Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #33986 Sitting 467 2012-05-02 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Esperjenza tas-sajd lit-turisti f'Għawdex

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 30430, tista' l-Ministru tgħid il-Ministeru tagħha ma’ min qiegħed f'diskussjonijiet biex jippromwovi l-esperjenza tas-sajd fis-settur turistiku? Meta bdew dawn id-diskussjoni u meta mistenni li jintemmu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-diskussjonijiet mal-partijiet konċernati bdew wara li din il-miżura daħlet fil-Pjan t'Azzjoni Eko-Għawdex 2010-2012. Il-Ministeru, se jkompli l-ħidma tiegħu sabiex flimkien mas-settur privat, jippromwovi l-introduzzjoni ta' esperjenzi tas-sajd fil-qasam turistiku.
Leg 11 PQ #33987 Sitting 467 2012-05-02 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Anażli tas-suq fil-qasam tat-turiżmu

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 30432, tista’ l-Ministru tgħid liema huma li ġew identifikati bħala l-aktar tipi idonei għal Għawdex fil-qasam tat-turiżmu f’dawk li huma konferenzi, laqgħat u incentives travel?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara laqgħat bejn rappreżentanti tal-Ministeru għal Għawdex, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u l-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu, ġiet imnedija skema miftuħa għall-operaturi fis-settur. L-iktar tipi ta' konferenzi, laqgħat u incentives travel idonei għal Għawdex huma dawk relatati ma' board meetings importanti, konferenzi żgħar, workshops u inċentivi varji li jkunu qed ifittxu ambjent rurali u trankwill, filwaqt li jiġu offruti wkoll il-faċilitajiet u s-servizzi neċessarji relatati ma' dan is-settur.
Leg 11 PQ #33988 Sitting 467 2012-05-02 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

skemi ta' għajnuna lill-bdiewa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm skemi ta’ għajnuna ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea mill-2004 sal-lum għall-bdiewa f’Għawdex għal proġetti ta’ titjib bħalma huma, ġwiebi, bini ta’ ħitan ta’ sejjieħ, irziezet, passaġġi fil-raba, eċċ.? Meta daħlu fis-seħħ dawn l-iskemi u għal liema snin kienu japplikaw? X’ammont ta’ għajnuna ngħatat kull sena taħt kull skema skont in-natura tal-proġett u kemm bdiewa ibbenefikaw taħt kull skema ukoll skont in-natura tal-proġett?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-iskemi msemmija jiġu maħruġa, approvati u amministrati mill-Paying Agency fil-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali. Id-Direttorat għall-Proġetti u Żvilupp fil-Ministeru għal Għawdex jieħu ħsieb jilqa' l-applikazzjonijiet mill-bdiewa Għawdxin biex imbagħad jiġu pproċessati mill-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #32916 Sitting 466 2012-04-30 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Ingaġġ ta' persuni b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew ingaġġati persuni b'diżabilità fil-Ministeru jew dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha fl-aħħar tliet xhur u f'liema grad?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li persuna b'diżabilità li ġiet ingaġġata mill-Ministeru responsabbli mill-Edukazzjoni, qed taqdi dmirijietha fil-Fergħa tal-Edukazzjoni ġewwa Għawdex. Din il-persuna li hija fil-grad ta' supply learning support assistant, qed tiġi mħallsa mill-Ministeru għal Għawdex.
Leg 11 PQ #33616 Sitting 466 2012-04-30 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Eko Għawdex — nefqa fuq l-uffiċċju f'pjazza San Franġisk, Rabat

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont sħiħ u dettaljat ta' kemm intnefqu flus biex jiġi rranġat u mgħammar l-uffiċċjuil-ġdid tal-Eco Gozo li sar f'Pjazza San Franġisk, Rabat, Għawdex - item item?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #33984 Sitting 466 2012-04-30 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

returns dwar il-vot kapitali tal-Ministeru

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 31319, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-returns bi break down dettaljat tal-ispiża li saret fuq kull item tal-Vot Kapitali tal-Ministeru tagħha li ntbagħtu lill-Budget Office fil-Ministeru tal-Finanzi għal Diċembru 2010, għal Novembru 2011 u għal Diċembru 2011?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li r-returns li ntbagħtu lill-Budget Office huma kif mogħtija fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 31319. Jidhirli li din l-informazzjoni hija eżawrjenti biżżejjed.
Leg 11 PQ #33985 Sitting 466 2012-04-30 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Vot ta’ Eco-Gozo — għajnuna lill-NGOs

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm għajnuna finanzjarja nagħtat lill-NGOs taħt l-iskemi tal-Ministeru tagħha finanzjati mill-Vot ta’ Eco-Gozo fl-2010 u 2011? Tista’ tgħid din l-għajnuna lil liema NGOs ingħatat, kemm ħadet għajnuna kull NGO u għal liema skop ingħatat l-għajnuna f’kull każ?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta ta' Mistoqsija Parlamentari Numru 31453. Inżid ngħid li l-iskop ta' din l-iskema għall-NGOs hu li dawn jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Pjan t'Azzjoni tal-viżjoni Eko-Għawdex (2010-2012).
Leg 11 PQ #33395 Sitting 465 2012-04-25 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għal Għawdex

Mistoqsija li għadha mhux imwieġba

Question

Peress li għall-mistoqsija li għamilt ingħatajt risposta li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra, tista’ l-Ministru tagħti raġuni għaliex l-informazzjoni għadha ma ngħatatx? Tista’ tagħti l-informazzjoni mitluba għal din il-mistoqsija parlamentari 16067 (datata 25 ta' Marzu 2010)?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #33582 Sitting 465 2012-04-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — faċilitajiet għal servizzi ta’ respite għall-anzjani

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il faċilità għal servizzi ta’ respite għall-anzjani hemm f’Għawdex? Tista’ tagħti dan it-tagħrif skont il-lokalità? Tista’ tgħid kull faċilità kemm takkomoda anzjani? Tista’ tgħid kemm kienet l-ispiża fl-2011 fuq kull faċilità għat-tmexxija tagħha?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 33576.
Leg 11 PQ #33584 Sitting 465 2012-04-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — faċilità għas-servizzi għall-kura tad-dimensja

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il faċilità għal servizzi għall-kura tad-dimensja għall-anzjani hemm f’Għawdex? Tista’ tagħti dan it-tagħrif skont il-lokalità? Tista’ tgħid kull faċilità kemm takkomoda anzjani? Tista’ tgħid kemm kienet l-ispiża fl-2011 fuq kull faċilità għat-tmexxija tagħha?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 33576.
Leg 11 PQ #33585 Sitting 465 2012-04-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — servizz tal-għajnuna fid-dar

Question

Tista’ l-Ministru tgħid hemm anzjani u households f’Għawdex li għandhom is-servizz tal-għajnuna fid-dar? Tista’ tagħti dan it-tagħrif skont il-lokalità? Tista’ tgħid kemm hu n-numru totali ta’ sigħat ta’ servizz fil-ġimgħa li qed jingħata? Tista’ tgħid kemm sigħat totali ta’ servizz fil-ġimgħa kienu approvati għal dawn l-anzjani/households? Tista’ tgħid kemm hemm anzjani/households li għandhom l-approvazzjoni tal-Bord għal dan is-servizz u għadhom ma nagħtawx is-servizz? Kemm-il siegħa ta’ servizz għandhom approvati b’kollox?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija mogħtija fil-lista annessa.
Leg 11 PQ #33587 Sitting 465 2012-04-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Social assistants

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm social assistants impjegati mal-Ministeru tagħha? Tista’ tgħid dawn fejn hu assenjati x-xogħol tagħhom u x’xogħol qed jagħmlu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li n-numru ta' Social Assistants impjegati mal-Ministeru għal Għawdex huwa ta' 88. Dawn huma mqassmin hekk: Għajnuna fid-Djar - 68 (għand l-anzjani, fid-djar tagħhom) Uffiċċju tal-Anzjani – 4 (xogħol ta’ uffiċċju, tindif u supervision ) Day Centre – 3 (xogħol ta’ tindif, tisjir u jservu l-ikel lill-anzjani li jattendu d- Day Centre ) Santa Marta Day Centre – 6 (assistenza mal-persuni bi bżonnijiet speċjali kif ukoll tindif taċ-Ċentru) ESN, Sannat – 3 (assistenza mat-tfal bi bżonnijiet speċjali) Sptar Ġenerali – 4 (tindif b’mod ġenerali tal-isptar).
Leg 11 PQ #32904 Sitting 464 2012-04-25 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — tqassim ta' fuljetti u materjal ieħor fid-djar

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm tqassmu fuljetti u materjal ieħor fid-djar matul l-aħħar sitt xhur? Tista' tagħti d-dettalji tal-materjal imqassam fid-djar, x'tip ta' karta intużat, fejn ġie stampat il-materjal, kemm sewa kull fuljett jew materjal li ntbagħat u jekk tqassamx bil-posta jew xi mezz ieħor? Jekk b'mezz ieħor, min qassamhom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #32959 Sitting 464 2012-04-25 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — konsulenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huma l-konsulenti li jaħdmu fil-Ministeru, fid-dekastru u entitajiet li jaqgħu taħtha? F'liema qasam jagħtu konsultazzjoni? X'salarju u kundizzjonjiet għandhom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #33535 Sitting 464 2012-04-25 Oral · Final From: JEFFREY PULLICINO ORLANDO To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — ammont ta' flus lill-avukat u l-kumpanija

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont totali ta' flus imħallas tul dawn l-aħħar ħames snin mill-Ministeru tagħha, kif ukoll minn entitajiet kollha li jaqgħu taħtha, lill-avukat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Kemm kien l-ammont ta' flus imħallas lill-kumpanija, li d-dettalji dwarha ukoll qed jingħataw separatament li jifforma parti minnha?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li ma tħallsu ebda flus tul dawn l-aħħar ħames snin mill-Ministeru għal Għawdex kif ukoll mid-direttorati li jaqgħu taħtu lill-avukat u lill-kumpanija li d-dettalji tagħhom ingħataw separatament.
Leg 11 PQ #33576 Sitting 464 2012-04-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — night shelters

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm night shelters għall-anzjani f’Għawdex separatament? Tista’ tagħti dan it-tagħrif skont il-lokalità? Tista’ tgħid kull shelter kemm jakkomoda anzjani? Tista’ tgħid kemm kienet l-ispiża fl-2011 fuq kull shelter għat-tmexxija tiegħu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-Gvern sa issa m'għandux night shelters. Servizzi għall-anzjani f'Għawdex huma: Telecare Service Handyman Service Incontinence Service Home Help Meals on Wheels Special Identity Card Blue Sticker Telephone Rebate Day Centre
Leg 11 PQ #33578 Sitting 464 2012-04-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — djar tal-anzjani

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il dar għall-anzjani hemm f’Għawdex? Tista’ tagħti dan it-tagħrif skont il-lokalità? Tista’ tgħid kull dar kemm takkomoda anzjani? Tista’ tgħid kemm kienet l-ispiża fl-2011 fuq kull dar għat-tmexxija tagħha?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li f'Għawdex hawn żewġ residenzi għall-anzjani tal-istat, jiġifieri Residenza Sant' Anna u l-Male Geriatric Ward. Dawn jagħmlu parti mill-Isptar Ġenerali ta' Għawdex. Ir-Residenza Sant' Anna takkomoda 81 anzjana u l-Male Geriatric Ward takkomoda 40 anzjan. L-ispiża tal-Isptar hija globali u mhijiex apporzjonata fuq wards.
Leg 11 PQ #33580 Sitting 464 2012-04-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — faċilitajiet ta’ rijabilitazzjoni għall-anzjani

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il faċilità ta’ rijabilitazzjoni għall-anzjani hemm f’Għawdex? Tista’ tagħti dan it-tagħrif skont il-lokalità? Tista’ tgħid kull faċilità kemm takkomoda anzjani? Tista’ tgħid kemm kienet l-ispiża fl-2011 fuq kull faċilità għat-tmexxija tagħha?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 33576.
Leg 11 PQ #33822 Sitting 464 2012-04-25 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

vjaġġi bil-baħar bejn Malta u Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kien it-total ta' vjaġġi bil-baħar bejn Malta u Għawdex fl-2011 u x'kien it-total ta' passiġġieri u vetturi li għamlu użu minn dawn il-vjaġġi fl-istess sena?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob l-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment.
Leg 11 PQ #540 Sitting 463 2012-04-23 Written · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — San Lawrenz - Triq id-Dwejra - ħajt

Question

Peress li l-ħajt li hemm matul Triq id-Dwejra f'San Lawrenz, Għawdex jinsab fi stat ħażin ħafna u huwa ta' perikolu speċjalment għat-tfal, tista' l-Ministru tara li dan il-perikolu jitneħħa billi jiġi rranġajt minħabba l-fatt li l-ħajt ma jaqax taħt ir-responsabiltà tal-kunsill lokali imma taħt il-Gvern Ċentrali?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li qiegħda tittieħed l-azzjoni neċessarja.