Legislature:
Category:
Reset
Active:

Gozo Channel — Ġarr ta' passiġġieri u vetturi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 15009 li saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u 17172 li saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa qed jiġu riferuti lilu u jgħid kemm inġarru passiġġieri mill-Gozo Channel, vetturi bi tnejn u b'aktar roti eżempju 4, 6 u 8 bejn Malta u Għawdex bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Diċembru 2007, 2008 u 2009?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi peress illi l-mistoqsija hija waħda ta’ natura strettament kummerċjali, u li hi marbuta mal-fatt li jidher li wasal li joħroġ it-tender għal PSO, il-kumpanija tħoss li m’għandhiex tagħti risposta fil-mument.

marinas privatizzati — operaturi magħżula

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18795 u 18405 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid min huma l-operaturi li ntgħażlu biex joperaw il-marinas li ġew privatizzati f’Malta u Għawdex? Kif intgħażlu? B’liema kriterji? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-ftehim milħuq ma’ kull wieħed minn dawn l-operaturi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi sa issa saret biss il-privatizzazzjoni tal-Yacht Marina ta’ l-Imġarr Għawdex. L-operator li ntgħażel għal din il-konċessjoni kienet il-kumpanija Harbour Management Ltd. L-għażla saret permezz ta’ sejħa pubblika għall-offerti. Il-kumpanija li rebħet din il-konċessjoni kellha l-aħjar offerta finanzjarja. Rigward l-aħħar parti tad-domanda nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Membru li tpoġġiet kopja ta’ dan il-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tnejn 31 ta’ Mejju, 2010 f’seduta numru 229.

Trattament tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk illum pajjiżna hux qed jitratta d-drenaġġ kollu ġġenerat qabel jintefa' l-baħar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-drenaġġ se jiġi ttrattat kollu qabel ma jintefa' l-baħar, kif jibda jopera l-impjant li qed jinbena Ta’ Barkat, limiti tax-Xgħajra. Dan l-impjant qed jiġi iffinalizzat u se jibda jopera fix-xhur li ġejjin.

Ministeru għal Għawdex — Item of expenditure - vot kapitali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa taħt kull item of expenditure tal-vot kapitali tal-Ministeru għal Għawdex għas-sena 2009 u sal-aħħar ta' Settembru 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għal Għawdex — Item of expenditure tal-vot rikorrenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'virements saru taħt kull standard item of expenditure tal-vot rikorrenti tal-Ministeru għal Għawdex fl-2009 u din is-sena sal-aħħar ta' Settembru?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ virements approvati mill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment.

Ministeru għal Għawdex — Nefqa taħt kull item of expenditure

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa taħt kull standard item of expenditure tal-vot rikorrenti tal-Ministeru għal Għawdex għas-sena 2009 u sal-aħħar ta' Settembru 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

nefqa kapitali f’Għawdex u f’Malta — fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jagħti n-nefqa kapitali f’Għawdex u f’Malta separatament ta’ fondi Ewropej u jgħid din in-nefqa f’Għawdex kemm kienet bħala persentaġġ tan-nefqa kapitali kollha nazzjonali ta’ fondi Ewropej kull sena mill-2007 sal-2009 u din is-sena sa Settembru? Jista’, jekk jogħġbu, jagħti din l-informazzjoni skont il-Programm Baġitarju tal-Unjoni Ewropea?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment tal-VAT — Refunds

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm refunds li għadhom irrid jitħallsu mid-Dipartiment tal-VAT kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-VAT għad irid iħallas l-ammont ta’ €31,760,804.44 bħala refunds li ġew dovuti għall-ħlas u li fuqhom għad iridu jsiru l-verifiki neċessarji. Dawn l-ammonti huma maqsuma kif ġej: €30,814,102.08 għal persuni reġistrati li għandhom l-indirizz f’Malta €946,702.36 għal persuni reġistrati li għandhom l-indirzz f’Għawdex. Skont il-liġi dawn it-talbiet għal refund isiru dovuti wara ħames xhur mit-talba. Id-Dipartiment tal-VAT jagħmel ukoll il-kontrolli neċessarji sabiex jivverifika li dawn l-ammonti huma dovuti.

l-ikbar ħames dikjarazzjonijiet ta' dħul ta' taxxa tal-income

Question

Jista' l-Ministru jindika, mingħajr ma jsemmi ismijiet, sena b'sena mill-2000 sal-lum kemm kienu l-ikbar ħames dikjarazzjonijiet ta' dħul għall-finijiet tat-taxxa tal-income minn (a) persuni naturali (b) soċjetajiet kummerċjali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari, anki jekk ma jissemmewx ismijiet, ma tistax tingħata minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità.

non-resident company shareholders li għandhom jieħdu tax refunds

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm non-resident company shareholders li għandhom jieħdu tax refunds? Kemm jammonta b'kollox l-ammont ta' tax refunds li dawn għandhom jieħdu? Għaliex il-ħlas waqa' lura?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi sat-Tnejn 18 t’Ottubru kien hemm għoxrin shareholders li kellhom jieħdu tax refunds skont refund claims validi li dan id-Dipartiment kien irċieva. L-ammont totali dovut bħala refunds lil dawn ix-shareholders hu ekwivalenti għal €810,715. F’dik il-ġurnata, iż-żmien preskritt mil-liġi (jiġifieri dak ta’ erbatax-il ġurnata) sabiex jinħarġu dawn ir-refunds kien għadu ma skadiex. Id-Dipartiment tat-Taxxi Interni rċieva wkoll numru ta’ claims li kellhom diversi nuqqasijiet u għalhekk ix- shareholders konċernati, jew ir-rappreżentanti tagħhom, ġew mitluba jibagħtu dawk id-dokumenti li kienu nieqsa jew kjarifiki oħra neċessarji biex dawn ir- refund claims ikunu jistgħu jiġu proċessati. Ir- regime ta’ taxxa li l-Gvern Malti rnexxielu jinnegozja mal-Unjoni Ewropea wassal sabiex aktar u aktar shareholders barranin ifittxu lil Malta għal skopijiet ta’ investiment. Dan is-suċċess kien ikbar milli wieħed seta’ jantiċipa u għal din ir-raġuni kien hemm perjodu qasir fejn xi ħlasijiet waqgħu ftit lura. Nikkjarifika li fuq dawn it-tip ta’ refunds ma jitħallsu l-ebda interessi mid-Dipartiment meta l-pagament tagħhom isir tard. Nixtieq ngħid ukoll li s-sitwazzjoni bħalissa reġgħet ġiet għan-normal u l- Unit fid-Dipartiment li jipproċessa dawn il- claims qiegħed jingħata aktar riżorsi biex ikun jista’ jibqa’ jlaħħaq adekwatament mad-domanda dejjem tikber għas-servizzi li joffri f’dan ir-rigward.

Malta Film Commission — investiment għal sound stage

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment li sar mill-Malta Film Commission matul l-ewwel disa' xhur ta’ din is-sena biex jinbeda l-proċess ta’ żvilupp ta’ sound stage ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Malta Film Commission għaddejja mill-proċess tat-tfassil ta’ “feasibility and cost report” fuq il-bini ta’ sound stage flimkien ma’ esperti f’dan is-settur. Il-proċess, li għadu għaddej, mistenni li jingħalaq fil-futur qarib.

Korporazzjoni Enemalta — użu ta' credit cards

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni Enemalta għandux il-faċilità li juża credit card tal-korporazzjoni?Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’kien l-infiq li tħallas permezz ta’ din il-facilità?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba se tingħata f’seduta oħra.

Labour Force Survey — żieda fl-impjiegi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19940 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u ċioe: L-aħħar Labour Force Survey jindika li n-numru ta’ impjiegi żdiedu b’4,164 meta mqabbla mas-sena li għaddiet, u li 3,819 jew 92% ta’ din iż-żieda, kienet ġejja minn żieda fl-impjiegi mal-Gvern u fis-settur pubbliku. Jista’ l-Ministru jgħid jekk taqbilx mall-konkluzjonijiet tal-Labour Force Survey u jekk dawn jaqblux mal-mira ddikjarata tal-Gvern li jnaqqas id-daqs tas-Settur Pubbliku?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni li toħroġ mil-Labour Force Survey hija bbażata fuq dak li jwieġbu l-individwi li jiġu magħżula biex jipparteċipaw f’dan l-istħarriġ. Wara li tinġabar l-informazzjoni, din tiġi vverifikata u ċċekkjata qabel eventwalment tkun ippubblikata. Bħal kull stima oħra li toħroġ minn kull stħarriġ, wieħed għandu jikkunsidra l-fattur ta’ sampling error li jista’ jiġi wkoll aċċentwat minħabba l-weights li jiġu wżati biex wieħed joħroġ (extrapolate) l-istimi tal-istħarriġ fuq il-popolazzjoni kollha. Skond in- news release li ħarġet fit-30 ta’ Settembru 2010, ir-rata ta’ persuni li jaħdmu ma’ dan is-settur tammonta għal 28.5% mill-ħaddiema kollha fit-tieni kwart tas-sena. Din l-istima għandha sampling error ta’ 1.8%, jiġifieri din ir-rata tista’ tkun bejn 26.7% u 30.3%. Dan ifisser li l-istima ta’ 47,075 persuni li jaħdmu mas-settur pubbliku tvarja bejn 44,173 u 50,129. Tajjeb ukoll li nfakkru li l-istima ta’ ħaddiema f’dan is-settur fis-sena li għaddiet kienet tlaħħaq il-43,256, li wkoll għandha sampling error ta’ 1.7% fuq in-numru totali ta’ 161,279. Dan ifisser li din l-istima setgħet tvarja bejn 40,481 u 45,965. Minn dawn il-figuri, wieħed jista’ jara li hemm overlap bejn il- confidence intervals ta’ dawn iż-żewg stimi. Uħud minn dawn id-diskrepanzi jistgħu wkoll jiġu mfissra minn biases li setgħu seħħew kemm waqt il-ġbir ta’ l-informazzjoni kif ukoll waqt l-analiżi (eż. post-coding errors ). Ta’ min jgħid li dan l-indikatur partikolari joħrog b’mod indirett mil- Labour Force Survey u għaldaqstant jista’ jkun aktar suġġett għal dawn it-tip ta’ impreċiżjonijiet mill-indikaturi oħra fin- news release .

Arms Ltd — Meter tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li f'każ ta' armla li tkun trid tibdel il-meter tad-dawl u l-ilma għal fuqha wara li jkun miet ir-raġel jkollhiex tħallas xi ħaġa lill-Arms Ltd għas-servizz? Jekk iva, kemm?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ħlas biex jsir trasferiment ta’ meter minn fuq persuna għal fuq oħra, huwa ta’ €4.66. Dan il-ħlas ta’ €4.66, huwa applikabli f’kwalunkwe ċirkostanza fejn jidħlu tibdil ta’ meters minn fuq persuna għal oħra u għalhekk, ma ssir l-ebda distinzjoni tal-każijiet. Il-ħlas ta’ €4.66 huwa ħlas li kien diġà fis-seħħ sa minn qabel ma inħolqot l-ARMS Ltd. ARMS Ltd. applikat l-istess ħlasijiet li kienu diġà fis-seħħ mill-Korporazzjoni ta' l-Ilma.

sussidju fuq kontijiet tad-dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’qed jżomm lill-Ministeru tal-Finanzi milli jawtorizza il-ħlas ta’ €80 bħala kumpens lil għadd ta' persuni li ma jkunux eligibbli għas-sussidju fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma meta għandi għalfejn nifhem li l-Ministeru tas-Servizzi Soċjali huwa biss intermedjarju f’dan kollu għalkemm ħafna nies qegħdin jressqu t-talba tagħhom lil dan id-dipartiment/ministeru? Kemm hemm talbiet pendenti f’dan ir-rigward u meta mistennija jiġu settled? Kif wkoll x’qed jwassal għal dan?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant, illi l-energy allowance li ngħata mill-Gvern biex jikkumpensa ż-żieda fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt, ingħata lil dawk il-familji li ma jikkunsmawx aktar minn 10,000 unit fis-sena f’konsum ta’ dawl, u li ma jingħatawx diġà għajnuna soċjali mill-Gvern. Dan il-kumpens huwa maħdum fuq bażi tan-numru ta’ nies li jgħixu fid-djar. Wara li nħarġu ċ-ċekkijet f’Lulju li għadda, kien hemm numru ta’ familji li għamlu kuntatt mal-ARMS u mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sabiex jilmentaw dwar tibdil li, skont huma, kien hemm bżonn fid-dettalji tal-kontijiet tagħhom. L-ARMS qegħda fil-proċess li tivverifika dawn l-ilmenti, u jekk jiġu konfermati, se jinħareġ l- allowance skont id-data verifikata.

Arms Ltd — Leasing tas-software għall-ħruġ tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal kemm xhur jew snin hu ppjanat jew kuntrattat li jkun leased is-software għall-ħruġ tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma mal-Arms Ltd? Jista' jgħid jekk jikkonsidrax il-kuntratt għal-leasing ta' dan is-software bħala good value for money u jagħti r-raġunijiet tiegħu għal tali ġudizzju?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt tas-Smart Meters, li jinkludi ukoll il-programm (is-software license) tas-SAP, huwa bejn l-IBM u l-Korporazzjoni Enemalta flimkien mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, u mhux ma’ ARMS Ltd. Il-kuntratt huwa għal perjodu ta’ ħames (5) snin. Il-programm tas-SAP: · Joffri aktar Integrazzjoni fuq bażi Real - Time bejn is-sistemi kollha tal-Korporazzjonijiet. · Għandu iżjed kontroll u metodi ta’ monitoring fuq il-proċessi kollha mplimentati fuq Best Practices li jeżistu f’din l-industrija. · Joffri faċilitajiet li jintegra proċess madwar sezzjonijiet differenti, u allura b’hekk inaqqas id-duplikazzjoni ta’ xogħol. · Joffri faċilitajiet ta’ One - Single - View ta’ l-informazzjoni, minflok ħafna informazzjoni imxerrda. · Joffri aktar informazzjoni kemm dettalljata kif ukoll kategorizzata biex fuqhom jiġu bbażati deċiżjonijiet tal-korporazzjonijiet. · Għandu faċilitajiet biex jkejjel il- performance f’kull livell (Korporazzjoni, Dipartiment, Sezzjoni u Individwu) · Jnaqqas ir-riskju li s-sistemi tal-koporazzjonjiet ikunu jiddependu fuq ftit persuni, għax hu software standard madwar id-dinja u għalhekk issib ħafna riżorsi speċjalizzati. Minbarra dan, ta’ min ifakkar li l-programm SAP huwa nstallat f’aktar minn 70% ta’ l-entitajiet fl- Ewropa fejn jidħol dan il-qasam.

allowance għall-enerġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-kategoriji ta' nies u r-raġuni għala dawn ma ngħatawx l-allowance għall-enerġija li tħabbret fil-budget?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kien hemm żewġ kategoriji ta’ nies li ma kenux eliġibbli għall-allowance ta’ enerġija li tħabbret fil-baġit. Dawn iż-żewġ kategoriji: 1. Dawk li qabżu l-konsum ta 10,000 units f’sena, u 2. Dawk li diġà qed jirċievu xi forma ta’ għajnuna mis-servizzi soċjali.

Għawdex, Mġarr — Yacht Marina

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għal mistoqsija parlamentari 19879, nifhem li kien responsabbli mill-privatizazzjoni tal-Yacht Marina t’Ghawdex, jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern huwiex konxju mill-petizzjoni miġbura fost is-sidien tal-opri rmiggjati f’din il-marina? Jekk fl-affermattiv, se jkun qed jagħmel xi ħaġa biex jintervjeni f'din il-kwestjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment ma rċeviex tali petizzjoni.

Arms Ltd — tariffi lil enemalta u WSC

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Arms Ltd hijiex iżżomm xi tariffa jew ħlas lill-Korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma sabiex tieħu ħsieb il-kontijiet tagħhom? Jekk iva, kemm hi din it-tariffa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpelant illi l-informazzjoni mitluba se tingħata f’seduta oħra.

Arms Ltd — informazzjoni dwar il-managers

Question

Wara li l-Prim Ministru stess skuża ruħu li l-performance tal-Kumpanija Arms mhix tajba, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-erba’ managers impjegati tal-Arms: a)qattx ingħataw xi performance bonus; b)qattx inġibditilhom l-attenzjoni formalment li jekk il- performance tagħhom mhux se titjieb se jitilfu l-impjieg tagħhom; u ċ)jekk ġewx impjegati b'mod definit u jekk b’kuntratt, jista’ jgħid jekk hux se jkun imġedded il-kuntratt tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellatn illi filwaqt li nikkonferma li l-managers li qed jaħdmu mal-Arms Ltd huma kollha marbutin b’contract of service ta’ żmien definit, nixtieq niċċara mal-Onorevoli Interpellant li parti sostanzjali tar-responsabbilitajiet ta’ dawn il-managers hija marbuta ma’ l-implimentazzjoni tal-proġett tal-Integrated Utility Business Systems, li issa qiegħed fil-fażi ċentrali ta’ l-implimentazzjoni tiegħu. Fil-waqt li nħoss li d-dettalji mitluba rigward għoti jew le ta’ performance bonus lil dawn l-impjegati, hija informazzjoni kunfidenzjali bejn il-kumpanija u l-istess impjegati, nassigura lill-Onorevoli Interpellant li kull kejl ta’ dan it-tip isir wara review dettaljat tal- Programme Manager , li għandu r-responsabbilità kumplessiva tal-implimentazzjoni tal-proġett. Dan se jibda jsir issa mill-Kap Ezekuttiv.