Billi din il-leġislatura issa waslet fl-aħħar sena tagħha, ma taħsibx il-Ministru li għadda żmien biżżejjed u issa huwa ferm opportun li r-rapport mħejji minn għadd ta' esperti li għandu 'l fuq minn 300 faċċata dwar Eko Għawdex jiġi ppubblikat u anke mqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra peress li fir-rapport l-Ministru qatt ma ċaħdet li jinsab fil-pussess tas-Segretarjat Permanent tal-istess Ministeru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li r-rapport imsemmi se jiġi ppubblikat aktar tard din is-sena.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30433, tista’ l-Ministru tgħid jekk issa s-sejħa għall-offerti ġietx ipproċessata? Tista’ tgħid din is-sejħa meta kienet ħarġet? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sett ta’ rakkmandazzjonijiet approvati?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li s-sejħa msemmija kienet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tat-28 t'Ottubru 2011, il-kuntratt ġie mogħti u bħalissa għaddejja l-implimentazzjoni tiegħu. Meta r-rakkmandazzjonijiet ikunu lesti, kopja tagħhom titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għal Għawdex — remunerazzjonijiet ta' chairpersons
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm tħallsu remunerazzjonijiet ta' chairpersons u membri ta' bordijiet f'din l-aħħar sena (mil-2011 sal-lum) kull bord separatament u tgħid min huma dawn iċ-chairpersons u membri?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fid-dawl tad-dibattitu parlamentari li sar dan l-aħħar dwar id-dħul tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari tista' l-Ministru tikkonferma jekk fid-dikjarazzjoni tad-dħul għas-sena 2010 ikkunsidrax dħul bħala car allowance u ġentilment jgħid kemm kien dan l-ammont filwaqt li tikkonferma wkoll jekk hux minnu li għandha karozza leased mill-Ministeru tagħha jew proprjetà tal-istess Ministeru għad-dispozizzjoni privata tagħha?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fid-dikjarazzjoni tad-dħul għas-sena 2010, il-car allowance ta' €6,999.98 ġiet iddikjarata bħala parti mid-dħul tiegħi fis-sena 2010. Nikkonferma wkoll li l-Ministeru la għandu karozza leased u lanqas karozza oħra li hija proprjetà tal-Ministeru għad-dispożizzjoni tiegħi.
Ministeru għal Għawdex — Xogħlijiet lill-Kumpanija
Question
Tista’ l-Ministru tgħid mill-2004 sal-lum kemm ingħataw xogħlijiet lill-kumpaniji li isimhom qed jintbgħat separatament? Tista’ tagħti d-data u l-ammonti u tgħid jekk dawn ix-xogħlijiet ingħatawx b’tender jew direct order ?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għal Għawdex — informazzjoni dwar l-impjegati
Question
Tista' l-Ministru tgħid, matul l-2011 kemm ħarġu applikazzjonijiet għal impjieg fid-dekasteru responsabbli mill-Ministru u kemm ġew impjegati, kemm abbażi ta' kuntratt definit jew indefinit? F'kull każ x'kien il-grad/nomenklatura ta' impjieg li ġew imħaddma fih?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30730, tista’ l-Ministru tgħid x’sar fuq dawn iż-żewġ master plans mill-5 ta’ Diċembru 2011 sal-lum?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
M'għandi xejn xi nżid mar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 30730.
Ministeru għal Għawdex — Tnaqqis tal-Vot fil-Budget
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm se jkun qed jonqos il-vot fil-Budget 2012 dedikat għall-Ospitalità u mill-vot għall-Konsulenzi li jaqgħu taħt id-dekasteru li tiegħu hija responsabbli? Kemm kienu dawn l-ammonti għas sena 2011 u kemm kienu skont l-budget oriġinali għall-2012?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li wara r-reviżjoni tal-Vot Rikurrent Numru 15, l-ammonti taħt Hospitality u Contractual Services huma ta' €10,000 u €401,000 rispettivament. L-ammonti għas-sena 2011 kienu ta' €10,000 taħt Hospitality u €390,000 taħt Contractual Services. Taħt il-baġit oriġinali tal-2012, il-vot tal-Hospitality kien tal-istess ammont, jiġifieri ta' €10,000, filwaqt li dak tal-Contractual Services kien ta' €430,000.
Ministeru għal Għawdex — allowances mħallsa lill-impjegati
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm tħallsu subsistence allowances, overseas service allowance, multiple allowances, allowance for wear and tear of clothing, qualification allowances u shift allowances f'din l-aħħar sena lill-impjegati fil-Ministeru jew dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-dekasteru tagħha?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tagħti breakdown ta' kif se titnaqqas eżatt iċ-ċifra tal-flus mill-vot finanzjarju tiegħu item, item in vista tat-tnaqqis tal-€40 miljun li l-gvern ġie ordnat inaqqas mill-budget għall-2012 mill-Unjoni Ewropea?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 32977.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-offerta għall-bini ta’ pixxini fir-Rabat Għawdex ħarġitx? Jekk iva x'inhu n-numru tagħha? Jekk le, x’qed iżomm milli tinħareġ? Fejn wasal il-proċess? Tista’ tgħid jekk dan il-proġett hux ko-finanzjat minn fondi Ewropej ukoll?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-offerta għall-bini ta' pixxina fir-Rabat Għawdex għadha ma ħarġitx. It-Tender for the Construction of Hoarding and Earth works at the Gozo Natatorium (Swimming Pool) qiegħda fil-proċess biex tiġi vvetjata mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Dan il-proġett m'huwiex ko-finanzjat minn fondi Ewropej.
Direttur Ġenerali tal-proġetti settorali — żvilupp u implementazzjoni ta strategy and support
Question
Tista’ l-Ministru tgħid liema huma l-proġetti settorali li d-Direttur Ġenerali (Strategy and Support) hija responsabbli għall-iżvilupp u implimentazzjoni tagħhom? X’inhija r-responsabilità tagħha fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Direttorat Ġenerali (Strategy and Support) huwa responsabbli minn tliet dipartimenti li fil-preżent qed jimplimentaw proġetti relatati mas-setturi tat-turiżmu, ambjent, infrastruttura bażika u żvilupp tar-riżorsi umani.
Ir-responsabiltajiet tad-Direttur Ġenerali (Strategy and Support) huma speċifikati fil-position description marbuta ma' din il-pożizzjoni.
Politika Reġjonali għall-iżvilupp tas-settur kulturali t'Għawdex
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx politika reġjonali għall-iżvilupp kulturali ta’ Għawdex? Jekk hemm, min fassal u min jaġġorna din il-politika? Meta tfasslet u meta ġiet aġġornata? Min hu responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha? Kemm hemm fondi vvotatati għal din il-politika għas-sena 2012? Taħt liema vot baġitarju qegħdin? X’inhuma l-punti ewlenin ta’ din il-politika? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument relattiv għal din il-politika?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'dan is-settur tiġi segwita l-politika nazzjonali tal-Gvern li tiġi aġġornata b'mod kontinwu permezz anki ta' konsultazzjoni mal-entitajiet kollha nvoluti.
Nixtieq nirreferi għalhekk lill-Onorevoli Interpellant għall-politika nazzjonali tal-Gvern fil-qasam kulturali li ħarġet is-sena l-oħra u li fiha Għawdex jissemma' b'mod speċifiku.
Il-Pjan t'Azzjoni ta' Eko Għawdex 2010-2012 jindirizza wkoll il-qasam kulturali f'Għawdex. Dan il-pjan ġie mfassal mill-Ministeru għal Għawdex wara konsultazzjoni pubblika fl-2009. L-implimentazzjoni tiegħu hija responsabiltá tal-istess Ministeru.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30212 fejn il-Ministru qalet li l-Ministeru tagħha flimkien mal-Malta Enterprise iddentifika post ċentrali minn fejn jista' jiġi mħaddem dan il-one-stop shop, tista' l-Ministru tgħid fejn huwa l-post iddentifikat? Tista’ tgħid jekk dan il-post jistax jibda jintuża immedjatament? Jekk fin-negattiv, tista’ tgħid x’irid isir biex ikun jista’ jibda jintuża? Tista’ tgħid meta huwa mistenni li jkun lest biex jibda jintuża?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-post identifikat jinsab fir-Rabat, Għawdex. Bħalissa għaddejjin id-diskussjonijiet biex dan il-post jiġi ristrutturat u jsiru fih ix-xogħlijiet meħtieġa.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29309 fejn qalet li, “fil-ġimgħat li ġejjin se jiġu ffirmati l-kuntratti għall-konċessjoni tal-oqbra” fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija u li “fil-ġranet li ġejjin għandha tittieħed deċiżjoni finali mill-MEPA”, tista’ l-Minstru tgħid jekk il-kuntratti sarux? Jekk ma sarux x’qed iżomm milli jsiru? Tista’ tgħid jekk l-offerta għall-bini ta’ dawn l-oqbra ħarġitx? Jekk ma ħarġitx, għaliex? Jekk ħarġet meta ħarġet? Meta għalqet? Kemm se jinbnew oqbra? Kemm hu stmat li jiswa dal-kuntratt? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal konċessjoni ta’ oqbra?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li riċentament inħareġ il-permess tal-MEPA u fil-futur qarib ser isiru l-kuntratti għall-bejgħ tal-oqbra. Se jinbnew 457 oqbra u l-applikazzjonijiet pendenti għall-konċessjoni ta' oqbra jammontaw għal 279 fil-preżent. Il-prezz ta' qabar kif stipulat fl-Avviż Legali 377 tas-sena 2007 hu ta' €2329.37.
Spejjeż oħra in konnessjoni mal-kuntratt huma:
Taxxa tal-Boll €116.47
Tariffa tar-Reġistru Pubbliku €2.33
Tariffa tar-Reġistru tal-Artijiet €13.98
Ħlas tan-Nutar €46.59
Ħlas tal-Value Added Tax (VAT) €8.39.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32241, tista' l-Ministru tagħti breakdown dettaljat, skont kif elenkat u provdut fil-line items tal-estimi li jitqassam mad-diskors tal-budget, taċ-ċifri globali ppreżentati fl-imsemmija tweġiba?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-gvern ħa deċiżjoni konxja u responsabbli li jnaqqas €40 miljun min-nefqa tiegħu fid-dawl taċ-ċirkostanzi ekonomiċi internazzjonali li komplew jiddeterjoraw fl-aħħar xhur tal-2011. Il-gvern ried ipoġġi lilu nnifsu f'pożizzjoni li, jekk il-kriżi ekonomika internazzjonali, jerġa' jkollha impatt fuq pajjiżna kif ġara fl-2009, il-gvern ikollu r-riżorsi neċessarji biex jerġa' jintervjeni fl-ekonomija u jħares il-postijiet tax-xogħol.
Il-Ministeru għal Għawdex ukoll qed jagħmel l-isforz tiegħu biex inaqqas l-ispejjeż tal-istess Ministeru, kif ukoll id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu. Dan qed nagħmluh billi nirrestrinġu r-reklutaġġ ta' ħaddiema ġodda, nillimitaw fejn possibbli l-overtime u nsaħħu aktar l-effiċjenza fl-operat. Dan mhux qed isir bi tnaqqis f'investiment kapitali, ta' servizzi essenzjali bħal saħħa u edukazzjoni jew ta' għajnuniet differenti. Ir-restrizzjonijiet fir-reklutaġġ b'ebda mod m'huma se jimpattaw fuq professjonijiet kruċjali fosthom dawk fil-qasam mediku.
Politika reġjonali għall-iżvilupp ta' intrapriżi żgħar f'Għawdex
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx politika reġjonali għall-iżvilupp ta’ intrapriżi żgħar f’Għawdex? Jekk hemm, min fassal u min jaġġorna din il-politika? Meta tfasslet u meta ġiet aġġornata? Min hu responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha? Kemm hemm fondi ivvotatati għal din il-politika għas-sena 2012? Taħt liema vot baġitarju qegħdin? X’inhuma l-punti ewlenin ta’ din il-politika? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument relattiv għal din il-politika?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta ta' Mistoqsija Parlamentari Numru 32656.
Politika Reġjonali għall-Iżvilupp Kummerċjali t'Għawdex
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx politika reġjonali għall-iżvilupp kummerċjali ta’ Għawdex? Jekk hemm, min fassal u min jaġġorna din il-politika? Meta tfasslet u meta ġiet aġġornata? Min hu responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha? Kemm hemm fondi ivvotatati għal din il-politika għas-sena 2012? Taħt liema vot baġitarju qegħdin? X’inhuma l-punti ewlenin ta’ din il-politika? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument relattiv għal din il-politika?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta ta' Mistoqsija Parlamentari Numru 32656.
Politika reġjonali għall-iżvilupp tas-settur tal-manifattura t'Għawdex
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx politika reġjonali għall-iżvilupp tas-settur tal-manifattura ta’ Għawdex? Jekk hemm, min fassal u min jaġġorna din il-politika? Meta tfasslet u meta ġiet aġġornata? Min hu responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha? Kemm hemm fondi ivvotatati għal din il-politika għas-sena 2012? Taħt liema vot baġitarju qegħdin? X’inhuma l-punti ewlenin ta’ din il-politika? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument relattiv għal din il-politika?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta ta' Mistoqsija Parlamentari Numru 32656.
Tista' l-Ministru tgħid kemm saru xogħlijiet ta' patching fit-toroq t'Għawdex f'din l-aħħar sena? Fejn sar ix-xogħol? Meta? Kemm sewa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li x-xogħlijiet ta' patching fit-toroq li saru mill-Ministeru għal Għawdex f'din l-aħħar sena huma kif jidher fl-iskeda li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmata wkoll li l-ispiża ma tinkludix il-pagi tal-ħaddiema u l-makkinarju li jintuża f'dan ix-xogħol.