stqarrija pubblika li fiha azzardat tuża kliem iebes fil-konfront tal-Kummisarju Ewropew John Dalli, li fuq kollox kien l-għażla tal-pajjiż għal din il-kariga, jista’ l-Ministru jgħid jekk wara dak li seħħ, għadx għandu fiduċja fil-persuna li qed tokkupa l-kariga ta’ Chairman tal-Malta Enterprise? Jista’ jgħid jekk wara din l-istqarrija pubblika bagħatx għal din il-persuna biex iwiddbha dwar l-aġir tagħha?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19677.

WSC u Enemalta — software għall-ħruġ ta' kontijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jispjega għalfejn kien jeħtieġ li jkun leased software għal ħruġ ta' kontijiet tad-dawl u tal-ilma meta l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Korporazzjoni Enemalta kienu investew f'software simili fil-passat? X'inhuma d-differenzi bejn is-software li kellhom il-korporazzjonijiet relevanti għall-ħruġ ta' kontijiet u s-software leased mill-Arms Ltd? Jista' jgħid jekk kienx hemm sejħa għall-offerti għall-akkwist ta' dan is-software?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-programm (is-software) ta’ SAP li ġie stallat mill-IBM fiż-żewġ Korporazzjonijiet, huwa wieħed mill-aktar avvanzat u huwa wieħed mill-aktar Software li jiġi stallat madwar l-Ewropa fejn jidħlu neċessitajiet simili tal-Korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Dan jinkludi, l-integrazzjoni tas-sistemi tal- Customer Relations Management , is-sistemi tal- Enterprise Resources Management , is-sistemi tal- Enterprise Asset Management u s-sistema tal- Billing . Ta’ min infakkar li l-programm tal- billing li kien qed jintuża qabel mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kellu 15 –il sena u kien ibbażat fuq teknologija antika li kienet waslet fl-aħħar tal- lifetime tagħha. Mis-sistema antika ma setax jiġu ġġenerati numru ta’ rapporti addattati għaż-żminijiet ta’ llum, ma setax jigi ntegrat mas-sistemi finanzjarji tal-Korporazzjonijiet u ma kellux il-funzjonijiet neċessarji li jirrikjedu il-Korporazzjonijiet. Rigward l-akkwist ta’ dan is - software kien hemm sejħa għall-offerti kif ġej:- Request for Procurement: Integrated Utilities Business Systems Strategic Partnership CT Notice Number: E/E/T84/2005 Closing Date: 10:00am, 3rd April 2007 Date of Publication: 11th December 2006 CT File Number: CT 2298/2005

għanijiet li għalihom twaqqfet Arms Ltd

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-għanijiet li għalihom twaqqfet l-Arms Ltd? X'kienu l-oġġettivi li għalihom twaqqfet l-Arms Ltd? X'kienu r-raġunijiet għala l-ħlas tal-kontijiet tal-ilma u tad-dawl li kienu jinħarġu mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Korporazzjoni Enemalta ma setax jibqa' jsir mill-uffiċjali impjegati mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Korporazzjoni Enemalta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent l-obbjettiv ewlieni tal-ARMS Ltd. hu dak li tieħu ħsieb il-project management tal-implimentazzjoni tal-proġett tal-Integrated Utilities Business Systems min-naħa tal-Korporazzjonijiet. Apparti dan, la darba tkun qed taħdem bil- complement neċessarju il-funzjoni primarja tal-kumpanija ARMS hi dik li tikkonsolida l- customer care u meter to cash service taż-żewġ Korporazzjonijiet u telimina duplikazzjoni li teżisti f’dipartimenti bħal dak tal- customer care u credit control . Fil-ġimg]at li ġejjin mistennija jibdew diskussjonijiet mal- union f’dan ir-rigward. Funzjoni oħra la darba jiġi mplimentat il-proġett kollu hu dak li toffri servizzi ġodda lill-klienti taż-żewġ korporazzjonijiet.

Arms Ltd — konsultazzjoni mal-uffiċċju tal-Management Efficiency Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk meta kienet se titwaqqaf l-Arms Ltd saritx konsultazzjoni mal-uffiċċju tal-Management Efficiency Unit dwar l-għanijiet, l-oġġettivi u l-proċeduri li kellha taddatta l-Arms Ltd? Jekk din it-tali konsultazzjoni saret, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rapport jew korrispondenza oħra li tiġbor pariri fuq it-twaqqif ta' din il-kumpanija?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20169.

struttura tar-riżorsi umani tal-Arms Ltd

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif kienet stabbilita l-organigramma tal-istruttura tar-riżorsi umani tal-Arms Ltd? Jista' jgħid jekk sarux job descriptions u qualifications criteria għal kull rwol identifikat fl-organigramma tar-riżorsi umani? Jista' jgħid jekk dawn il-job descriptions u qualifications criteria (jekk saru) kenux segwiti meta kienu qed jiġu ngaġġati l-persuni għad-diversi rwoli?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istruttura tal-Organigramma tar-riżorsi umani tal-ARMS Ltd. ġiet stabbilita wara eżerċizzju u diskussjonijiet li saru mac-change management team tal-IBM, wara review li sar tal-operat eżistenti. Tfasslu l- job descriptions u qualifications għal kull rwol identifikat fl-organigramma bbażati fuq il-metodoloġija Hayes . Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mal-Collective Bargaining Unit fir-rigward ta’ dawn il-proposti. Sussegwentament isiru d-diskussjonijiet neċessarji mal- unions sabiex jintlaħaq qbil sabiex tibda l-implimentazzjoni.

Arm Ltd — salarji, benefiċċji diretti u indiretti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma s-salarji u l-benefiċċji diretti u indiretti u perkaċċi oħra jekk jeżistu, li jikkorrispondu għal kull kariga/rwol fl-Arms Ltd?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19365.