Tista' l-Ministru tgħid kemm għad fadal rapport ta' esperti x'jitħallsu mill-Qorti ta' Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-Qorti ta' Għawdex preżentament għandha x'jitħallsu ħamsa u ħamsin (55) rapport ta' esperti. L-Onorevoli Interpellant għandha tkun taf li matul din is-sena l-Qorti ta' Għawdex ħallas is-somma ta' €81,385 bħala ħlas għar-rapporti ta' esperti.
programmi, skemi u opprtunitajiet għal gruppi Maltin li jitilgħu Għawdex
Question
Tista' l-Ministru tinforma jekk il-Ministeru għal Għawdex għandux xi programmi, skemi u opportunitajiet fl-2012, fejn xi deputat jista' jagħmel xi ħarġiet għal gruppi ta' Maltin għal żjara ta' ġurnata? Jekk fl-affermativ, liema huma dawn l-opprtunitajiet, kemm se jiswew u jekk humiex miftuħin għad-deputati kollha?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Bħalma sar f’dawn l-aħħar snin, l-Uffiċċju tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, ħejja kalendarju ta’ attivitajiet kulturali għal matul is-sena 2012. L-attivitajiet organizzati huma miftuħa għal kull min jixtieq jattendi, u l-istess uffiċċju joffri l-kollaborazzjoni kollha possibbli lil dawk l-individwi, organizzazzjonijiet u entitajiet li jixtiequ jorganizzaw gruppi minn Malta biex jattendu għalihom. L-attivitajiet imsemmija jkunu rreklamati għal kulħadd fil-gazzetti lokali, però għal benefiċċju tal-Onorevoli Interpellant u tad-deputati kollha interessati, qiegħed nehmeż ma’ din it-tweġiba kopja tal-kalendarju ta’ attivitajiet kulturali f’Għawdex għall-2012, li jinkludi sew dawk organizzati mill-Uffiċċju tal-Kultura kif ukoll dawk organizzati minn entitajiet oħra f’Għawdex. Il-parti l-kbira tal-attivitajiet organizzati mill-Uffiċċju tal-Kultura huma bla ħlas, għalkemm f’dawk li jkun hemm xi ħlas involut, il-prezz ikun indikat f’kull reklamar li jsir eqreb tad-data tal-attività konċernata.
Sptar Ġenerali t'Għawdex — servizzi ta' kurriera - direct orders
Question
Tista' l-Ministru tgħid fl-aħħar tliet snin kemm ingħataw direct orders għas-servizz ta' kurriera fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex? Lil min ingħataw? Kemm hu maħsub li sewa sena b'sena dan is-servizz?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li ma jirriżultax li ngħataw direct orders għas-servizz ta' kurriera fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex.
Tista' l-Ministru tgħid kemm ilhom ma jsiru histologies test fil-laboratorju tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex? Għaliex dawn qed jintbagħtu biex isiru fl-Isptar Mater Dei f'Malta? Kemm idum biex jasal ir-riżultat mill-Isptar Mater Dei għall-Isptar Ġenerali t'Għawdex? Meta se jerġgħu jibdew dawn it-testijiet fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-kampjuni għall-Istoloġija jintbagħtu Malta kuljum u jiġu proċessati fl-Isptar Mater Dei. Ir-riżultati tal-Istoloġija ma jdumux iktar minn dawk li jkunu ttieħdu Malta stess u dawn huma aċċessibbli mill-Isptar Għawdex immedjatament wara li jkunu lesti għax is-sistemi tal-Informatika tal-Laboratorju huma konnesssi mal-Isptar Għawdex.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm sodod miksurin u għalkemm għadhom qed jintużaw m'għadhomx tajbin għall-użu fis-sala tar-rġiel, fis-sala tan-nisa fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex, fl-isptar mentali, fis-swali tax-xjuħ irġiel u fid-dar Sant' Anna? Meta se jinbidlu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li ma jirriżultax li hemm xi sodod li qed jintużaw u li dawn m'għadhomx tajbin għall-użu.
Servizz tal-helicopter bejn l-Isptar Mater Dei u Sptar Ġenerali t'Għawdex
Question
Tista' l-Ministru tgħid, jekk il-pazjenti Għawdxin li jkollhom bżonn is-servizz tal-helicopter biex jiġu trasferiti mill-Isptar Ġenerali t'Għawdex għall-Isptar Mater Dei għall-kura, hux qed isibu problema?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li ma jirriżultax li qatt kien hemm xi problemi biex pazjenti f'każi ta' emerġenza jiġu trasferiti bil-ħelikopter.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru tagħha għamilx xi analiżi tas-suq biex ikunu identifikati liema huma l-aktar tipi idonei għal Għawdex fil-qasam tat-turiżmu f’dawk li huma konferenzi, laqgħat, incentives travel? Jekk sar, tista’ tgħid x’inhu r-riżultat tal-analiżi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru diġà identifika l-aktar attivitajiet li jistgħu jkunu idonei f'dan il-qasam. Ir-riżultat ta' dan issarraf f'attività konġunta mal-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta, fejn Għawdex se jiġi rreklamat għal dawn it-tip ta' attivitajiet f'pajjiżi speċifiċi fix-xhur li ġejjin.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru tagħha huwiex qed jaddotta politika reġjonali fl-agro-turiżmu speċifikament għal Għawdex? Jekk fl-affermattiv, x’inhi din il-politika? Tista’ tpoġġi kopja ta’ din il-politika fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li fil-preżent qed tiġi pproċessata sejħa għall-offerti għall-iżvilupp ta' sett ta' rakmandazzjonijiet li fuqhom għandha tinbena Politika Reġjonali għal Turiżmu Rurali f'Għawdex.
Reklami tal-attivitajiet kulturali ta' livell internazzjonali
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’għajnuna ngħatat mill-Ministeru tagħha kull sena mis-sena 2000 sal-lum biex jinżammu u jiġu reklamati attivitajiet kulturali ta’ livell internazzjonali? Tista’ tgħid liema kienu l-attivitajiet megħjuna kull sena?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mis-sena 2000 sal-lum attivitajiet kulturali ta’ ċertu livell dejjem ġew irreklamati barra minn Malta permezz tal-international media offices tal-Awtoritá tat-Turiżmu ta’ Malta.
Minbarra l-għajnuna li l-Ministeru ta biex numru ta’ attivitajiet jiġu rreklamati għas-suq domestiku lokali, dawn l-attivatijiet ġew ukoll irreklamati fuq livell internazzjonali permezz ta’ għajnuna li ngħatat mill-Ministeru għal Għawdex:
· Fl-2009 il-Ministeru għal Għawdex tella’ reklam televiżiv biex jirreklama n-Notte Gozitana u l-Għawdex fi Sqallija.
· Fl-2011 ingħatat għajnuna biex attivitajiet relatati mal-wirja mtellgħa mill-Fundazzjoni Betlehem f’Għajnsielem f'Diċembru jkunu reklamati f’pubblikazzjoni barra minn Malta.
· Fl-2011 ingħatat għajnuna biex jiġu reklamati attivitajiet relatati mal-programm tal-
Victoria International Arts Festival
barra minn Malta.
Nixtieq ngħarraf ukoll lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru qiegħed fi proċess biex jiġi ppublikat kalendarju kulturali annwali li ħa jiġi rreklamat fuq livell internazzjonali.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx xi skema ta’ għajnuna lill-bdiewa biex jinbnew ħitan tas-sejjieħ imġarrfa f’Għawdex? Meta daħlet fis-seħħ din l-iskema? X’għajnuna ngħatat kull sena għall-bini ta’ ħitan tas-sejjieħ taħt din l-iskema?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li mit-3 t'Ottubru 2011 qegħdin jintlaqgħu applikazzjonijiet mingħand il-bdiewa għal għajnuna fuq proġetti ta' titjib li jinkludi bini ta' ħitan tas-sejjieħ. L-iskema hija amministrata mill-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u applikanti Għawdxin jistgħu japplikaw fil-Farm tal-Gvern fix-Xewkija. Jiena nfurmata li sa issa m'hemmx pagamenti fuq din l-iskema għaliex għadhom qed jintlaqgħu l-applikazzjonijiet.
Tista’ l-Ministru tgħid x’titjib sar kull sena f'dawn l-aħħar ħames snin fil-faċilitajiet li l-Ministeru għandu għat-tkabbir ta’ siġar u pjanti ta’ valur
ġenetiku? X’kienet in-nefqa kull sena fuq dan it-titjib?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-faċilitajiet għat-tkabbir ta' siġar u pjanti ta' valur ġenetiku huma parti mill-proġett li permezz tiegħu fil-Farm Sperimentali fix-Xewkija se jsir Ċentru Mediterranju fir-Riċerka Żvilupp u Innovazzjoni. F'dan ir-rigward matul is-sena 2010 u 2011 saru u għadhom għaddejjin xogħlijiet ta' refurbishment u titjib fil-faċilitajiet ta' dan iċ-ċentru u nxtara apparat, attrezzaturi u makkinarju. Jiena nfurmata li n-nefqa fuq dan il-proġett ammontat għal €57,112 fl-2010 u €139,760 s'issa fl-2011.
Rabat Għawdex — Triq San Leonardu - devjazzjoni tat-traffiku
Question
Peress li minħabba devjazzjoni tat-traffiku qed tintuża dik it-triq li minn Triq San Leonardu tieħu għat-Triq is-Sellum, dik li nsejjħula tal-Wied ta' Żejta fir-Rabat, Għawdex, peress li din it-triq tinstab fi stat ħażin ħafna, peress li din it-triq qed tintuża ħafna f'dawn l-aħħar ġranet imma li l-istat u kundizzjoni ta' din it-triq qed ikun kaġun ta' inkonvenjenti kbar, tista' l-Ministru tara li din it-triq issirilha l-manutenzjoni opportuna?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li qed tittieħed l-azzjoni neċessarja.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29400, tista' l-Ministru tgħid meta ħarġet is-sejħa biex jiġi ngaġġat l-anastetista residenti fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? F'liema stadju waslet din is-sejħa? Kemm applikaw? Jekk is-sejħa għalqitx? Jekk f'każ ta' emerġenza l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex ikunx moqdi b'anastetist wieħed? U jekk tikkunsidrax li s-sejħa għandha tkun għal żewġ anastetisti?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li s-sejħa għall-anastetisti ser tkun pubblikata fi żmien qasir. Bis-servizz eżistenti u b'din iż-żieda l-Isptar Ġenerali t'Għawdex ser ikun moqdi aħjar.
Sptar Ġenerali t'Għawdex — raba tissaqqa bl-ilma tal-vit
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29399, tista' l-Ministru tgħid għaliex ir-raba' li hemm fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex qed jissaqqa bl-ilma tal-vit?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li r-raba' fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex qed jissaqqa b'ilma mhux tal-vit.
Sptar Ġenerali t'Għawdex — Triq Għajn Qatet - gate - sticker tal-persuni b'diżabilità
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29397, tista' l-Ministru tgħid min huma l-persuni li għandhom permess mingħand il-management ta' l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex li jgħaddu mill-gate tan-naħa ta' isfel għal Triq Għajn Qatet bil-karozza? Persuni li għandhom l-isticker maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità li jkunu jridu jużaw din il-gate bil-karozza, għandhom dritt jagħmlu dan jekk jippreżentaw il-karta tal-identità speċjali maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità lil min ikun fil-gate?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-persuni li għandhom permess mingħand il-management tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex li jgħaddu minn din il-gate partikolari huma Tobba u Konsulenti, is-supplier tal-canteen tal-isptar (meta jkun hemm bżonn iġorr supplies għal canteen), il-Friends of the Sick and Elderly Gozo (meta jkun hemm bżonn iġorru supplies għal ġos-swali) u ambulanzi fuq emerġenzi.
Fil-preżent persuni li għandhom l-isticker maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità ma għandhomx dritt jgħaddu minn din il-gate.
Sptar Ġenerali t'Għawdex — permess mingħand il-managament għall-gate ta' Triq Għajn Qatet
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29397, tista' l-Ministru tgħid min huma l-persuni li għandhom permess mingħand il-management tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex li jgħaddu mill-gate tan-naħa ta' isfel għal Triq Għajn Qatet bil-karozza?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 30386.
Sptar Ġenerali t'Għawdex — impjegati fil-gates - health assistants u cleaners
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29396, tista' l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati fil-gates tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex li huma fil-gradi ta' health assistants u cleaners? Kemm ilhom jagħmlu xogħol mal-gates tal-isptar?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li fil-preżent hemm 8 impjegati fil-grad ta' Health Assistant u li ilhom jagħmlu xogħol mal-gates minn dawn id-dati segwenti: 1985, 1988, 1990, 1991, 1997, 2000, 2004, 2006 u 4 impjegati oħra li huma 2 Operatives, 1 Hospital Auxiliary, 1 General Hand. Dawn ilhom jagħmlu xogħol mal-gates minn dawn id-dati segwenti: 2009, 2008 u 2007.