Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #31838 Sitting 445 2012-02-14 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Xewkija - xogħol fiċ-Ċimiterju Santa Marija

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq l-estensjoni taċ-Ċimiterju Santa Marija tax-Xewkija wara li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar approvat l-estensjoni tal-istess ċimiterju? Tista' tagħti tagħrif dwar kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal xiri ta' oqbra f'dan iċ-ċimiterju u meta hu mistenni li jsiru l-kuntratti tax-xiri?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol fuq l-estensjoni hu mistenni li jibda wara li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Finanzi biex tkun tista' tinħareġ l-offerta għax-xogħlijiet u jsiru l-kuntratti. It-talbiet pendenti jammontaw għal 278. Il-kuntratti ser isiru wara li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Finanzi.
Leg 11 PQ #31842 Sitting 445 2012-02-14 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Rabat - manutenzjoni fuq it-toroq

Question

Peress li Triq Dawwara, Triq Pjazzetta tat-Tomba u Triq il-Wied fir-Rabat Għawdex huma fi stat diżastruż ħafna u għandhom bżonn ta' manutenzjoni urġenti, tista' l-Ministru tara li x-xogħlijiet isiru?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-manutenzjoni fuq dawn it-toroq saret meta kien possibli minħabba x-xita kontinwa u se tkompli ssir hekk kif it-temp jippermetti inkluż bil-kisi ta' parti minn dawn it-toroq bil-hot asphalt.
Leg 11 PQ #31063 Sitting 444 2012-02-13 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Hop-on, Hop-off buses

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta u kif se jiġu regolati l-assedji fuq it-turisti hekk kif jirfsu ċ-Ċirkewwa mill-ħaddiema taż-żewġ operaturi tal-Hop-on, Hop-off buses f'Għawdex peress li dan li qed jiġri huwa konformi mal-liġi tal-fair competition, meta tqis li setturi oħra li huma suġġetti li jaħdmu biss fil-konfini tal-gżira Għawdxija u xogħolhom qed jiġi meħud qabel ma t-turisti jaslu f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #31740 Sitting 444 2012-02-13 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Rabat - probelma ta' ilma li jidħol mis-saqaf tal-kumpless sportiv

Question

Peress li l-għadd tal-voti tal-kunsilli lokali se jsir fil-kumpless sportiv tar-Rabat, Għawdex u mis-saqaf tal-kumpless jidħol l-ilma, u fil-fatt diġà hemm problema dwar dan, u jekk tinzerta x-xita se jidħol l-ilma mis-saqaf u se jkun ta' inkonvenjent għal dawk kollha li se jkunu qed jaħdmu hemm bħalma huwa ta' inkonvenjent għal dawk kollha li jaħdmu hemm normalment, tista' l-Ministru tara li ssir il-manutenzjoni meħtieġa?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li nħarġet offerta għall-manutenzjoni tas-Saqaf tal-Kumpless Sportiv li għandha twassal sabiex sal-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali fl-10 ta' Marzu tkun tlestiet il-manutenzjoni meħtieġa.
Leg 11 PQ #31751 Sitting 444 2012-02-13 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

tkabbir ta' siġar u pjanti ta' valur ġenetiku

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għal mistaqsijiet parlamentari 30436 u 30940, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Medja tal-Kamra kopja tal-abbozz tal-ftehim relattiv?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Il-ftehim jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif ikun iffirmat.
Leg 11 PQ #31753 Sitting 444 2012-02-13 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Ħsara fit-triq tax-xlendi minħabba l-maltemp

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 30904, tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li sar dwar il-ħsarat li saru fit-Triq tax-Xlendi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li saru spezzjonijiet fuq il-post fil-preżenza tal-kuntrattur u s-supervisor tax-xogħlijiet fejn ġiet stabilita l-kawża tal-ħsara. Il-kuntrattur assuma r-responsabbiltà tal-ħsara u qed jirranġa l-ħsarat għas-spejjeż tiegħu.
Leg 11 PQ #31754 Sitting 444 2012-02-13 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — pjan biex titkabbar il-kapaċità ta’ ħażna tal-ilma fil-widien

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarux xi studji jew hemmx xi pjan biex titkabbar il-kapaċità tal-ħażna tal-ilma fil-widien f’Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li ser jitkompla xogħol ta' tindif ta' lqugħ tal-ilma biex kemm jista' jkun jiġi rkuprat il-volum oriġinali u li sa issa huwa ppjanat li tiżdied il-ħażna tal-ilma iżda mhux fil-widien.
Leg 11 PQ #31782 Sitting 444 2012-02-13 Oral · Final From: JESMOND MUGLIETT To: Ministeru għal Għawdex

Eko-Għawdex u Żvilupp Reġjonali — kwalifiki tal-uffiċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ilu mwaqqaf id-dipartiment Eko Għawdex u Żvilupp Reġjonali? Min hu l-Kap tiegħu? Xi kwalifiki għandhom l-uffiċjali responsabbli fuq materji ta' żvilupp sostenibbli?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li d-Direttorat imsemmi ilu mwaqqaf minn Lulju tal-2010. Il-kap tiegħu huwa Anthony Zammit. Il-kwalifiċi tal-uffiċjali responsabbli fuq materji ta' żvilupp sostenibbli jinkludu kwalifiċi f'livelli ta' Baċellerat u Masters fil-Bijoloġija, Kimika, Ġografija u Inġinerija.
Leg 11 PQ #31336 Sitting 442 2012-02-06 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

studenti u ħaddiema Għawdxin li gawdew minn skema ta' sussidju

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm studenti u ħaddiema Għawdxin separatament ibbenefikaw kull sena mill-1999 sal-2011 mill-iskema ta’ sussidju għal studenti u ħaddiema Għawdxin? Tista’ tgħid kemm tħallsu kull sena l-istudenti u l-ħaddiema separatament? Tista’ tgħid l-istudenti liema istituzzjoni edukattiva kienu jattendu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #31337 Sitting 442 2012-02-06 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

skema ta’ sussidju għal akkomodazzjoni f’Malta

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm studenti Għawdxin bbenefikaw kull sena mill-1999 sal-2011 mill-iskema ta’ sussidju għal akkomodazzjoni f’Malta? Tista’ tgħid kemm tħallsu kull sena dawn l-istudenti?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 31336.
Leg 11 PQ #31408 Sitting 442 2012-02-06 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali ta' Għawdex — buzzers mhux jiffunzjonaw

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-buzzers fuq is-sodod fil-male ward fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex mhumiex jiffunzjonaw? Ma tarax il-Ministru li dawn huma essenzjali għall-pazjenti?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li s-sistema ta' nursecall fis-Sala tal-Irġiel qiegħda tiffunzjona kif suppost wara li l-ħsarat li ġarrbet ġew indirizzati.
Leg 11 PQ #31496 Sitting 442 2012-02-06 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — sezzjoni mentali - long stay wards - central heating

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li long stay wards fis-sezzjoni mentali fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex huma mingħajr central heating? Meta se jerġa' jibda jiffunzjona is-central heating fl-istess swali?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li ma jirriżultax li l-long stay wards fis-sessjoni mentali fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex huma mingħajr central heating.
Leg 11 PQ #31574 Sitting 442 2012-02-06 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

informazzjoni dwar il-Homestart

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li ġie ffirmat mill-Ministeru dwar il-Homestart?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #31324 Sitting 440 2012-01-26 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — informazzjoni dwar il-widien

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm widien f’Għawdex? Tista’ tgħid kemm hemm widien li għandhom ilqugħ għall-ilma fihom? Tista’ jgħid kemm hu l-volum tal-ilma li kapaċi jilqa’ u jaħżen kull wied li għandu l-ilqugħ?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li fost id-diversi widien f'Għawdex hemm uħud minnhom li fihom ilqugħ tal-ilma, wieħed jew aktar b'total ta' madwar 32 ilqugħ. L-aktar widien importanti li fihom ilqugħ tal-ilma huma: (i) Wied Sara (ii) Wied ta' Marsalforn (iii) Wied ta' Żejta (iv) Wied l-Infern (v) Wied tax-Xlendi (vi) Wied li jagħti għar-Ramla (vii) Wied tal-Ort (viii) Wied tal-Grazzja. Ninsab infurmata wkoll li hu diffiċli li wieħed jiddetermina eżatt il-volum ta' kull ilqugħ għax dan jiddependi mill-materjal li jkun inġarr mal-ilma u nġabar ġo kull wied, iżda fil-każ ta' dawk il-widien li tnaddfu fl-aħħar sentejn il-ħażna tal-ilma f'dawn il-widien żdiedet bi 43,000,000 (miljun) litru ta' ilma.
Leg 11 PQ #31325 Sitting 440 2012-01-26 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — ħażna tal-ilma fil-widien

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk sarux xi studji jew hemmx xi pjan biex titkabbar il-kapaċità ta’ ħażna tal-ilma fil-widien f’Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li r-ritmu ta' tindif tal-widien li nbeda f'dawn l-aħħar sentejn huwa ppjanat li jitkompla anke din is-sena fejn hu maħsub li jitnaddfu aktar widien li fihom ilqugħ tal-ilma biex b'hekk tiżdied il-ħażna tal-ilma fil-widien f'Għawdex. Ninsab infurmata wkoll li peress li l-widien huma żoni ekoloġikament sensittivi, ikun diffiċli li l-ħażna fil-widien tiżdied b'ilqugħ ġodda. Minkejja dan, il-Ministeru għal Għawdex għaddej b'ħidma biex titkabbar il-kapaċità ta' ħażna tal-ilma fil-gżira permezz ta' numru ta' proġetti, fosthom il-proġett ta' Water Stewardship li għalih il-Ministeru għal Għawdex irnexxilu jirbaħ finanzjament ta' 800,000 Dollaru Amerikan minn kumpanija multinazzjonali.
Leg 11 PQ #31319 Sitting 439 2012-01-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

returns dwar il-Vot kapitali tal-Ministeru

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-returns dwar il-Vot Kapitali tal-Ministeru tagħha li ntbagħtu lill-Budget Office fil-Ministeru tal-Finanzi għal Diċembru 2010, għal Novembru 2011 u għal Diċembru 2011?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għar-returns dwar il-Vot Kapitali għal Diċembru 2010 u għal Diċembru 2011 hija kif murija fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. L-informazzjoni għax-xahar ta' Novembru 2011 hija preżentata ma' dik ta' Diċembru 2011.
Leg 11 PQ #31389 Sitting 439 2012-01-25 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — rosters

Question

Tista' l-Ministru tgħid min hu nkarigat mill-ħruġ tar-rosters fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex kull sezzjoni, ward u dipartiment separatament?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li r-rosters huma fir-responsabilità tal-Amministrazzjoni tal-Isptar. Fil-każ ta' wards minn Nursing Manager, fil-każ ta' support sections/departments mill-Lay Hospital Administrator u fil-każ ta' sezzjonijiet Mediċi mill-Medical Administrator. Ir-rosters proposti jiġu kkunsidrati għall-approvazzjoni jew xort'oħra mid-Direttur tal-Customer Services.
Leg 11 PQ #31453 Sitting 439 2012-01-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Eko-Għawdex — għotjiet u benefiċjarji

Question

Tista' l-Ministru telenka kull għotja u l-benefċjarju taħt l-iskema Eko-Għawdex mill-2008 'l hawn u tagħti spjega għal kull għotja? Kemm kienu l-flus ivvotati għal Eko-Għawdex tul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba dwar benefiċjarji taħt id-diversi skemi maħruġa taħt Eko-Għawdex. Jiena nfurmata wkoll li fl-aħħar ħames snin, l-allokazzjoni kienet kif ġej: 2008 €0 2009 €200,000 2010 €5,000,000 2011 €6,000,000 2012 €4,000,000.
Leg 11 PQ #30940 Sitting 437 2012-01-23 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

tkabbir ta' siġar u pjanti ta' valur ġenetiku

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għal mistaqsija parlamentari 30436, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministereu tagħha għandux imsieħba miegħu fil-proġett ta’ Ċentru Mediterranju fir-Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni fil-Farm Sperimentali fix-Xewkija? Jekk fl-affermattiv, min huma? Hemm xi ftehim magħhom? Jekk fl-affermattiv, tista’ tpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? Meta mistenni li jitlesta dan il-proġett? Kemm hu stmat li se jiswa? Se jkun finanzjat minn Fondi Ewropej?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-proġett ta' Ċentru Mediterranju fir-Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni fil-Farm Sperimentali fix-Xewkija ser isir bi sħab mal-Università ta' Malta u li sar l-abbozz tal-ftehim relatat. Jiena nfurmata wkoll li l-proġett ma huwiex għal terminu ta' żmien fiss iżda mistenni li jkun proġett on-going u li l-ispiża kapitali inizjali għal dan iċ-ċentru hija stmata madwar miljun ewro mill-fondi ta' Eko-Għawdex.
Leg 11 PQ #31046 Sitting 437 2012-01-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — nefqa globali fuq mobile phones

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 30640, tista' l-Ministru tgħid min huma l-persuni li għandhom mobile?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.