Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #31118 Sitting 437 2012-01-23 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Problema ta' parkeġġ ħdejn il-vapur t'Għawdex

Question

Peress li ta' kull filgħodu qed jinqalgħu problemi u inkonvenjenti kbar għaliex dawk li jaqsmu lejn Malta ta' kuljum qed ikollhom problema ta' parkeġġ għaliex m'hemmx parkeġġ u spazju adegwat, tista' l-Ministru tgħid kif il-gvern se jindirizza din il-problema u meta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li billi qed isir xogħol ta' kostruzzjoni fiż-Żewwieqa, is-sit kellu jiġi magħluq għall-pubbliku minħabba raġunijiet ta' saħħa u sigurtà. Madankollu malli jitlesta dan il-proġett ser ikun hemm madwar mitt spazju ta' parkeġġ li madwar disgħin minnhom ser ikunu nklużi fil-car park li ser jifforma parti mill-proġett.
Leg 11 PQ #31142 Sitting 437 2012-01-23 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali ta' Għawdex — informazzjoni dwar risk assessment

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm health & safety officers fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex? Min huma? Kemm hemm risk assessments lesti u f'liema oqsma ta' xogħol? Liema huma dawk l-oqsma ta' xogħol li għadhom mhumiex risk assessed?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-ħaddiema tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex jimxu ma' protocols u policies li d-Diviżjoni tas-Saħħa toħroġ minn żmien għal żmien, liema policies jiġu addattati għall-Isptar Ġenerali ta' Għawdex. Barra minn hekk, l-Amministrazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex toħroġ ukoll policies u protocols speċifikament għall-Isptar fejn jidħlu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u pazjenti fl-imsemmi sptar.
Leg 11 PQ #31169 Sitting 437 2012-01-23 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — ippreparar tal-ikel

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn wasal it-tendering process għar-rigward l-ippreparar tal-ikel fl-Isptar ta' Għawdex? Jekk it-tender tingħata lill-privat, tista' tgħid x'se jsir mill-impjegati fl-istess sptar li fil-preżent jaħdmu fil-kċina?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-proċess tat-tendering għar-rigward l-ippreparar tal-ikel fl-Isptar ta' Għawdex, qiegħed fit-Tender Funds Commitment stage. Jekk it-tender tingħata lill-privat l-impjegati ser jiġu mqassma f'sezzjonijiet oħra fl-isptar skont il-job description ta' kull impjegat u skont l-esiġenzi tas-servizz.
Leg 11 PQ #31223 Sitting 437 2012-01-23 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Direttorat tat-Turizmu u Żvilupp Ekonomiku — applikazzjoni għal post ta' policy analyst

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-sejħa għall-applikazzjoni għal post ta' policy analyst fid-Direttorat tat-Turiżmu u Żvilupp Ekonomiku fil-Ministeru għal Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-post ta' policy analyst fid-Direttorat għat-Turiżmu u Żvilupp Ekonomiku ġie assenjat bi trasferiment fuq bażi ta' secondment minn entità pubblika oħra.
Leg 11 PQ #492 Sitting 436 2012-01-18 Written · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

kwestjoni dwar ħlas ta' konsulent

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’kienet ir-raġuni li għaliha sar ħlas ta’ €2,400 iktar minn kemm kien miftiehem lil konsulent partikolari, liema każ hemm riferenza għalih fl-aħħar rapport dwar il-kontijiet pubbliċi 2010 mhejji mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali? Tista' tgħid min awtorizza li jsir dan il-ħlas żejjed? Tista' tgħid jekk dawn il-flus intalbux lura?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata illi l-ħlas imsemmi sar għal xogħol addizzjonali fuq il-promenade tal-Qbajjar u l-car park tax-Xlendi.
Leg 11 PQ #493 Sitting 436 2012-01-18 Written · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

kwestjoni dwar ħlas lil konsulent

Question

Tista' l-Ministru tgħid min awtorizza l-ħlas ta’ €22,000 lil konsulent biex ifassal strategija ta’ komunikazzjoni dwar eko-Għawdex bi ksur tar-regolamenti, meta dan il-konsulent intagħżel b’direct order, mingħajr ebda sejħa pubblika u mingħajr l-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi, liema każ hemm riferenza għalih fl-aħħar rapport dwar il-kontijiet pubbliċi 2010 mħejji mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li dan il-ħlas sar a bażi ta' Paragrafi 20 (1)(b) u 20 (1)(c) tar-Regolamenti dwar il-Kuntratti Pubbliċi u għalhekk ma kienx hemm ksur tar-regolamenti.
Leg 11 PQ #494 Sitting 436 2012-01-18 Written · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Dipartiment tal-Customer Services — kwestjoni dwar ħlas lil uffiċjal

Question

Tista' l-Ministru tgħid min awtorizza l-ħlas ta’ €6,300 lil uffiċjal fid-Dipartiment tal-Customer Services li ntgħażel b’direct order u mingħajr l-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi, liema każ hemm referenza għalih fl-aħħar rapport dwar il-kontijiet pubbliċi 2010 mħejji mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-ħatra ta' "College Principal Support Officer" saret fuq il-proċedura li ġiet addottata mid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni sabiex kull College Principal ikollu Support Officer/s u ma kinitx xi ħaġa partikulari għall-Gozo College. Id-Diviżjoni tal-Edukazzjoni ingaġġat diversi ex-Kapijiet u ex-Assistenti Kapijiet ta' skejjel li ġew irtirati bħala "College Principal Support Officer" u peress li l-operat tal-Gozo College huwa taħt il-Ministeru għal Għawdex, l-uffiċċjal irtirat (ex-Kap ta' Skola) kellu jitħallas mill-fondi tal-Ministeru għal Għawdex u għalhekk sar kuntratt għal dan il-għan bejn is-Segretarju Permanenti u l-ex-uffiċċjal. L-ammont ta' €6,300 tħallas fuq żewġ kuntratti li kienu jkopru l-perjodu 25 ta' Mejju 2009 sa 24 ta' Diċembru 2010. Skont il-Public Procurement Regulations 20 (1) (b) direct orders sa €6,000 jistgħu jsiru bl-approvazzjoni tal-uffiċċjal għoli fil-Ministeru li jkun awtorizzat jagħmel dan. F'dan il-każ kien hemm żewġ kuntratti li l-ammont tagħhom individwalment ma jaqbiżx €6,000 u li kull kuntratt kien iffirmat mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru li kien awtorizzat biex japprova dan it-tip ta' kuntratt skont il-liġi.
Leg 11 PQ #495 Sitting 436 2012-01-18 Written · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

informazzjoni dwar kuntratt li sar dwar iż-żamma u l-irranġar ta’ erba' roundabouts

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li sar dwar iż-żamma u l-irranġar ta’ erba' roundabouts, liema każ hemm referenza għalih fl-aħħar rapport dwar il-kontijiet pubbliċi 2010 mħejji mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali? Tista' tgħid kif ġie stabbilit il-ħlas ta’ €4,400 fix-xahar fuq dan il-kuntratt?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-ammont ġie miftiehem bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-ELC fl-2007 li jammonta għal ferm anqas mir-rati normali li l-ELC jitħallas għal dan ix-xogħol.
Leg 11 PQ #505 Sitting 436 2012-01-18 Written · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — informazzjoni dwar safar

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa globalment għal kull safra separata (inkluż flights, subsistence allowance u accommodation) li fiha kienet involuta l-Ministru u fejn japplika s-Segretarju Parlamentari, inkluż l-uffiċjali li marru magħhom, fejn kienet id-destinazzjoni u min akkumpanjahom matul l-2009?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Leg 11 PQ #514 Sitting 436 2012-01-18 Written · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — informazzjoni dwar safar

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa globalment għal kull safra separata (inkluż flights, subsistence allowance u accommodation) li fiha kienet involuta l-Ministru u fejn japplika s-Segretarju Parlamentari, inkluż l-uffiċjali li marru magħhom, fejn kienet id-destinazzjoni u min akkumpanjahom matul l-2010?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Leg 11 PQ #527 Sitting 436 2012-01-18 Written · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — karozzi mixtrija

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista ta’ karozzi mixtrija mill-Ministeru tagħha u minn dipartimenti, awtoritajiet, entitajiet, aġenziji eċċ li jaqgħu taħtha mill-2008 sal-2011 għal uffiċjali fil-gradi ta’ chairpersons, diretturi ġenerali, kapijiet eżekuttivi u diretturi? Tista' tgħid x’mudell kienet kull karozza? Tista' tgħid x’kienet l-ispiża fuq kull karozza? Tista' tgħid f’liema grad kienu l-uffiċjali li għalihom inxtrat kull karozza? Tista' tgħid kemm kienet l-ispiża tal-fuel fuq kull waħda minn dawn il-karozzi, sena b’sena b’mod separat?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #30902 Sitting 436 2012-01-18 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għarb, Għawdex — Wied tal-Blajjiet - drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li s-sezzjoni tad-drenaġġ fi ħdan il-Ministeru sal-lum ma ħadet l-ebda azzjoni biex id-drenaġġ li hemm ħiereġ qabel il-pumpung station fil-Wied tal-Blajjet, limiti tal-Wied il-Mielaħ fl-Għarb, Għawdex ma jkomplix ħiereġ barra? Ma taħsibx l-Ministru li inazzjoni bħal din tmur kontra kull dikjarazzjoni li Għawdex hija gzira ekoloġika?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Filwaqt li ninforma l-Onorevoli Interpellant li s-sistema tad-drenaġġ taqa' fir-responsabilità tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, ninsab infurmata li l-ħsara fil-post imsemmi kienet ikkaġunata mix-xita qawwija li kellna riċentement u li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħadet l-azzjoni meħtieġa.
Leg 11 PQ #30904 Sitting 436 2012-01-18 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Ħsara fit-triq tax-xlendi minħabba l-maltemp

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hi stmata li tiswa l-ħsara fit-Triq tax-Xlendi minħabba l-maltemp ta' din il-ġimgħa? Min sejjer iħallas għal din l-ispiża? Meta se tissewwa din it-triq? X'inhi r-raġuni li l-Wied tax-Xlendi ma tranġax qabel ma saru x-xogħlijiet fuq din it-triq?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet ta' tiswija tat-triq tax-Xlendi qegħdin isiru mill-kuntrattur għas-spejjeż tiegħu peress li x-xogħol għadu taħt il-garanzija. Ninforma l-Onor. Interpellant li din il-parti tal-wied ma kinitx tifforma parti mill-kuntratt tax-xogħlijiet.
Leg 11 PQ #31074 Sitting 436 2012-01-18 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — xogħol ta' back office

Question

Tista l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema fil-Ministeru u dipartimenti u uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha jagħmlu xogħol ta' back office?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li n-numru ta' ħaddiema fil-Ministeru, id-direttorati u uffiċini kollha li jaqgħu taħtu u li jagħmlu x-xogħol ta' back office huwa 100.
Leg 11 PQ #30900 Sitting 434 2011-12-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Għarb - Xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk fl-Għarb, Għawdex, il-Ministeru tagħha hux qed jagħmel xi xogħlijiet?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-Ministeru għal Għawdex qiegħed jagħmel xogħol fil-konfini tal-Għarb.
Leg 11 PQ #30852 Sitting 433 2011-12-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Ħlasijiet ta' kuntratti

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25700, tista' l-Ministru taġġorna l-figuri mogħtija għal dik il-mistoqsija u tgħid kemm tħallsu sal-lum fuq kull kuntratt u kemm hemm flus kommessi għall-ħlas u għadhom ma tħallsux fuq kull kuntratt?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #30972 Sitting 433 2011-12-12 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

O level tal-Home Economics — studenti b'diżabilità

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 24686 u 26342 kif ukoll b'referenza għall-email li ġiet iċċirkulata lil diversi membri parlamentari fosthom il-Ministru minn omm tifla b'diżabiltà li trid tagħmel l-eżami tal-home economics u li minħabba problemi ta' aċċessbiltà din it-tifla qed tiġi diskriminata, tista' l-Ministru tgħid għaliex din it-tifla qed tiġi trattata b'dan il-mod u tara li din it-tifla jingħatawlha d-drittijiet tagħha?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-iskola Sekondarja Bniet fil-Kulleġġ ta’ Għawdex qiegħda tipprovdi: · LSA ‘full-time’ ‘one-to-one’ mal-istudenta konċernata. F’dawk il-jiem meta l-istudenta tkun assenti, din l-LSA ssegwi l-lezzjonijiet, tieħu nota tagħhom, sabiex imbagħad tkun tista’ tgħaddihom lill-istudenta fil- withdrawal sessions ; · Aċċessibilità sħiħa permezz tal-lift għall-klassijiet, għal-laboratorju, għas-swali u għall-grawnds li jinsabu mifruxin madwar l-iskola; · ‘Food Lab’ fejn l-istudenta għandha aċċessibilità għall-bank li fih jista’ jidħol il- wheelchair. Fuq dan il-bank, l-istudenta tagħmel xogħlijiet prattiċi bħal tqaxxir u tqattigħ ta’ ħxejjex tal-borma u frott. Dan il-bank jonqsu biss sink u table cooker . Il-Fondazzjoni tal-Iskejjel ta’ Għada flimkien mad- Dipartiment li jipprovdi Servizzi għall-Istudenti jinsabu f’kuntatt ma’ uffiċċjal mill-KNPD sabiex ikunu ggwidati dwar possibilitajiet oħra rigward aċċessibilità u sabiex dawn jiġu implimentati fl-iskola msemmija. Qed nirreferi għall-bank li fih jinkludi sink u table cooker ; · Kenn regolari kull meta l-omm tal-istudenta twassal lil bintha kmieni l-iskola, ħafna drabi siegħa jew tliet kwarti qabel jibdew il-lezzjonijiet.
Leg 11 PQ #30849 Sitting 430 2011-12-09 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

proċessi, sistemi u metodi ta’ irrigazzjoni ta’ prodotti agrikoli

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’sar s’issa dwar l-aħjar proċessi, sistemi u metodi ta’ irrigazzjoni ta’ prodotti agrikoli? Saru xi rakkmandazzjonijiet s’issa dwar dan il-proġett? Kemm intnefqu flus fl-2010 u s’issa din is-sena fuq dan il-proġett? X’inhu ppjanat u programmat li jsir fl-2012 u fl-2013 mill-Ministeru tagħha fuq dan il-proġett? X’inhi n-nefqa stmata għal kull sena 2012-2013?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Filwaqt li nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija 25861 ninsab infurmata li ġiet ippubblikata, ngħatat l-offerta u qiegħda ssir l-istallazzjoni ta' sistemi ta' irrigazzjoni komputeriżżata għall-Farm tal-Gvern b'valur ta' €63,514.43 li tkopri l-apparat u n-network ta' irrigazzjoni madwar il-farm li ser iservi biex tkun tista ssir riċerka meħtieġa fil-qasam ta' irrigazzjoni.
Leg 11 PQ #30893 Sitting 430 2011-12-09 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — lista ta' tenders

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista ta' tenders mogħtija fl-2008, 2009, 2010 u bejn Jannar u Novembru 2011 mill-Ministeru, l-aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet, eċċ. li jaqgħu taħtha u li l-valur tagħhom kien ta' iktar minn miljun ewro? Tista' tagħti dettalji ta' x'tenders kienu u lil min ingħataw? Tista' tgħid fuq kemm minnhom tħallas iktar minn kemm kienet l-ispiża oriġinali u kemm kienet id-differenza f'kull każ u jagħti r-raġuni għaliex ġara hekk f'kull każ?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #30791 Sitting 429 2011-12-07 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Programm elettorali tal-gvern

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema huma l-miżuri mill-programm elettorali tal-Gvern li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha? Tista’ tgħid liema minnhom twettqu s’ issa? Kemm kienet in-nefqa fuq kull miżura? Tista’ tgħid kemm hu stmat il-valur ta’ kull proġett, programm, eċċ.li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha u għadhom iridu jitwettqu? Liema minn dawn il-programmi, inizjattivi, eċċ. huma/se jkunu ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23165.