Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tal-VAT — files

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni ma għadhomx jiġu impjegati tad-Dipartiment tal-VAT ta ' Malta fl-uffiċini ta' Għawdex biex min ikun irid jara xi file ikun jista' jinqeda f'Għawdex stess mentri issa kulmin irid jara file irid joqgħod imur d-dipartiment f'Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kemm ilu jeżisti d-Dipartiment tal-VAT mill-1995 qatt ma kien hemm files fil-fergħa żgħira li d-dipartiment għandu f’Għawdex. Għaldaqstant il-files ta’ persuni reġistrati Għawdxin minn dejjem kienu jinżammu fil-bini ewlieni tad-Dipartiment tal-VAT f’Malta. Barra minn hekk, id-Dipartiment qatt ma bagħat uffiċċjali tiegħu bil- files ta’ persuni reġistrati f’Għawdex biex il-persuna reġistrata tara l- file tagħha hemmhekk. L-Uffiċċjali tad-Dipartiment tal-VAT imorru Għawdex biex jispezzjonaw in-negozji, bħal per eżempju biex jaraw jekk tinħariġx l-irċevuta fiskali. Dawn imorru wkoll fuq il-post meta jkun hemm ħtieġa li jiġi vverifikat jekk spejjes li dwarhom tkun intalbet il-VAT bħala rifużjoni, ikunux verament intużaw għan-negozju. Fil-każ ta’ investigazzjoni, minħabba ċerti kontrolli, l-Uffiċċjali tal-VAT jitolbu lill-persuna reġistrata sabiex tiġi fid-dipartiment u ġġib id-dokumenti u ‘records’ neċessarji.

qtugħ tad-dawl u l-ilma minn kumpaniji

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15899 u jgħid kemm-il kumpanija responsabbli mill-provvista tad-dawl u l-ilma bagħtet lill-ħaddiema tagħha biex jaqtgħu d-dawl jew l-ilma lil residenti partikolari wara li dawn ikunu naqsu milli jħallsu l-kont tad-dawl u l-ilma bejn Jannar u Diċembru 2009?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15899.

Selmun Palace Hotel

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Gvern għandux ħsieb li s-Selmun Palace Hotel terġa' titqiegħed mill-ġdid għall-bejgħ, jew le? Kif qed jiġi assigurat li din il-lukanda tkompli topera sew sakemm għadha qed titmexxa kif inhi bħalissa?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20178

One time payment subsidy

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għax persuna anzjana tinsab tgħix ma' wieħed minn uliedha u ħadet €16 energy benefit, il-familja nnifisha ġew mċaħħdin mill-one time payment subsidy ta' €150 kif imniżżel fil-Budget 2009?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kif tħabbar fil-Baġit għal din is-sena, dan il-kumpens ingħata lil dawk il-familji kollha li ma kkunsmawx aktar minn 10,000 unit ta’ elettriku f’sena u li ma jirċevux il-benefiċċju tal-enerġija. B’dan il-mod, il-gvern qiegħed jgħin lil 97% tal-familji Maltin u Għawdxin. Għandu jkun iċċarat ukoll li: a) li l- energy benefit ma jintbagħatx dabra biss u għalhekk possibbilment li din il-persuna tirċievi ammont ogħla matul is-sena. b) Din l- allowance ma kinitx rata fissa ta’ €150. Dan l-allowance ngħatat skont id-daqs tal-familja. Kull familja ngħatat €30 u magħha żdiedu €25 għal kull persuna li hemm fid-dar. Din fissret għajnuna ta’ €11-il miljun.

Korporazzjoni Enemalta u d-Dipartiment tal-Kuntratti — screening dwar każijiet ta’ korruzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18818, 18525, 18188, 17942 u 17579 u jgħid xi screening u verifiki saru mill-Korporazzjoni Enemalta u d-Dipartiment tal-Kuntratti dwar każijiet ta’ korruzzjoni u professional misconduct li kienu involuti fihom is-sub-contractors Warstila, ABB u Siemens li se jipprovdu partijiet mill-impjant li l-BWSC ingħatat il-kuntratt biex tipprovdi bħala estensjoni tal-power station f’Delimara?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni se tingħata f'seduta oħra.

Korporazzjoni Enemalta u d-Dipartiment tal-Kuntratti — screening dwar każijiet ta’ korruzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18818, 18525, 18188, 17942 u 17579 u jgħid xi screening u verifiki saru mill-Korporazzjoni Enemalta u d-Dipartiment tal-Kuntratti dwar każijiet ta’ korruzzjoni u professional misconduct li kienu involuti fihom is-sub-contractors Warstila, ABB u Siemens li se jipprovdu partijiet mill-impjant li l-BWSC ingħatat il-kuntratt biex tipprovdi bħala estensjoni tal-power station f’Delimara?

Response (FENECH, TONIO)

Nireferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21656

Budget għall-isport

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-budget għall-isport bħala persentaġġ tal-budget tal-gvern għal dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Arms Ltd — uffiċċji

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19505 f'dik il-parti tar-risposta li titkellem dwar il-ftuħ ta' uffiċċji ta' Arms Ltd fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar ta' Malta, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn hu mistenni li jinfetħu dawn l-uffiċċji, u meta se jinfetħu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-parti tar-risposta ta’ PQ19505 li għaliha qiegħed jirreferi l-Onorevoli Interpellant tirrigwarda l-ftuħ ta’ Customer Care Centre f’Gattard House l-Blata l-Bajda. Il-preparamenti biex tinfetaħ din il-facilità huma għaddejjin. Fir-rigward tal-uffiċji f’lokalitajiet oħra, l-Arms tinsab fil-fażi li tidentifika l-lokalitajiet u faċilitajiet li jkunu adatti għal dan il-għan u wara li jsir dan tkun tista’ tittieħed deċiżjoni dwar il-vijabbiltà ta’ l-implimentazzjoni jew le ta’ din l-inizjattiva.

Arms Ltd — ittri mhux iffirmati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19937 u jgħid x’ inhi l-fehma tiegħu dwar l-ittri legali mhux iffirmati li Arms Ltd. qed tibgħat lil konsumaturi? Jista’ jgħid min iddetermina l-ħlas addizzjonali ta’ €12? Din koperta mil-leġislazzjoni relatata dwar tariffi tad-dawl u ilma? Xi tkopri din it-tariffa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi hija prassi normali, li tintuża anke mid-Dipartimenti tat-Taxxa li jintbagħtu ittri ta’ twissija għal min ma jħallasx, fejn il-konsumatur ikun infurmat mill-proċess legali li jsegwi f’każ li dan jibqa’ ma jirregolarizzax is-sitwazzjoni tiegħu. Madankollu, din l-ittra, intbagħtet mill-ARMS b’mod awtomizzat mingħajr verifiki interni minn qabel. Dan wassal biex ir-referenza għal ħlas addizzjonali saret b’mod prematur. Ittieħdet azzjoni immedjata biex dan ikun rimedjat.

Malta Developers Association

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19938 u ċioe: Ftit jiem ilu il-President tal-GRTU, li dettalji qed jingħataw separatament, ġie kkwotat li kiteb pubblikament is-segwenti meta kien qed jirreferi għal persuni li waqqfu l-Malta Developers Association: "These are the same people who only a few years ago basked under the tax amnesty awarded to them by Minister Tonio Fenech. Many in the hall that applauded benefitted from this greatest money laundering exercise of hundreds of millions of tax evaded moneys." Jista' l-Ministru jgħid x’ inhuma l-kummenti dwar din l-allegazzjoni fejn jissemma hu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ma jidhirlix li għandi nikkummenta dwar rimarki mgħoddija minn individwi.

Dar Malta fi Brussell — kiri ta' spazju

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19288, jista' l-Ministru jgħid kemm qed idaħħal il-gvern komplessivament (mhux separatament) mill-kiri ta' spazju f'Dar Malta fi Brussell mit-tlett kumpaniji li semma' hu stess fit-tweġiba? Min hi u kif ġiet magħżula l-aġenzija li aġixxiet bħala go-between bejn il-Gvern Malti u dawn il-kumpaniji fin-negozjati għal kiri ta' spazju f'Dar Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba se tingħata f’seduta oħra.

Reconstruction of part of Xlendi Road

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tender Nru CT 2633/2009 - Reconstruction of part of Xlendi Road , Xlendi? Jista’ jpoġġi ukoll kopja tal-kuntratt li sar mal-kuntrattur għall-għoti ta’ dan it-tender?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi kopja tat-tender CT 2633/2009 kif mitlub. Kopja tal-kuntratt li ġie iffirmat ma jistax jiġi ppublikat peress li hemm bżonn ta’ l-awtorizzazzjoni tal-parti l-oħra firmatorja tal-kuntratt.

Intrapriżi — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19893 u jgħid kemm kien hemm intrapriżi f’Malta u f'Għawdex separatament fl-aħħar ta’ kull sena mis-sena 2000 sal-2009 u fl-aħħar ta’ Settembru ta' din is-sena u li kienu jħaddmu: i) anqas minn 10 ħaddiema; ii) minn 10 sa 49 ħaddiema; u ii) minn 50 sa 249 ħaddiem?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-istatistika l-aktar riċenti li hija disponibbli għal finijiet ta’ din il-mistoqsija hija dik tal-2009.

Malta Development Corporation u Malta Enterprise — għajnuna lill-kumpaniji

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19892 u jgħid kemm-il kumpanija kienet megħjuna mill-Malta Development Corporation/Malta Enterprise mill-1 ta’ Ottubru 2009 sal-lum biex twaqqaf impriża f’Għawdex? Min huma dawn il-kumpaniji u x’tip ta’ prodott/i jagħmlu? X’investiment sar minn dawn il-kumpaniji f’Għawdex fl-istess perjodu? Kemm investiment minn dan huwa barrani? X’għajnuna tathom l-Malta Development Corporation/ Malta Enterprise u kemm hu l-ammont ta’ din l-għajnuna skond is-sena li ngħatat? Kemm kienu jħaddmu nies meta bdew joperaw meta sar il-ftehim mal-MDC/Malta Enterprise u kemm qed iħaddmu llum? Jista’ l-Ministru jagħti l-istess tagħrif dwar Malta ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi mill-1 ta’ Ottubru 2009 sal-lum twaqqfet kumpanija waħda ġdida li talbet għajnuna mill-Malta Enterprise biex iwaqqaf l-operat tagħha f’Għawdex. Kien hemm ukoll kumpanija oħra li ibbenefikat mill-ERDF Small Start-up Grant scheme, liema kumpanija tkun bdiet l-operat tagħha f’dawn l-aħħar 3 snin. Id-dettalji qed jidhru f’Tabella A li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta’ min jgħid illi fl-istess perjodu twaqqfu seba’ kumpaniji ġodda li talbu għajnuna mill- Malta Enterprise biex iwaqqfu l-operat tagħhom f’Malta, u 23 kumpanija oħra li ibbenefikaw mill-ERDF Small Start-up Grant scheme, liema kumpaniji ikunu bdew l-operat tagħhom f’dawn l-aħħar 3 snin. Id-dettalji qed jidhru f’Tabella B li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Tajjeb li wieħed iżid jgħid illi waħda minn dawn il-kumpaniji hija investiment barrani. Il-pakkett globali ta’ għajnuna mogħti mill-Malta Enterprise jinkludi art u propjetà, u Start-up Grants li jammontaw għal total €1.6 mijun. Dettalji dwar l-għajnuna u investiment huma ta’ natura kunfidenzjali u koperta bis-sigretazza taħt Kap. 33 tal- Business Promotion Act u Kap. 21 tal- Malta Enterprise Act . Rigward l-impjieg, il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministru responsabbli mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ.

Tenders Committee — tenders pendenti li għadhom iridu jiġu ppublikati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tenders pendenti li għadhom iridu jiġu ppublikati u li jinsabu quddiem it-Tenders Committee fi ħdan il-Lands Department?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-Tenders Committee għandu quddiemu103 talbiet pendenti li qegħdin jiġu proċessati sabiex jinħarġu għat-tenders. 4 minn dawn it-talbiet huma lesti sabiex jiġu ppublikati filwaqt li l-kumplament qegħdin fi stadju ta’ rakommandazzjoni biex jinħarġu l-offerti jew qed jistennew li tinġabar l-informazzjoni mitluba mill-istess Kumitat qabel ma tittieħed deċiżjoni għall-ħruġ tal-offerti.

Arms Limited — pakkett finanzjarju tal-Kap Eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tal-pakkett finanzjarju li għandu l-Kap Eżekuttiv tal-Arms Limited?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-dettalji tal-pakkett finanzjarju huma dawn: Il-pakkett finanzjarju tal-Kap Eżekuttiv tal-ARMS Ltd. jikkonsisti f’kuntratt definit ta’ ħames snin, b’salarju ta’ €65,223 u allowance ta’ €4,669 fis-sena, kif ukoll performance bonus ta’ 15%. Il-kuntratt ikopri ukoll spejjeż ta’ telefonija kif ukoll assigurazzjoni u l-użu ta’ karozza tal-kumpanija.

Arms Limited — għażla ta' Kap eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Arms Limited kienx magħżul wara sejħa pubblika? Jekk fl-affermattiv, jista’ l-Ministru jgħid meta ġie ppubblikat l-avviż u kemm applikaw għal din il-kariga? Jekk fin-negattiv, jista’ l-Ministru jgħid kif saret l-għażla finali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-kariga ta’ CEO hi pożizzjoni ta’ fiduċja (position of trust) u li għaldaqstant mhux obbligu li l-għażla ssir wara sejħa pubblika. F’dan il-każ il-kuntratt ma jkunx wieħed indefinit.

Arms Ltd — Kap Eżekuttiv tal-kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-persuna appuntata bħala Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Arms Ltd. qatt ma kienet applikat għal dan il-post vakanti? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Contract of Service tal-persuna appuntata?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20366.

WSC — sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandhiex indikazzjoni dwar x'kapaċità għad fadlilha s-sistema tad-drenaġġ biex tkun tista' taqdi l-ħtiġijiet tar-residenti li hu mistenni li jibdew jokkupaw l-propjetajiet li sal-lum għadhom mhux okkupati fl-inħawi tal-Qawra, Buġibba, Burmarrad, Wardija, Xemxija u San Pawl il-Baħar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi s-sistema tad-drenaġġ għandha kapacità biex taqdi il-ħteġijiet ta’ residenti li jistgħu jokkupaw l-propjetajiet fl-inħawi tal-Qawra, Buġibba, Burmarrad, Wardija, Xemxija u San Pawl il-Baħar kif tlaħħaq matul is-sajf meta jiżdiedu n-numru ta’ residenti u turisti f’dawn l-inħawi. Il-problema fis-sistema tad-drenaġġ f’dawn l-inħawi u f’postijiet oħra f’Malta u Għawdex ġejja min-numru kbir ta’ propjetajiet li għandhom is-sistema tal-ġbir tal-ilma tax-xita mil-bjut mqabbda direttament u illegalment mas-sistema tad-drenaġġ.

San Pawl il-Baħar — Triq il-Pwales - sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru, permezz tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jinvestiga jekk is-sistema tad-drenaġġ fi Triq il-Pwales, San Pawl il-Baħar għandhiex xi ħsara partikolari li qed twassal għal għargħar speċjalment meta tkun nieżla ix-xita?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi s-sistema tad-drenaġġ fi Triq il-Pwales, San Pawl il-Baħar m'għandha l-ebda ħsara. Il-problema ġejja minn numru kbir ta’ propjetajiet f’San Pawl il-Baħar, Xemxija, Buġibba u l-Qawra li għandhom is-sistema tal-ġbir tal-ilma tax-xita mil-bjut mqabbda direttament u illegalment mas-sistema tad-drenaġġ.