Legislature:
Category:
Reset
Active:

Arms Ltd — Rwol tal-persuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu rwol tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament fi ħdan l-Arms Ltd? Kemm qed jitħallas? X'ħinijiet jaħdem?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna msemmija, indikata taqdi l-funzjonijiet ta’ Segretarju tal-Kumpanija. Titħallas l-ammont ta’ €250 + VAT fix-xahar. Bħalha parti mill-funzjonijiet tagħha din il-persuna tattendi għal laqgħat tal-Bord kollha kif ukoll għal kull laqgħa oħra li tiġi msejħa tattendi.

nefqa kapitali f’Għawdex u f’Malta — fondi Ewropej

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19885 dwar in-nefqa kapitali f’Għawdex u f’Malta separatament ta’ fondi Ewropej u n-nefqa f’Għawdex bħala persentaġġ tan-nefqa kapitali kollha nazzjonali ta’ fondi Ewropej kull sena mill-2007 sal-2009 u din is-sena sa Settembru, peress li l-figuri li ta ma jaqblux mal-figuri tal-Estimi Ġenerali, jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-figuri korretti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi hekk kif mitlub fil-mistoqsija, li tirreferi għan-nefqa kapitali f’Għawdex separatament ta’ fondi Ewropej, iċ-ċifri li ngħataw fir-risposta għan-nefqa kapitali f’Għawdex, jeskludu l-fondi ta’ l-Unjoni Ewropeja u barranin, iżda jinkorporaw il-fondi nazzjonali, inkluż il-ko-finanzjament nazzjonali għall-progetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea u barranin. Min-naħa l-oħra, it-totali tal-Estimi Ġenerali, jinkludu wkoll il-fondi ta’ l-Unjoni Ewropeja u barranin. Barra minn dan, qed terġa tiġi mehmuza t-tabella, fejn iċ-ċifra ta’ spiża għas-sena ta’ 2007 issa qiegħda tidher fil-munita Ewro, sabiex ikun jista joħroġ il-persentaġġ hekk kif ipparagunat mal-fondi tal-Unjoni Ewropea, li ukoll qeghdin f’€’.

nefqa attwali kapitali f’Għawdex mill-Fond Konsolidat

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19884 u jgħid kemm kienet in-nefqa attwali kapitali f’Għawdex mill-Fond Konsolidat u jgħid ukoll din in-nefqa kemm kienet bħala persentaġġ tan-nefqa kapitali kollha nazzjonali kull sena mill-istess Fond mill-2007 sal-2009 u din is-sena sa Settembru? Jista' jagħti din l-informazzjoni skont il-programm baġitarju tal-Unjoni Ewropea?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Malta u Għawdex — ammont totali ta’ investiment barrani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont totali ta’ investiment barrani f’Malta u f’Għawdex separatament fl-aħħar tal-2009 u fl-aħħar ta’ Settembru ta’din is-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi t-total ta’ Investiment Barrani f’Malta fl-aħħar tas-sena 2009 kien jammonta għal €7,076.7 miljun. Minn dawn, €7,075.4 miljun kienu investiti f’intrapriżi Malta u €1.3 miljun f’intrapriżi Għawdex. L-investiment jitkejjel skont ir-registered address tal-kumpaniji, u f’każ li dawn ikollhom fergħat f’Malta u f’Għawdex, jekk l-indirizz tagħhom huwa f’Malta, dan jingħadd mal-investiment li jkun sar f’Malta. Il-figuri għal Settembru għadhom qed jinħadmu.

kunsilli lokali li talbu xi forma ta’ devoluzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni fuq dawk il-kunsilli lokali li talbu xi forma ta’ devoluzzjoni ta’ siti matul l-aħħar sena? Min huma dawn il-kunsilli lokali u x’kienu l-proġetti li beħsiebhom iwettqu fuq dawn is-siti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul din l-aħħar sena kien hemm 38 talba għal devoluzzjoni ta’ proprjetà mitluba minn diversi kunsilli lokali. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi t-talbiet magħmula mill-kunsilli lokali madwar Malta u Għawdex bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Voucher tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' familja li dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, liema familja ilha tgħix fir-residenza tagħha għal 47 sena sħaħ peress li ma rċevewx il-voucher intitolati għalih tad-dawl u l-ilma meta r-residenti kollha tat-triq tagħhom irċevew dawn il-vouchers?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, wara li ARMS Ltd u d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali analizzaw l-ilment tal-familja kkonċernata, dawn se jingħataw l-energy allowance u li issa bdew jinħarġu.

San Pawl il-Baħar — sistema tad-drenaġġ fi Triq Għar Berbaħ

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fi Triq Għar Berbaħ, San Pawl il-Baħar jitqiegħdu l-mains tad-drenaġġ billi parti sostanzjali tat-triq hi issa abitata, iżda għad m'hemmx sistema tad-drenaġġ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-mains tad-drenaġġ fi Triq Għar Berbaħ San Pawl il-Baħar jistgħu jitqiegħdu meta tiġi iffurmata il-kumplament ta’ Triq Simar biex id-drenaġġ ikun jista’ jaqleb lejn Triq ir-Ridott.

Xemxija — qtugħ ta' dawl fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga x'qed iwassal biex id-dawl fit-toroq (street lighting) fl-inħawi tax-Xemxija jinqata' b'mod regolari, probabilment minħabba xi ħsarat li hemm fis-sistema tal-elettriku fl-inħawi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-qtugħ tad-dawl fit-toroq fl-inħawi tax-Xemxija ġie kkaġunat minħabba li kien hemm ‘loose connection’ fil-conductor tal-istreet lighting fejn dan ġie msewwi minnufih.

Voucher għad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' ġuvni li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, liema ġuvni ilu jgħix fir-residenza tiegħu għal aktar minn ħames snin u jgħid għal liema raġuni ma rċeviex il-vouchers li hu intitolat għalih tad-dawl u l-ilma?

Response (FENECH, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-energy allowance għal din il-persuna se jinħareġ wara li l-ilment li għamel ġie vverifikat u approvat.

informazzjoni dwar smart meters

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' smart meters ġodda (stallazzjonijiet ġodda) li twaħħlu s'issa? Kemm hu n-numru ta' smart meters li twaħħlu biex jinbidlu meters li kienu eżistenti?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20446.

kont tal-elettriku b'qari attwali

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20460, jista' l-Ministru jgħid f'każ ta' konsumaturi domestiċi, x'inhi r-rata għal unit ta' elettriku jew li din titħaddem fuq skaletta? Din ir-rata marbuta ma' numru ta' units hi maħduma fuq ammont ta' units annwali?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għal Subsidiary Legislation 423.01, Electricity Supply Regulations.

Għajn Tuffieħa — Ħal Ferħ - proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett li tħabbar ftit xhur ilu għall-kumpless ta’ Ħal Ferħ, Għajn Tuffieħa?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li nħarġet sejħa għall-offerti, li għalqet fit-28 ta’ Mejju 2009, biex l-art li fuqha hemm mibni l-kumpless ta’ Ħal Ferħ tingħata b’ċens perpetwu. Is-sejħa tal-offerti kienet tinkludi wkoll ix-xiri tal-ishma kollha tal-Kumpless Ħal Ferħ, kif ukoll, il-ħlas ta’ djun ta’ din il-Kumpanija. L-Intrapriża li ħadet din l-offerta trid tonfoq somma kbira biex tagħmel xogħlijiet ta’ risturazzjoni u żviluppi oħra skont id-Development Brief ħalli tkun tista’ terġa’ tibda topera l-fond għal skopijiet turistiċi. Il-kuntratt ġie ffirmat fit-23 ta’ Diċembru 2009.

Skema tal-Malta Enterprise tal-International Competitivness to Establish New Markets — claims

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 20489, jista' l-Ministru jgħid it-tliet claims li qed jiġu proċessati kemm jammontaw? Jista' jgħid ukoll min huma l-applikanti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tliet claims jammontaw għal €108.094.78. L-ismijiet tal-benefiċjarji jistgħu jingħataw biss meta il-flus ikunu ittieħdu mill-benefiċjarji.

Allowance tal-enerġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm households li bbenefikaw mill-allowance tal-enerġija mħabbra fil-budget tas-sena l-oħra? Kemm kien il-valur ta' l-inqas allowance li ngħata? Kemm-il household ingħatat allowance ta' inqas minn €100.00 u kemm ingħataw allowance ta' 'l fuq minn €100.00? Kemm-il familja ma bbenefikatx minn din l-allowance: a) għax jikkunsmaw aktar minn 10,000 unit t'elettriku; jew b) għax fuq il-benefiċċji soċjali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Industrial Estate — grant agreement tal-implementation u disbursement schedules

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-grant agreement li jinkludi l-implementation u d-disbursement schedules dwar il-proġett ta’ Upgrading and Embellishment of Industrial Estates (Project Ref. no. ERDF 001) iffirmat bejn il-benefiċjarju u l-Managing Authority skont ir-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni ta’ proġetti ko-finanzjati mill-istess Unjoni Ewropea?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19960.

Salarji tal-Ministri u Segretarji Parlamentari

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandhom salarju u dħul ieħor kull Ministru, Segretarju Parlamentari u Parlamentari Ewropew fis-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-dettalji dwar salarji u dħul ieħor ta’ Ministru u Segretarju Parlamentari qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward is-salarju u dħul ieħor tal-Parlamentari Ewropej, billi mill-bidu ta’ din il-leġislatura tal-Parlament Ewropew dawn il-Membri bdew jitħallsu totalment minn hemm, din l-informazzjoni mhijiex disponibbli.

Malta Development Corporation u Malta Enterprise — għajnuna lill-kumpaniji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kumpanija kienet megħjuna mill-Malta Development Corporation/ Malta Enterprise mill-1 ta’ Ottubru 2009 sal-lum biex twaqqaf impriża f’Għawdex? Min huma dawn il-kumpaniji u x’tip ta’ prodott/i jagħmlu? X’investiment sar minn dawn il-kumpaniji f’Għawdex fl-istess perjodu? Kemm investiment minn dan huwa barrani? X’għajnuna tathom l-Malta Development Corporation/ Malta Enterprise u kemm hu l-ammont ta’ din l-għajnuna skond is-sena li ngħatat? Kemm kienu jħaddmu nies meta bdew joperaw meta sar il-ftehim mal-MDC/Malta Enterprise u kemm qed iħaddmu llum? Jista’ l-Ministru jagħti l-istess tagħrif dwar Malta ?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20347.

Intrapriżi — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm intrapriżi f’Malta u f'Għawdex separatament fl-aħħar ta’ kull sena mis-sena 2000 sal-2009 u fl-aħħar ta’ Settembru ta' din is-sena u li kienu jħaddmu: i) anqas minn 10 ħaddiema; ii) minn 10 sa 49 ħaddiema; u iii) minn 50 sa 249 ħaddiem?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20346.

Arms Ltd — uffiċjali legali

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali legali ta’ Arms Ltd li qegħhdin joħorġu l-letters of warning? Dawn kienu jitħallsu? Qegħdin formalment fuq il-payroll tal-kumpanija? Min huwa l-company secretary ta’ Arms Ltd?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat ghall-Mistoqsija Parlamentari numru 20313.

Devoluzzjonijiet ta' proprjetajiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru devoluzzjonijiet ta' proprjetà tal-gvern lill-kunsilli lokali matul dawn l-aħħar għaxar snin? Liema kienu l-proprjetajiet, lil liema kunsill għaddew u jekk kien hemm kirja/ċens ta' kemm kien?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ 121 kuntratt ta’ devoluzzjoni ta’ proprjetà tal-Gvern li ġew mgħoddija lil-diversi kunsilli lokali madwar Malta u Għawdex matul dawn l-aħħar għaxar snin. Dawn il-proprjetajiet ġew mgħoddija lill-kunsilli lokali b’titolu ta’ kirja.