Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #536 Sitting 456 2012-03-13 Written · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel — persuni mogħtija sussidju

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm persuni Għawdxin li ngħataw sussidju mill-Gozo Channel minħabba ħtieġa ta' kura ta' mard tal-kancer f'Malta dawn l-aħħar sentejn, kull xahar separatament?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment.
Leg 11 PQ #32656 Sitting 456 2012-03-13 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru għal Għawdex

Żvilupp ekonomiku t'Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx politika reġjonali għall-iżvilupp ekonomiku ta’ Għawdex? Jekk hemm, min fassal u min jaġġorna din il-politika? Meta tfasslet u meta ġiet aġġornata? Min hu responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha? Kemm hemm fondi ivvotatati għal din il-politika għas-sena 2012? Taħt liema vot baġitarju qegħdin? X’inhuma l-punti ewlenin ta’ din il-politika? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument relattiv għal din il-politika?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-oqsma ekonomiċi u soċjali tiġi segwita l-politika nazzjonali tal-Gvern li tiġi aġġornata b'mod kontinwu permezz ukoll ta' konsultazzjoni wiesgħa mal-entitajiet kollha involuti. Dan l-eżerċizzju jseħħ kull sena bil-pre-budget document. F'dan id-dokument wieħed isib ukoll sezzjoni speċifika fuq Għawdex. Barra minn hekk il-Pjan t'Azzjoni ta' Eko-Għawdex 2010-2012 jindirizza l-oqsma ekonomiċi, soċjali, ambjentali u kulturali ta' Għawdex. Dan il-pjan ġie mfassal mill-Ministeru għal Għawdex wara konsultazzjoni pubblika fl-2009. L-implimentazzjoni tiegħu hija responsabbiltà tal-istess Ministeru.
Leg 11 PQ #32658 Sitting 456 2012-03-13 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru għal Għawdex

Politika reġjonali għall-iżvilupp soċjali t'Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx politika reġjonali għall-iżvilupp soċjali ta’ Għawdex? Jekk hemm, min fassal u min jaġġorna din il-politika? Meta tfasslet u meta ġiet aġġornata? Min hu responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha? Kemm hemm fondi ivvotatati għal din il-politika għas-sena 2012? Taħt liema vot baġitarju qegħdin? X’inhuma l-punti ewlenin ta’ din il-politika? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument relattiv għal din il-politika?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta ta' Mistoqsija Parlamentari Numru 32656.
Leg 11 PQ #32660 Sitting 456 2012-03-13 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru għal Għawdex

Politika reġjonali għall-iżvilupp tas-settur turistiku

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx politika reġjonali għall-iżvilupp tas-settur turistiku ta’ Għawdex? Jekk hemm, min fassal u min jaġġorna din il-politika? Meta tfasslet u meta ġiet aġġornata? Min hu responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha? Kemm hemm fondi ivvotatati għal din il-politika għas-sena 2012? Taħt liema vot baġitarju qegħdin? X’inhuma l-punti ewlenin ta’ din il-politika? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument relattiv għal din il-politika?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Intrepellant li f'dan is-settur tiġi segwita l-politika nazzjonali tal-Gvern li tiġi aġġornata b'mod kontinwu permezz anki ta' konsultazzjoni mal-entitajiet kollha nvoluti. Għal dan l-iskop nixtieq nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-politika nazzjonali tat-Turiżmu li nħarġet għall-konsultazzjoni fil-ġimgħat li għaddew u li fiha sezzjoni dwar Għawdex. Barra minn hekk il-Pjan t'Azzjoni Eko-Għawdex 2010-2012 jindirizza wkoll il-qasam turistiku. Dan il-pjan ġie mfassal mill-Ministeru għal Għawdex wara konsultazzjoni pubblika fl-2009. L-implimentazzjoni tiegħu hija responsabbiltà tal-istess Ministeru.
Leg 11 PQ #32709 Sitting 456 2012-03-13 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Sptar Ġenerali - manutenzjoni u tiswija fuq aparat u magni

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'manutenzjoni u tiswija saret fuq magni u apparat tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex f'dawn l-aħħar sentejn? X'magna jew apparat hu? F'liema dipartiment, x'kienet is-sena tal-manifattura, tip ta' manutenzjoni jew tiswija saret, min għamilha u kemm swiet?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tiġi ppreżentata fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #32410 Sitting 455 2012-03-07 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — impjegati self employed

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm persuni li huma self-employed u li qed jaħdmu fil-Ministeru jew fid-dipartiment jew f'xi entità oħra li taqa' taħt ir-responsabbiltà politika tagħha? X’inhu x-xogħol li dawn il-persuni qed jagħmlu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #32455 Sitting 455 2012-03-07 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Xewkija — skola li tintuża bħala uffiċini

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 31819 dwar ix-xogħlijiet li kellhom isiru fuq parti mill-iskola tax-Xewkija biex tintuża bħala uffiċini relatati ma' back office fejn qalet li bħalissa qed jiġu stallati l-elettriku u s-soffitti u li nħarġet offerta għax-xiri ta' għamara għal dawn l-uffiċċji, tista’ l-Ministru tgħid meta mistennija li jitlestew dawn ix-xogħlijiet?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet imsemmija mistennija jitlestew dan ix-xahar.
Leg 11 PQ #32457 Sitting 455 2012-03-07 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — xogħol u titjib tal-ħiliet tar-riżorsi umani

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29391 dwar ir-rapport li kien ġie kkummissjonat biex janalizza s-sitwazzjoni preżenti u jagħti pariri dwar strateġija marbuta mal-ħolqien tax-xogħol u t-titjib tal-ħiliet tar-riżorsi umani f’Għawdex, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-proċess ta' konsultazzjoni mal-entitajiet konċernati, fosthom il-Malta Enterprise u l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ tlestiex? Jekk tlesta, tista’ tpoġġi d-dokument fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma tlestiex, tista’ tgħid meta hu mistenni li jitlesta? X’hemm iżomm li dan il-proċess jingħalaq?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess ta' konsultazzjoni mal-Malta Enterprise u l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ sar iżda l-fażi tal-istudju għadha mhix magħluqa. Wara din il-fażi d-dokument jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #32458 Sitting 455 2012-03-07 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Xlendi — tender għar-rikonstruzzjoni tat-triq

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma x-xogħlijiet li se jsiru taħt it-tender CT3058/2011għar-rikonstruzzjoni ta’ parti mit-triq tax-Xlendi u parti mit-Triq ta’ Pinu? Tista’ tgħid kemm hi l-istima ta’ dawn ix-xogħlijiet, kull triq għaliha? Tista’ tgħid dawn ix-xogħlijiet mil-liema Vot baġitarju se jitħallsu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-istejjem tax-xogħlijiet ta' rikostruzzjoni ta' parti mit-Triq tax-Xlendi u parti mit-triq Ta' Pinu huma ta' €858,408.90 u €532,372.00 (Vat eskluż) rispettivament. Dawn ix-xogħlijiet se jitħallsu mill-Vot Kapitali III item 7211 EU Structural Funds 2007-2013.
Leg 11 PQ #32459 Sitting 455 2012-03-07 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — San Lawrenz - xogħlijiet fuq Triq Franġisk Portelli

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'xogħlijiet saru s’issa fuq Triq Franġisk Portelli, San Lawrenz Għawdex? X’xogħlijiet jonqos isiru? Meta mistenni li jitlestew ix-xogħlijiet kollha?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li bħalissa qiegħed isir shifting tal-cables tal-Enemalta, bini ta' service culvert u ħitan. Wara dan trid issir il-formazzjoni tat-triq u l-asfaltar tagħha. Jiena nfurmata li x-xogħol fuq dan il-kuntratt mistenni jitlesta sa nofs din is-sena.
Leg 11 PQ #32570 Sitting 455 2012-03-07 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — MCAST - studenti li attendew xi kors

Question

Tista' l-Ministru tgħid sena b'sena fl-aħħar ħames snin kemm studenti qed jattendu xi wieħed mill-korsijiet tal-MCAST f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #32591 Sitting 455 2012-03-07 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

proposta biex jibdew jintużaw il-bandiera u l-innu Għawdxi

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-pożizzjoni tagħha dwar il-proposta li f'kull attività uffiċjali li ssir f'Għawdex oltre l-preżenza tal-bandiera Maltija u tal-Unjoni Ewropea jkun hemm il-bandiera tar-reġjun t'Għawdex u kif ukoll li jindaqq l-innu tar-reġjun mal-innijiet uffiċjali ta' Malta u tal-Unjoni Ewropea b'mod formali u mhux biss b'mod informali jew okkażjonali kif qed isir bħalissa? Tenut kont li Għawdex huwa legalment reġjun distint, x'inhi l-pożizzjoni tagħha fuq din il-kwestjoni?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent, m'hemm l-ebda ħsieb li jinbidlu l-arranġamenti eżistenti fir-rigward ta' attivitajiet uffiċjali li jsiru f'Għawdex.
Leg 11 PQ #32593 Sitting 455 2012-03-07 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

ilment dwar ir-rotta X1

Question

Tista' l-Ministru tinforma l-Kamra jekk humiex se jittieħdu l-passi opportuni biex titnaqqas id-diffikultà tal-istudenti Għawdxin u anke qraba Għawdxin ta' pazjenti fl-Isptar Mater Dei li jkollhom jistennew ħafna ħin biex jaqbdu r-rotta X1 biex imorru ċ-Ċirkewwa, peress li l-X1 tgħaddi l-ajruport u ħafna drabi tkun mimlija sa meta tilħaq tasal sal-istage ta' ħdejn l-Università ?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #32415 Sitting 454 2012-03-06 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

studenti Għawdxin li mhux qed jibbenefikaw mill-miżura tal-budget

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li studenti Għawdxin li jattendu l-MCAST u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi f'Malta għadhom sal-lum ma jibbenefikawx mill-miżura tal-budget u jieħdu l-istess stipendju, smart card u sussidju għall-kiri tal-flat bħal studenti oħra li jattendu kors fl-Università ta' Malta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-miżura tal-budget ġiet fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2012. L-istudenti Għawdxin li jattendu l-MCAST u l-ITS f'Malta ser jibbenefikaw mill-istess għajnuna li tingħata lill-istudenti Għawdxin li jattendu l-Università f'Malta. L-ewwel pagament se jkun dovut fl-aħħar ta' Marzu. Din l-għajnuna tingħata apparti mill-istipendju u Smart Card.
Leg 11 PQ #32566 Sitting 454 2012-03-06 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

MCAST — studenti li ma ngħatawx iċ-ċertificat tal-ICT

Question

Tista' l-Ministru tispjega għaliex fil-gradwazzjoni li saret fis-7 ta' Frar li għadda l-istudenti Għawdxin kollha li segwew il-kors tal-ICT fi ħdan l-MCAST f'Għawdex ma ngħatawx iċ-ċertifikat/diploma lilhom dakinhar imma kien se jintbagħat aktar tard? Għaliex ġara dan meta l-ġenituri kienu ġew mistienda għall-gradwazzjoni minn ħmistax qabel? Għaliex issa li kważi għadda xahar, iċ-ċertifikati/diploma għadhom ma ntbagħtux? Kif jista' jkun li ttieħed żball fl-ismijiet tal-istudenti kollha Għawdxin?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #32568 Sitting 454 2012-03-06 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — MCAST - għalliema tal-ICT li telqu

Question

Tista' l-Ministru tgħid sena b'sena fl-aħħar ħames snin kemm telqu għalliema tal-ICT mill-MCAST t'Għawdex? Dawn l-għalliema li telqu ġew sostitwiti b'għalliema oħra? Għaliex qed ikun hemm dan it-turnover?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #31948 Sitting 453 2012-03-05 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — kuntratti għas-servizz ta' skrivani

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk matul is-sena 2011, ingħatawx kuntratti mid-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha sabiex jingħata servizz ta' skrivani? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid għal kull każ kemm kien l-ammont imħallas kull siegħa għas-servizz offrut?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li matul is-sena 2011 ma ngħatawx kuntratti mid-direttorati li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex sabiex jingħata servizz ta' skrivani.
Leg 11 PQ #32208 Sitting 453 2012-03-05 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — operat tal-biċċerija

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’jonqos isir taħt il-kuntratt għall-provvista, stallazzjoni, ittestjar u kummissjonar ta' apparat u servizzi anċillari tal-Biċċerija ta' Għawdex biex din tkun tista’ topera b’mod sħiħ? Meta mistennija terġa’ tiftaħ u topera kompletament din il-biċċerija?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li x-xogħol taħt l-imsemmi kuntratt huwa komplut u li l-Biċċerija f'Għawdex bdiet topera f'Diċembru 2011.
Leg 11 PQ #32211 Sitting 453 2012-03-05 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — talbiet biex jitħallsu fondi bħala sussidju lill-industrijalisti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm talbiet pendenti fl-aħħar tal-2011 u għal kemm kienu jammontaw dawn it-talbiet biex jitħallsu fondi bħala sussidju lill-industrijalisti Għawdxin biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż żejda li għandhom fuq trasport, eċċ taħt Vot kapitali 7096 tal-Ministeru tagħha? Kemm hu n-numru ta’ imprendituri li jridu jitħallsu? Għal liema snin huma dawn it-talbiet?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li fl-aħħar tal-2011 kien hemm 22 talba għall-għajnuna pendenti għall-verifika u ħlas li ammontaw għal €168,193. Ninsab infurmata wkoll li t-talbiet saru minn 6 kumpaniji u jirreferu għas-snin 2009, 2010 u 2011.
Leg 11 PQ #32241 Sitting 453 2012-03-05 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — tnaqqis mill-budget

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont li tnaqqas mid-dekasteru tagħha bħala parti miż-0.59% mnaqqsa mill-budget għas-sena 2012? Tista' tagħti breakdown dettaljat tal-ammonti u liema huma l-line items?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.