Legislature:
Category:
Reset
Active:

Micro-enterprise park fix-Xewkija Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar din is-sena sal-lum biex jitwaqqaf micro-enterprise park fix-Xewkija Għawdex? Kemm flus pubbliċi/ewropej intnefqu din is-sena fuq dan il-proġett?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għall-proġett tal-micro enterprise park tax-Xewkija saru pjanti ġodda, kif ukoll hemm għaddejjin diskussjonijiet mal-MEPA dwar il-permessi meħtieġa. Tħallas l-ammont ta' €22,500 (VAT eskluż) għal disinji taż-żona Tal-Barmil minn fondi lokali.

Applikazzjonijiet minn self-employed, intrapriżi u sole traders f'Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm s’issa applikazzjonijiet minn self-employed, intrapriżi u sole traders f’Għawdex biex jagħmlu investiment ġdid taħt l-iskema ta’ 60% kreditu ta’ taxxa? Jista’ jgħid jekk l-applikazzjoni biex wieħed jibbenefika minn din l-iskema għandhiex issir qabel isir l-investiment? Jista’ jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet minn Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din l-informazzjoni diġà kienet irrappurtata f’mistoqsijiet parlamentari 19905 u 19906 rispettivament.

Replacement ta' meters

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien s'issa n-numru ta' smart metres li twaħħlu f'Malta u f'Għawdex? Kemm minn dawn l-meters kienu meters ġodda u kemm kienu replacements ta' meters qodma?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li n-numru ta’ meters tad-dawl (smart meters) li twaħħlu f’Malta u Għawdex s’issa huwa ta’ 35,229. Minn dawn il- meters, kien hemm 1031 minnhom li kienu installati ġodda u l-kumplament ta’ 34,198 kienu replacements ta’ meters qodma .

Mellieħa u Xewkija Għawdex — Micro Enterprises Parks

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-iżvilupp ta' żewġ Micro Enterprises Parks ġewwa l-Mellieħa u x-Xewkija Għawdex?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 19904.

Upgrading f'Żoni Industrijali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie investit matul din is-sena minn Jannar sal-aħħar ta' Settembru 2010 f'upgrading ta' Żoni Industrijali? Liema kienu dawn iż-żoni u x'xogħlijiet saru fihom u kemm kien iqum ix-xoghol li sar fihom f'kull każ?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn Jannar sa l-aħħar ta’ Settembru 2010 sar l-investiment muri fl-ewwel tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f’upgrading f’żoni industrijali. Dawn il-figuri ma jinkludix investiment dirett fil-binjiet tal- fabbriki. Fl-aħħar ġimgħat ġew ukoll allokati 7 tenders għal xogħolijiet ta’ upgrading fiż-żoni msemmija fit-tieni tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Bħalissa qed isiru preparamenti u konsultazzjonijiet dwar is-servizzi meħtieġa biex dawn ix-xogħolijiet jibdew mill-aktar fis possibbli.

kuntrabandu li nqabad fil-Freeport

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' kuntrabandu li nqabdu mill-Freeport wara li dawn daħħlu s-sistema ta' x-ray u screening ta' diversi containers b'mod random?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi bejn l-2005 sa 2010 id-Dwana ta’ Malta kellha 86 każ ta’ kuntrabandu ta’ merkanzija ta’ trasbord u 9 każijiet ta’ kuntrabandu ta’merkanzija għal Malta.

Grand Harbour Regeneration Corporation — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra b'mod dettaljat lista ta' direct orders mogħtija mill-Ministeru tiegħu favur tal-Grand Harbour Regeneration Corporation mit-twaqqif tagħha sal-lum, billi f'kull każ jgħid lil min ingħatat id-direct order, kemm kien il-valur ta' kull direct order, għal liema servizz jew xogħol kienet meħtieġa kull direct order? Jista' jgħid x'ġustifikazzjoni kien hemm biex tingħata direct order u jekk kienx hemm il-ħtiega ta' approvazzjoni supplimentari peress li nqabeż il-valur tas-servizz jew tax-xogħol approvat originarjament, filwaqt li jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra b'mod dettaljat lista ta' sejħiet għall-offerti li l-istess Korporazzjoni ppubblikat fl-istess żmien referut permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti? Jista' jgħid f'kull każ x'kien il-valur ta' kull offerta, lil min ġew assenjati l-istess offerti, xi tħallas mill-assenjament tagħhom sal-lum mill-istess Korporazzjoni, kienx hemm ħtiega li tingħata approvazzjoni għal extras and variations f'kull każ, kienx hemm xi appelli għar-rakkmandazzjonijiet magħmula biex jiġu assenjati u f'kull każ jgħid minn min kien magħmul il-bord ta' aġġudikazzjoni ta' kull offerta ppubblikata?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Grand Harbour Regeneration Corporation hija entità fi skeda 3 tar-Regolamenti dwar Kuntratti Publiċi. Għaldaqstant, jekk ikollha ħtieġa ta’ approvazzjonijiet għal direct orders din tirreferihom lill-Ministeru responsabbli minnha u mhux lil Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment. Għall-istess raġuni, din il-korporazzjoni ma tippubblikax sejħiet għall-offerti permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti. Dan l-aħħar saru arranġamenti biex dawn id-dokumenti tat-tenders jiġu miflija mid-Dipartiment tal-Kuntratti qabel jiġu ppubblikati. F’dawn iċ-ċirkostanzi l-onorevoli membru huwa mitlub li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Marina tal-Imġarr Għawdex — kundizzjonijiet ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18893 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk f’xi stadju tal-privatizzazzjoni tal-Marina tal-Imġarr Għawdex itteħdux kunsiderazzjonijiet biex ma jintlaqtux ħażin l-Għawdxin li jużaw il-marina bil-kundizzjonijiet il-ġodda li qed jimponi fuqhom l-operaur magħżul?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi meta kienu se jsiru l-privatizzazzjoni tal-Marinas kien ġie deċiż li l-Boat Owners li kellhom berth jiġu protetti billi jingħatalhom id-dritt li jżommu l-berth. Barra minn hekk l-berthing fees għall-ewwel ħames snin ġew mifthiema u dawn huma dak li hemm fil-Concession Agreement.

Marina tal-Imġarr, Għawdex — kundizzjonijiet iebsa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18892 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastrattura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk fil-proċess tal-privatizzazzjoni tal-Marina tal-Imġarr, Għawdex, Transport Malta jew xi struttura oħra li taqa’ taħtu, ħaditx ħsieb li ma jintlaqtux ħażin l-Għawdxin li jużaw il-marina u li issa li ġiet privatizzata qed jiġu mposti fuqhom kundizzjonijiet iebsa?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19914.

Arms Ltd — uffiċjali legali

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali legali ta’ Arms Ltd li qegħhdin joħorġu l-letters of warning? Dawn kienu jitħallsu? Qegħdin formalment fuq il-payroll tal-kumpanija? Min huwa l-company secretary ta’ Arms Ltd?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tingħata f’seduta oħra.

Arms Ltd — regolatur responsabbli

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huwa r-regolatur responsabbli għall-Arms Ltd? Jista' jgħid jekk sarux xi rapporti min-naħa tiegħu dwar l-operat ta' din l-ażjenda kemm ilha li twaqqfet? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li ġie mħejji minnha?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Malta Resources Authority hija r-regolatur tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma u l-Korporazzjoni Enemalta, għalhekk sussidjarji li jagħmlu xogħol relatat ma’ funzjonijiet regolati minnha jaqgħu taħtha ukoll. Rigward l-mistoqsijiet l-oħra ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19395 u jgħid kemm hemm konsulenti mal-Ministeru tiegħu li jaħdmu minimu ta’ 15-il siegħa fil-ġimgħa u/jew minimu ta’ 60 siegħa fix-xahar? Min huma? X’inhu x-xogħol ta’ konsulenza tagħhom? Kemm jitħallsu u kif - fuq bażi ta’ somma fissa maqbula bil-quddiem, jew fuq bażi ta’ hourly attendance rate? Kemm minnhom huma specifically assignment based u min huma?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

kumpaniji mwaffqa permezz ta' għajnuna finanzjarja

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19889, jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu lkoll flimkien f’għajnuna finanzjarja jew fiskali mill-Malta Enterprise kull sena lill-kumpaniji li twaqqfu f’Għawdex u f’Malta separatament kull sena mill-2004 sal-lum? Jista’ jgħid dawn il-kumpaniji kemm qed iħaddmu nies illum, f’Malta u f’Għawdex separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tingħata f’seduta oħra.

Għawdex — Investiment barrani

Question

B'referenza għat-tweġiba li ta għall-mistoqsija parlamentari 19887 fejn il-Ministru qal li illi minħabba li n-numri ta’ intrapriżi f’Għawdex għall-finijiet ta’ investiment barrani dirett huwa relattivament zgħir, l-NSO hu marbut bil-kunfidenzjalità milli joħroġ dawn l-ammonti, jista’ l-Ministru b’rispett lejn il-Kamra u lejn l-intelliġenza tal-poplu jgħid kemm kien hemm investiment barrani dirett f’Għawdex fl-aħħar tal-2009 u fl-aħħar ta’ Marzu, fl-aħħar ta’ Ġunju u fl-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena, informazzjoni li hu stess kien ta għas-snin ta’ qabel?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi bi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 20351, din hi l-informazzjoni aġġornata li għandna. Iċ-ċifri li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra ġew miġbura għall-finijet tal-Bilanċ tal-Pagamenti u li juru l-pożizzjoni tal-investiment barrani minn entitajiet, intrapriżi, eċċ. li għandhom l-indirizz tagħhom Għawdex. Figuri għal Settembru 2010 għadhom qed jinġabru.

Dħul mill-iskemi tal-amnestija tat-taxxa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul stmat mill-gvern mill-iskemi ta' amnestija tat-taxxa li kienu maħruġa mid-Dipartiment tat-Taxxi matul is-sena li għaddiet u kemm kien l-ammont li rnexxilu jiġbor id-Dipartiment minn dawn l-iskemi?

Response (FENECH, TONIO)

Nippreċiża għal darba oħra li l-Iskema ta’ Tnaqqis fil-Multi u l-Interessi ma kinitx amnestija, minħabba l-fatt li mhux qed tinħafer l-ebda taxxa imma qed ikun hemm biss tnaqqis fil-penali għal min iħallas it-taxxa kollha. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li huwa impossibbli li wieħed jagħmel stima ta’ kemm jista’ jdaħħal minn skema simili minħabba li r-riżultat tagħha jiddependi primarjament mid-deċiżjoni tal-individwi u l-kumpaniji interessati. Id-dħul permezz tal-ewwel fażi tal-iskema kien €42,771,853. It-tieni fażi tal-Iskema tagħlaq fit-30 ta’ Novembru li ġej.

kont tal-elettriku b'qari attwali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba fis-sena suppost li jinħareġ kont tal-elettriku u dan b'qari attwali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-kontijiet ta’ l-elettriku b’qari atwali, jinħarġu hekk kif jsegwi hawn: 1. Għall-konsumaturi kbar bħal dawk industrijali, tal-lukandi, governattivi kif ukoll oħrajn meqjusa large commercial , jinħarġu kontijiet kull xahar għal dawk bl-akbar konsum u għal oħrajn b’inqas konsum, kull xagħrejn jew tliet xhur. 2. Għall-konsumaturi domestiċi, inklużi dawk residenzjali, jinħareġ kont kull sitt xuhur. 3. Għall-konsumaturi żgħar u mhux residenzjali, jinħareġ kont kull sitt xuhur.

Skema tal-Malta Enterprise tal-International Competitivness to Establish New Markets

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus taħt l-iskema tal-Malta Enterprise tal-International Competitiveness to Establish New Markets matul din is-sena li ninsabu fiha minn Jannar sal-aħħar ta' Settembru 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Omorevoli Interpellant li sa llum il-Malta Enterprise irċiviet 3 claims taħt din l-iskema li għadhom qed jiġu proċessati.

Malta Enterprise — grants

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien jammonta l-ammont ta' grants li tat lil-Malta Enterprise għar-riċerka u l-iżvilupp bejn Jannar u Settembru 2010? Min ibbenefika minn dawn il-grants u kemm ħadu separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ grants li tat il-Malta Enterprise matul din is-sena għar-riċerka u l-iżvilupp ammonta għall- €147,301.3. L-assistenza ingħatat lil żewġ kumpaniji. Iżda ismijiet u dettalji ma jistawx jingħataw peress li huma ta’ natura kummerċjalment sensittiva.

Bio Technology Park

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq Bio Technology Park?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara sejħa pubblika għall-offerti, ġew magħżula il-Project Managers u l-periti għall-proġett. Filwaqt li qegħdin jitħejjew il-pjanti dettaljati tal-proġett, tlestew l-istudji kollha mitluba mill-MEPA biex jinħarġu l-permessi għall-iżvilupp li għalihom saru applikazzjonijiet mal-MEPA. Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni mistennija jibdew is-sena d-dieħla.

Kordin Business Incubation Centre — investiment

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-prezent kemm hemm kumpaniji ġewwa Kordin Business Incubation Centre? Kemm kien jammonta l-investiment li sar s'issa bejn Jannar u Settembru 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li fil-preżent hemm 17-il kumpanija ġewwa Kordin Business Incubation Centre kif ukoll 4 Anchor Tenants . L-informazzjoni dwar kemm isir investiment matul is-sena tiġi irrappurtata fl- accounts annwali ta’ kull kumpanija; liema accounts jiġu ppubblikati f’għeluq is-sena fiskali (Diċembru 2010) u għaldaqstant l-informazzjoni għadha mhix aċċesibbli.