Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tal-Kuntratti — għoti ta' tender

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu previst li b'riżultat għas-sejħa għall-offerti CT 183/09 liema sejħa kellha r-riżultat tar-rakkmandazzjoni tagħha appellat, min rebaħ dan l-appell se jingħata l-kuntratt biex iforni lill-gvern bl-istents meħtieġa? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kull dokumentazzjoni skambjata bejn id-Dipartiment tal-Kuntratti u qualsiasi offerent miż-żmien li ngħatat id-deċiżjoni tal-appell sal-lum, peress li qiegħed jirriżulta li min suppost ingħata l-kuntratt għadu ma ħa l-ebda letter of acceptance biex iforni l-materjal li kien previst fis-sejħa għall-offerti oriġinali?

Response (FENECH, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Membru li fid-deċiżjoni finali tal-Bord dwar l-Appelli Pubbliċi imkien m’hemm imniżżel li l-appellant rebaħ l-appell. Ma kien hemm l-ebda korrispondenza mibgħuta mid-Dipartiment tal-Kuntratti lil xi ]add mill-offerenti wara li ġiet ikkomunikata d-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell.

Naxxar — Sgħajtar - konvenji tal-plots

Question

Jaf il-Ministru responsabbli mill-Artijiet li dawk li fil-bidu tas-snin 90 għamlu l-konvenji tal-plots tal-Gvern fis-Sgħajtar Naxxar, għandhom ma ġewx mgħajta biex jersqu għall-kuntratt tat-trasferiment? Jaf li uħud minn dawk li għadom ma ġewx mgħajta għall-kuntratt tat-trasferiment ġew mitluba jifdu ċ-ċens u fil-fatt fdewh? Japprezza li uħud minnhom ma jistgħux ibiegħu l-proprjetà tagħhom u dan qed joħolqilhom problemi kbar? Jista' jgħid x'qed iżomm milli jsiru dawn il-kuntratti? Jista' jgħid meta se jsiru dawn il-kuntratti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern huwa konxju li hemm diversi persuni li fil-bidu tas-snin disgħin għamlu l-konvenji tal-plots tal-Gvern fis-Sgħajtar Naxxar u għadhom ma ġewx imsejħa biex jersqu għat-trasferiment. Dan ġara għaliex hemm numru ta’ artijiet fil-Housing Estate imsemmi li għadhom ma ġewx akkwistati mingħand is-sidien oriġinali tagħhom. Id-dipartiment qiegħed jagħti prijorità biex dan ix-xiri jseħħ malajr kemm jista’ jkun billi jalloka kemm jista’ mir-riżorsi li jkollu għal dan il-għan. Wieħed ta’ min isemmi li bħal dan il-każ għad hemm pendenti ukoll diversi każijiet li jmorru lura għas-sena 1976 minħabba l-Home Ownership Schemes ta' dakinhar. Tajjeb però li l-Onor Interpellant ikun jaf li d-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern għadu kemm ħallas ftit inqas minn miljun ewro lil dawk li ttieħditilhom il-proprjetà f'Għar Barka fir-Rabat u f'Sta Lucija sabiex b'hekk issa 211-il familja saru s-sidien ta' darhom hemmhekk. Dawn kien ilhom pendenti mill-1982.

sewage treatment sludge — enerġija alternattiva

Question

Billi l-Ministru għadu kif ħabbar fil-Parlament li 34,000 tunnellata ta' sewage treatment sludgese jiġi trasportat mix-Xgħajra għal Għallis biex jiġi disposed of fil-landfill t’hemmekk, jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern ikkunsidrax u/jew għandux pjanijiet biex minflok joħroġ enerġija rinnovabbli minn dan is-sludge biex jnaqqas il-pressjoni fuq il-landfill u b’hekk ikun qed jimxi anke fuq il-linji tal-politika tiegħu dwar enerġija alternattiva?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi s-sludge se jiġi ttrattat b’sistema ta’ anearobic digestion li jipproduċi biogas. Dan is-sors ta’ enerġija alternattiva se jiġi utilizzat f’ġeneraturi li hemm istallati fuq l-impjant sabiex jiġġeneraw enerġija elettrika u termika. Huwa stmat li madwar 50% ta’ l-enerġija li għandu bżonn l-impjant għall-operat, se joriġina minn dan il-proċess ta’ trattament tas- sludge .

Arms Ltd — tariffi lil enemalta u WSC

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Arms Ltd hijiex iżżomm xi tariffa jew ħlas lill-Korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma sabiex tieħu ħsieb il-kontijiet tagħhom? Jekk iva, kemm hi din it-tariffa?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill–Onorevoli Interpellant li qegħdin fil-proċess li jiġu stabiliti definite service level agreements bejn il-kumpanija u ż-żewġ Korporazzjonijiet. It-transizzjonijiet bejn il-korporazzjonijiet u l-kumpanija jsiru fuq il-bażi ta’ dawn l-SLA’s. Fil-preżent, iż-żewġ korporazzjonijiet qegħdin jiffinanzjaw l-operat ta’ l-ARMS, b’budget stabbilit fil-bidu tas-sena.

Kont tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li xi ħadd jispezzjona l-arloġġ tal-anzjana, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, għaliex din irċeviet kont tal-ilma ta' €1,228.74 minħabba li jidher li kien hemm xi problema?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ilment imressaq qed jiġi investigat. Fil-ġranet li ġejjin se ssir inspezzjoni sabiex jiġi kkonfermat jekk hemm xi anomalija fis-servizz ta’ l-ilma.

Kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li xi nies mid-dipartiment jiċċekjaw fuq kont tad-dawl u tal-ilma li rċieva l-persuna, li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li minkejja li ma jgħix fil-post rċieva kont ta' €583.47?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-ilment imressaq mill-Onorevoli interpellant ġie investigat. Il-fond imsemmi kien ilu ma jinqara minn Settembru 2006. Il- meter reader mar bosta drabi sabiex jieħu l-qari però ma kienx jingħata aċċess. Peress li dan il-post ma kienx qed jinqara il-kontijiet li ħarġu minn Settembru 2006 sa Settembru 2009 kienu jkopru kirjiet ta’ l-arloġġi biss filwaqt li l-kont minn Settembru 2009 sa Jannar 2010 kien bażat fuq stima. Madanakollu, f’Awwissu 2010 il-konsumatur tana l-qari u għaldaqstant ħareġ kont minn Jannar 2010 sa Awwissu 2010 bażat fuq il-qari tal-konsumatur. F’kelma waħda, dan hu konsum akkumulat. Nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Ottubru, saret inspezzjoni fuq il-post u rriżulta li l-konsumatur kien tagħna qari ħażin. Il-kontijiet ġew irreveduti u mibgħuta lill-klijent stess.

Arms Ltd — tagħrif

Question

Jista l-Ministru jagħti lista tas-sorsi tad-dħul finanzjarju li għandha l-Arms Ltd? Xi ftehim għandha din il-kumpanija għall-ħlas mill-Korporazzjoni Enemalta u mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma? Hemm percentage commissions fuq l-ammonti ta' flus miġbura f'isem il-korporazzjonijiet? Jekk iva, x'inhuma dawn il-perċentwali? Il-ħaddiema li qed iwettqu x-xogħol f'isem l-Arms Ltd qed jirċievu salarju mill-Arms Ltd jew minn fejn? Fiex jikkonsisti x-xogħol kollu li ġie ddelegat lill-Arms Ltd u x'funzjonijiet oħra se jkollha l-kumpanija fil-futur?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi għall-ewwel parti tal-mistoqsija parlamentari jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20259. It-tmien impjegati li attwalment huma fil-kotba tal-ARMS Ltd jitħallsu direttament mill-kumpanija. Il-kumplament tal-ħaddiema li qed jaħdmu fil-proċessi tal- meter to cash u customer care huma mpjegati tal-Korporazzjoni ta’ l-Ilma u għaldaqstant jitħallsu mill-Korporazzjoni ta’ l-Ilma. Ix-xogħol li ġie ddelegat lill-ARMS Ltd huma l-proċessi ta’ meter to cash u customer care li jinkludu; qari ta’ meters, billing , cash & reconciliation , credit control , customer care u call centre .

Korporazzjoni Enemalta — Tagħrif dwar ħaddiema u salarji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reklutati ħaddiema mal-Korporazzjoni Enemalta f'dawn l-aħħar ħames snin? Kemm minn dawn il-ħaddiema ħadu promozzjoni? Kemm tlaħħqu jew ġew reklutati managers f'dawn l-aħħar ħames snin? Kemm huma s-salarji tagħhom? Hemm lok li jiġu mpjegati aktar nies mal-Korporazzjoni Enemalta? Jekk iva, f'liema sezzjonijiet u liema gradi? Is-sigurtà fl-Enemalta għadha l-intrigu tal-uffiċjali tas-sigurtà mpjegati mal-Korporazzjoni Enemalta, jew qed titmexxa minn kumpanija privata? Jekk iva, min hi din il-kumpanija? Għaliex qed isir hekk? Kemm qed tiswa ż-żamma tas-sigurtà lill-Korporazzjoni Enemalta ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi f’dawn l-aħħar ħames snin ġew reklutati 197 impjegat ġdid, 36 minnhom fi grad maniġerjali. Minn dawn il-ħaddiema, sitta ħadu promozzjoni. L-informazzjoni mitluba dwar is-salarji ta’ dawn il-ħaddiema, mhijiex se tingħata minħabba kunfidenzjalità tal-ħaddiema. Skont il-liġijiet applikabbli għad-divulgazzjoni u publikar ta’ informazzjoni mhux permess li tingħata din l-informazzjoni.

Ħal Qormi — trab iswed

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li ċ-Chief Executive Officer, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, stqarr mal-ħaddiema li t-trab iswed ġej mill-fran ta' Ħal Qormi? Fuq liema studju bbaża din l-istqarrija? Mill-impjegati tal-Korporazzjoni Enemalta min għandu credit cards fuq kont tal-Korporazzjoni Enemalta ?Kemm intnefqu flus fuq dawn il-credit cards u fuqiex intnefqu? Huwa minnu li persuna mill-Customer Care ingħatat promozzjoni fejn telgħet seba' skali, irrifjutat id-doveri l-ġodda u baqgħet tingħata s-salarju ġdid tagħha xorta waħda ? Il-Korporazzjoni Enemalta kemm timpjega nies bil-kuntratt? F'liema setturi? Kemm qed jiswa dan lill-Korporazzjoni Enemalta min-naħa finanzjarja?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tingħata f’seduta oħra.

Malta Enterprise — sit tal-Malta Dairy Products f'Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet tal-Malta Enterprise għall-aħjar użu tas-sit fejn qiegħda topera l-Malta Dairy Products, f’Għawdex?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-sit in kwestjoni ma jaqax taħt l-amministrazzjoni tal-Malta Enterprise.

raħħala u bdiewa — ħlas ta' dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qed tiġbor flus il-Korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma permezz tal-ARMS Ltd bħala ħlasijiet tad-dawl u ilma mir-raħħala u l-bdiewa ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni se tingħata f'seduta oħra.

SR Techniques — full operations

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jkun milħuq il-full operations tal-proġett SR Techniques li ġie inawgurat fil-Karwija din il-ġimgħa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li il-proġett tal-SR Technics li ġie inawgurat fil-Safi Aviation Park huwa proġett li għandu medda ta’ għaxar snin u li diġà beda jiddekorri skont il-ftehim li hemm mal-easyJet. Bħal kull investiment ieħor lokali jew barrani, il-Malta Enterprise għandha mekkaniżmi ta’ djalogu kontinwu fuq proġetti ta’ din in-natura u għaldaqstant jkun hemm diversi persuni involuti biex jassiguraw is-suċċess tal-operat.

Kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20286 u jara li xi nies mid-dipartiment jiċċekjaw fuq kont tad-dawl u tal-ilma li rċieva l-persuna, li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li minkejja li ma jgħix fil-post rċieva kont ta' €583.47?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20286.

Kont tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija paralemtari 20285 u jara li xi ħadd jispezzjona l-arloġġ tal-anzjana, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, għaliex din irċeviet kont tal-ilma ta' €1,228.74 minħabba li jidher li kien hemm xi problema?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni miġbura waqt din l-ispezzjoni qed tiġu analizzata, u se jittieħdu l-passi neċessarji ladarba dawn ikunu finalizzati.

Tigne Point u Manuel Island — reallocation u exportation

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 20272 u 19618 u jgħid x'inhu l-ammont totali li l-gvern ħallas għar-reallocation u l-exportation biex Tigne Point u Manuel Island jingħataw b'vacant possession lill-MIDI Consortium?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

informazzjoni dwar ħaddiema bil-paga minima

Question

Fir-rigward tal-miżuri li ġew imħabbra fil-budget, jista' l-Ministru jgħid kemm jirriżulta li hawn ħaddiema fuq il-paga minima f'pajjiżna bħalissa? Jista' jgħid kemm jirriżulta li hawn persuni li għandhom turnover li ma jaqbiżx is-€7,000 fis-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi skont ir-rekords tad-Dipartiment tal-VAT fis-sena 2009 kien hemm 11,910 persuni reġistrati li ddikjaraw turnover li ma qabżitx is-€7,000 fis-sena. Skont il-Labour Force Survey l-istima ta’ ħaddiema fuq il-paga minima matul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2010 kienet tlaħħaq it-3,221.

Marsa — Menqa - problemi fis-sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi problemi hemm fis-sistema tad-drenaġġ fl-inħawi tal-Menqa l-Marsa? Meta hu ppjanat li tiġi solvuta din is-sitwazzjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-problemi fis-sistema tad-drenaġġ fl-inħawi tal-Menqa l-Marsa ġejjin mill-ammont kbir ta’ ilma tax-xita mqabbad illegalment mas-sistema tad-drenaġġ li allura ma tlaħħaqx ma' dan il-volum kollu. Din is-sitwazzjoni tiġi solvuta meta jsir ix-xogħol imsemmi fil-Master Plan tad-drenaġġ liema xogħol jsir meta jiġu allokati l-fondi finanzjarji.

kuntratt għar-raba

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir il-kuntratt finali biex ir-raba' li hija indikata separatament jgħaddi f'isem il-bidwi li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament li applika għalih u dan jiġi rikonnoxut fir-raba' li jaħdem hu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ser tingħata f’seduta oħra.

NSO — statistika dwar il-part time employment

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ispjega teknika tal-metodologija li biha l-NSO jaħdem il-Full-Time Equivalents (FTE) biex l-istatistika dwar il-part time employment tiġi integrata fl-istatistika tal-gainfully employed fl-Economic Survey u fl-istatistika dwar l-impjiegi li jippubblika regolarment l-NSO?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fl-Economic Survey u fl-istatistika dwar l-impjiegi li jippubblika regolarment l-NSO, il-part-time employment ma jinħadimx f’Full-Time Equivalents (FTE) iżda huwa head count.

Fabbriki ġodda — xogħlijiet infrastrutturali - somma allokata

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20488 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm kienet is-somma allokata għal xogħlijiet infrastrutturali għal bini ta' fabbriki ġodda jew fuq fabbriki eżistenti separatament? Kemm intnefqu fuq bini ta' fabbriki godda u dawk ezistenti sal-lum separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni se tingħata f'seduta oħra.