Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kamra tan-nar 15 ta' Awwissu — kwestjoni dwar l-arloġġ tal-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura li tintuża fil-kas ta' applikazzjoni li saret mill-persuni inkarigati f'isem il-kamra tan-nar 15 ta' Awwissu tal-Mosta li tali applikazzjoni daħlet sabiex il-Korporazzjoni Enemalta terġa' tagħti lura l-elettriku proprju fejn hemm l-arloġġ tal-Korporazzjoni Enemalta, jiġifieri fil-kamra li qiegħda barra l-kumpless li waqa' bi splużjoni f'Awwissu li għadda, jiġifieri l-kamra li għad hemm u li hija mibnija bil-permessi kollha meħtieġa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi biex ikun jista’ jerġa jingħata s-servizz tal-elettriku jeħtieġ li ssir dikjarazzjoni minn electrician liċenzjat li l-installazzjoni hija skont l-ESR. Barra minnhekk, minħabba li din hija fabbrika tan-nar ikun hemm bżonn l-approvazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-fabbriki tan-nar li l-istallazzjoni tal-elettriku mhuwiex ta’ periklu.

Imġarr Yacht Marina — privatizzazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 19316, 19181, 19055, 18718, 18471, 18201, 17960 u 17677 u jagħti d-dettalji tal-privatizzazzjoni tal-yacht marina tal-Imġarr?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 19705 u kopja ta’ dan il-ftehim tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tnejn 31 ta’ Mejju, 2010 f’seduta numru 229.

Trasferiment ta' qbiela tar-raba' tal-gvern jew tal-joint office

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 20202, jista' l-Ministru jgħid jekk il-qbiela tar-raba' fuq persuna tistax tiġi trasferita lil ħu l-istess persuna (l-istess familja)?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-qbiela tar-raba’ ma tistax tiġi trasferita bejn l-aħwa peress li skont it-termini tal-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’ (Kap 199), trasferiment bejn membri tal-istess familja jista’ jsir lil-axxendenti lineari, jew lid-dixxendenti lineari.

kwestjoni għal applikazzjoni għas-servizz tal-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jgħaddi informazzjoni lil din il-Kamra li tispjega għaliex applikazzjoni għas-servizz tal-elettriku numru 4421/09, għadha ma rriżultatx li dan iċ-ċittadin ikollu is-servizz meħtieġ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-applikazzjoni għas-servizz tal-elettriku li ġġib in-numru A4421/09, ġiet sottomessa f’Novembru ta’ l-2009. Is-servizz ġie mitlub għall-pump room ġewwa s-Siġġiewi f’żona meqjusa bħala Outside Development Zone. Biex jingħata servizz f’post li huwa Outside Development Zone jirrikjedi proċess li jinkludi talba għal fuq development permit flimkien ma’ permessi tal-Aworità Maltija tat-Trasport. Dawn it-talbiet huma fil-proċess tal-approvazzjoni tal-awtoritajiet konċernati.

Koroprazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — informazzjoni dwar l-impjegati

Question

Jista' l-Ministru jippreżenta lil din il-Kamra lista ta' dawk in-nies impjegati mal-Koroprazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, taħt liema kariga jew grad huma impjegati u meta ġew ingaġġati?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20421.

Korporazzjoni Enemalta — informazzjoni dwar l-impjegati

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' impjegati li għandha l-Korporazzjoni Enemalta, il-grad jew kariga li jokkupaw u meta ġew ingaġġati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba mhux possibbli li tingħata minħabba raġunijiet ta' data protection. Nitlob lill-Onor. Interpellant tkun aktar speċifika fil-mistoqsija tagħha.

Enemalta u WSC — Sub contractors

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-kuntratturi (sub-contractors) li qed jagħtu servizz lill-Korporazzjoni Enemalta/Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u x'inhuma dawn is-servizzi? Kemm qed jiswew lill-korporazzjonijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f'seduta oħra.

Arms Ltd — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' nies impjegati mal-Arms Ltd, taħt liema grad huma ngaġġati u kemm hu l-ħlas (salarju) annwali tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20366.

Arms Ltd — nies fil-kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19660 u jgħid kemm se tassorbi nies il-kumpanija Arms Ltd mill-Korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex tħaddem il-funzjonijiet li qabel kienu ta' dawn iż-żewġ korporazzjonijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitlub se tingħata f’seduta oħra.

Arms Ltd — full complement

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19661 jgħid kemm huwa maħsub li jkun il-full complement tal-Arms Ltd? Dawn kollha se jiġu assunti mill-Korporazzjoni Enemalta u Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mas-CBU li l-għan aħħari tagħhom huwa li tiġi stabbilita l-organizzazzjoni tal-ARMS Ltd u l-mod kif din għandha tiġi attwata. Dan se jkun segwit minn diskussjonijiet mal-unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Kuntratt ta' konsulenza

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 19731, 19312, 19216, 19023 u 18738 u jgħid kemm-il kuntratt ta' konsulenza ingħata mill-Ministeru tiegħu u/jew kumpaniji u entitajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu, matul is-snin 2009 u 2010 sal-lum? Kemm kien l-ammont ta' kull kuntratt ta' konsulenza mogħti u lil min ingħata?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — flus globali għal hospitality

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20185 u jinformani kemm kienet in-nefqa f'ċifra ta' flus globali għal hospitality mill-Uffiċċju tal-Ministeru, dipartimenti u entitajiet fid-dekasteru li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru għall-ewwel disa' xhur tas-sena 2010 rispettivament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

residenti ta' nazzjonalità barranija — sistema differenti ta’ tariffi tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix sistema differenti ta’ tariffi tad-dawl u l-ilma għar-residenti ta’ nazzjonalità barranija li għandhom residenza f’pajjiżna? Jekk iva, jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex teżisti din is-sistema differenti? Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar kif taħdem din is-sistema ta’ tariffi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, li ma teżistix sistema differenti ta’ tariffi tad-dawl u l-ilma għar-residenti ta’ nazzjonalità barranija, li huma residenti f’pajjiżna.

Korporazzjoni Enemalta — Kap Ezekuttiv - refurbishment fl-uffiċċju

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Kap Ezekuttiv tal-Korporazzjoni Enemalta għamel xogħol ta’ refurbishment fl-uffiċċju tiegħu? Jekk iva, jista' jgħid fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol u jaghti breakdown tal-ispiża li sewa dan ix-xogħol? Jista' l-Ministru jgħid min wettaq dan ix-xogħol u jekk ix-xogħol sarx permezz ta’ sejħa għall-offerti jew jekk hux permezz ta' direct order?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 115.

Korporazzjoni Enemalta — inkjesta b’rabta mal-qtugħ ta’ dawl

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ l-investigazzjoni interna tal-Korporazzjoni Enemalta, tal-investigazzjoni tal-Pulizija u tal-inkjesta Maġisterjali b’rabta mal-qtugħ ta’ dawl estensiv tat-18 ta' Novembru, 2009? Jista' l-Ministru jagħmel stqarrija ċara u kategorika jekk abbażi ta’ dawn l-investigazzjonijiet il-qtugh tad-dawl kienx dovut għal każ ta’ sabutaġġ jew le?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Enemalta għadha ma rċivitx ir-rapport tal-investigazzjoni tal-pulizija jew tal-Maġistrat.

Ħaż-Żebbuġ — Triq il-Buskett - main tad-drenaġġ

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19151, jista' l-Ministru jgħid jekk it-tibdil tal-main tal-ilma fi Triq il-Buskett, Ħaż-Żebbuġ sarx? Jekk le, jista' jassigura li dan ix-xogħol isir kemm jista' jkun malajr u jagħti terminu definittiv ta' meta dan ix-xogħol ikun lest? Minħabba li f’din it-triq hemm numru ta' residenzi li m'għandhomx servizz ta drenaġġ, jista' jgħid jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandhiex il-ħsieb li tistalla main tad-drenaġġ qabel ma din it-triq tkun asfaltata?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol għadu ma sarx. Dan ix-xogħol se jsir mill-kuntrattur tal-Kunsill li se jagħmel ix-xogħol tal-kisi tat-tarmac ta’ din it-triq. Allura il-main tad-drenaġġ se jsir qabel tiġi asfaltata t-triq.

Għajnuna lill-industriji

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar 2010 s'issa kemm kien hemm talbiet għal għajnuna mill-industriji? X’raġunijiet ingħataw u kemm kienet din l-għajnuna? Minn liema budget ġiet imħallsa tali għajnuna?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fl-2010 il-Malta Enterprise tat assistenza finanzjarja lil 224 kumpanija. L-assistenza ngħatat taħt id-diversi skemi amministrati mill-Malta Enterprise li jgħinu fil-waqfien u l-iżvilupp ta’ l-intrapriża u ammontat għal total ta’ €2,355,847.93. Il-ħlas sar mill-fondi allokati lill-Malta Enterprise, kif ukoll mil-fondi tal-ERDF.

Industrija — żidiet fit-tariffi tad-dawl u ilma - effetti negattivi

Question

Wara li tħabbru ż-żidiet fit-tariffi tad-dawl u ilma anke għall-industrija, jista' l-Ministru jgħid jekk kellux ilmenti uffiċjali jew informali mingħand xi fabbriki partikolari u/jew xi korp kostitwiti dwar il-fatt li dawn se jkollhom effett negattiv fuq l-operat tagħhom? Kien hemm xi industrija li wriet li se tnaqqas xi impjegati minħabba dawn il-miżuri?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Malta Enterprise laqgħet żewġ ilmenti uffiċjali u numru ta’ ilmenti b’mod informali dwar żidiet fit-tariffi tad-dawl u ilma. Dawn ġew mill-industrija tal-manifattura. Ħadd mill-kumpaniji konċernati ma wera li se jsir xi tnaqqis ta’ impjegati b’riżultat ta’ l-effetti negattivi ta’ dawn iż-żidiet.

Ħaddiema fil-Malta Enterprise u Malta Industrial Parks

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru attwali ta' ħaddiema u x-xogħol li qed jagħmlu fi ħdan il-Malta Enterprise u l-Malta Industrial Parks? Jista' jagħti l-istess informazzjoni ta' kif kienet is-sitwazzjoni għall-aħħar tas-sena 2009? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li n-numru ta' impjegati mal-Malta Enterprise u l-Malta Industrial Park jiżdied għas-sena 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ impjegati mal-Malta Enterprise u mal-Malta Industrial Parks flimkien mal-livell tax-xogħol tagħhom huwa kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Kif kien imħabbar fil-Budget tas-sena l-oħra, l-allokazzjoni finanzjarja tal-Malta Enterprise ġiet miżjuda biex tagħmel tajjeb għat-tkabbir li jrid isir sabiex il-Korporazzjoni tkun tista’ tlaħħaq mal-għanijiet tagħha; liema għanijiet ġew imwessgħin ħafna matul is-sentejn li għaddew. Fil-fatt, matul din is-sena inbeda proċess ta’ reklutaġġ pubbliku, liema proċess għadu għaddej u ser ikompli għaddej matul l-2011.

Gozo Channel — Qligħ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17170 li saret lill-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u saret lill-Ministeru għal Għawdex respettivament, u issa ġiet riferuta lilu, jista' jgħid kemm għamlet qligħ il-Gozo Channel matul l-2007, 2008 u 2009?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi peress illi l-mistoqsija hija waħda ta’ natura strettament kummerċjali, l-kumpanija tħoss li m'għandhiex tagħti din it-tip ta’ informazzjoni fil-mument.