Għawdxin li qed jieħdu part-time courses fl-Imsida Campus
Question
Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-Għawdxin li qed jattendu korsijiet part-time fl-Imsida Campus, liema korsijiet ma jsirux full-time fl-Università ta' Malta u lanqas isiru part-time fiċ-Ċentru tal-Università ta' Għawdex, mhux qed jingħataw la l-għajnuna għall-ispejjeż tal-vapur li jieħdu anki l-imjegati tal-gvern f'Malta u lanqas l-allowance tal-kera li jieħdu l-Għawdxin kollha li jistudjaw Malta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-għajnuna mogħtija mill-Ministeru għal Għawdex lill-istudenti Għawdxin tingħata biss lil dawk li jkunu jattendu kors fuq bażi full-time.
Tibdil infrastrutturali fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex
Question
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti tat-tibdil infrastrutturali li se jsiru fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex u l-permessi relattivi maħruġa mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li x-xogħlijiet ta' ristrutturar u tisbiħ li qed isiru fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex ma jirrekjedux permessi mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
Tista' l-Ministru tgħid meta se jintwera l-film Għawdxi, il-Verità Kollha, li ġie meħud fit-30 ta' Marżu 2012 wara li saret tindifa lill-Isptar Ġenerali t'Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tiċċara l-mistoqsija biex tkun tista' tingħata risposta.
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il ambulanza hemm taħdem u kemm-il ambulanza hemm bil-ħsara u/jew li m'għaddietx mill-VRT fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex? Kemm ilhom li nxtraw l-ambulanzi li qed jintużaw fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex? Meta se jiġu msewwija jew mibdula dawn l-ambulanzi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Inżid ukoll illi żewġ ambulanzi ġodda oħra, huma ordnati u għandhom jaslu Malta sal-aħħar ta' Mejju 2012.
Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport dwar l-Azure Window fid-Dwejra mħejji mill-Bureau Veritas? Tista' tagħti d-data meta ġie kkummissjonat l-istudju? Kemm ġie jiswa l-istudju kollu? Ir-rapport meta ġie ppreżentat lill-Ministeru? X’follow up action ittieħdet dwaru? Billi ntqal li dan l-aħħar il-Ministeru tiegħek irrikorra għas-servizzi ta’ ġeoloġista Għawdxija, tista' tgħid min hi l-persuna? Kif intgħażlet? Tista' tqiegħed kopja tas-CV tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra? Fuq liema terms of reference ġiet ingaġġata u kemm se titħallas għas-servizzi tagħha?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport mitlub. Ninsab infurmata li r-rapport ġie kummissjonat fl-2005, ġie jiswa Lm1,443.44c u ġie ppreżentat lill-Ministeru għal Għawdex f'Lulju tal-2006. Jiena nfurmata wkoll li peress li r-rapport ikkonkluda li l-kollass tat-tieqa huwa inevitabbli u li xogħlijiet li setgħu jsiru biex forsi jittardja l-kollass tagħha kienu perikolużi ma ttieħditx azzjoni u saru tabelli li jinfurmaw lill-pubbliku bil-periklu li kien hemm fuq dan is-sit. Il-Ministeru qed jitlob il-parir tal-ġeoloġista Dr Salvu Xerri li għandu esperjenza twila f'dan il-qasam.
Politika reġjonali għall-iżvilupp tas-settur turistiku
Question
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 32660 fejn ġiet mitluba tgħid jekk hemmx politika reġjonali għall-iżvilupp tas-settur turistiku ta’ Għawdex u peress li l-Ministru informatni li f'dan is-settur tiġi segwita l-politika nazzjonali tal-Gvern u rreferietni għall-politika nazzjonali tat-Turiżmu li nħarġet għall-konsultazzjoni fil-ġimgħat li għaddew u li fiha sezzjoni dwar Għawdex, tista’ l-Ministru tgħid liema awtorità reġjonali statutorja hija responsabbli għat-tfassil u t-twettiq ta’ sezzjoni dwar Għawdex? Tista’ tgħid jekk hemmx u hux se jkun hemm fondi vvotati apposta għat-twettiq tal-sezzjoni dwar Għawdex? Jekk fl-affermattiv taħt liema vot/i tal-Estimi Finanzjarji huma inkluzi dawn il-fondi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tfassil tal-politika nazzjonali tat-Turiżmu inkluż is-sezzjoni dwar Għawdex qed titħejja mill-Ministeru għat-Turiżmu, il-Kultura u l-Ambjent flimkien mal-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta. Il-Ministeru għal Għawdex ġie kkonsultat fuq din il-politika u b'mod speċifiku dwar din is-sezzjoni. Ir-responsabilità għat-twettiq tas-sezzjoni dwar Għawdex taqa' taħt diversi entitajiet fosthom l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta, il-Ministeru għal Għawdex kif ukoll Ministeri oħrajn. Dan id-dokument għadda minn fażi ta' konsultazzjoni pubblika li preżentament qiegħda tiġi evalwata qabel id-dokument jiġi ffinalizzat.
B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari W287 u 30210 dwar passi meħuda biex jinħoloq kumpless f'Għawdex biex jintuża bħala eco-friendly business park bl-infrastruttura neċessarja biex tiġbed lejn Għawdex kumpaniji fis-servizz finanzjarji fl-ICT u teknoloġija oħra relatata, tista’ l-Ministru tgħid fejn waslu d-diskussjonijiet ma’ awtoritajiet kompetenti biex jitwettaq dan il-proġett? Tista’ tgħid ma’ liema awtoritajiet saru/qed isiru dawn id-diskussjonijiet? Xi żviluppi kien hemm s’issa fid-diskussjonijiet ma’ kull waħda minn dawn l-awtoritajiet?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'dan l-istadju m'għandi xejn xi nżid mat-tweġibiet tal-Mistoqsijiet Parlamentari W287 u 30210.
Tista' l-Ministru tgħid jekk hux possibli li l-anzjani Għawdxin jiġu trattati bħal ħuthom Maltin fis-sens li l-gvern f'Għawdex għar-rigward l-anzjani jixtri numru ta' sodod mill-privat bħalma jsir f'Malta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li r-Residenzi tal-Anzjani tal-Gvern f'Għawdex qegħdin ġeneralment jissodisfaw id-domanda preżenti.
Tista' l-Ministru tispjega x'inhi r-raġuni li studenti universitarji Għawdxin qegħdin jiġu mġiegħla jiffirmaw dikjarazzjoni li huma kuljum jmorru u jiġu minn Malta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li sal-aħħar tas-sena 2011, l-istudenti Universitarji residenti f'Għawdex kienu rikjesti jiffirmaw dikjarazzjoni li permezz tagħha kienu jikkonfermaw in-numru ta' ġranet li fihom vjaġġaw bejn il-gżejjer.
Din l-iskema ġiet riveduta u mill-1 ta' Jannar 2012 kull student li jattendi l-UOM, MCAST u l-ITS ser jingħata ammont fiss kull tliet xhur matul is-sena akkademika. B'hekk tneħħa l-obbligu fuq l-istudent li jissottometti din id-dikjarazzjoni.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33984, peress li l-poplu u r-rappreżentanti tiegħu għandhom dritt ikunu jafu, jiflu u jagħrblu kull flus minfuqa mill-gvern fid-dettal tagħha sal-punt li jkunu huma sodisfatti u mhux il-Ministru li jkun nefaq il-flus tal-poplu li l-flus intefqu sewwa, tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-returns bi break down dettaljat tal-ispiża li saret fuq kull item tal-Vot Kapitali tal-Ministeru tagħha li ntbagħtu lill-Budget Office fil-Ministeru tal-Finanzi għal Diċembru 2010, għal Novembru 2011 u għal Diċembru 2011?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m'għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 33984.
Ministeru għal Għawdex — informazzjoni dwar konsulenti
Question
Tista' l-Ministru tagħti lista ta' konsulenti jew kumpaniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul l-2011 ? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Tista' tgħid jekk kull servizz mogħti, ingħatax b’direct order jew le?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Miniitru tagħti d-dettalji dwar il-brochure b'propoganda personali li hi qasmet fl-għeluq ir-raba sena tal-ħidma tagħha? Fejn ġie stampat u kemm ġie jiswa? Xi spejjeż oħra kien hemm relatai mal-produzzjoni ta' dan id-dokument? Mil-liema vot?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jiena la stampajt u wisq anqas qassamt brochures f'għeluq ir-raba' sena ħidma tiegħi.
Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-ktejjeb li tqassam lill-media waqt il-konferenza mogħtija mill-Ministeru għal Għawdex b'rabta mal-erba' snin ħidma tal-Gvern, allura ninfurmawh li ġew stampati 150 ktejjeb li swew ammont totali ta' €1552 (VAT inkluż). Ix-xogħol ingħata lill-istampatur li ssottometta l-irħas stima. Ma kien hemm ebda spejjeż oħra relatati.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 32673 dwar il-post identifikat minn fejn jista' jiġi mħaddem il-one-stop shop, tista' l-Ministru tgħid f’liema triq fir-Rabat jinsab il-post identifikat? Għalxiex qed jintuża llum? Min huwa l-propjetarju tal-post? F’idejn min qiegħed fil-preżent? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra site plan tal-post identifikat? Meta bdew id-diskussjonijiet biex dan il-post jiġi ristrutturat? Jekk tlestew dawn id-diskussjonijiet, meta tlestew? X’xogħlijiet huma meħtieġa li jsiru? Jekk id-diskussjonijiet ma tlestewx, meta mistenni li jitlestew?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-post identifikat jinsab fit-Triq ta' Wara s-Sur, ir-Rabat. Fil-preżent dan qed jintuża mill-fergħa tax-Xogħlijiet Pubbliċi fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Dan il-post huwa proprjetà tal-Gvern, u bħalissa qiegħed f'idejn il-Ministeru għal Għawdex. Qed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra site plan tal-post identifikat, immarkat bl-aħmar fit-triq rispettiva. Id-diskussjonijiet biex dan il-post jiġi ristrutturat bdew fl-2011. S'issa dawn id-diskussjonijiet għadhom għaddejjin.
Politika Reġjonali għall-iżvilupp tas-settur kulturali t'Għawdex
Question
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 32669 dwar politika reġjonali għall-iżvilupp kulturali ta’ Għawdex fejn l-Ministru qalet li fis-settur tal-kultura tiġi segwita l-politika nazzjonali tal-gvern u rreferietni għall-politika nazzjonali tal-gvern f’dan il-qasam li ħarġet is-sena l-oħra u li fiha Għawdex jissemma b'mod speċifiku, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument li rreferietni għalih u tindika dik il-parti li fiha Għawdex jissemma b’mod speċifiku? Tista’ tgħid liema awtorità reġjonali statutorja tieħu ħsieb it-twettiq ta’ din il-politika f’Għawdex? Tista’ tgħid kemm hemm flus ivvotati għat-twettiq ta’ din il-politika f’Għawdex għal din is-sena? Taħt liema vot/i ta’ nefqa ġew allokati? Liema awtorità reġjonali statutorja tamministra dawn il-fondi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Politika Kulturali Nazzjonali tinsab fuq is-sit elettroniku www.maltaculture.com fis-sezzjoni "about us". Dan id-dokument ġie ppubblikat fl-2011. Din il-politika tinkorpora fiha l-aspett kulturali kemm fuq livell nazzjonali, kif ukoll dak reġjonali u lokali. Għawdex jissemma wkoll b'mod speċifiku f'paġna sitta u għoxrin (26) fejn jagħmel referenza għal Eko Għawdex. Għal dan il-għan nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ukoll għal sezzjoni 2.4.1 tal-Pjan t'Azzjoni Eko Għawdex 2010-2012.
Ir-responsabilità għat-twettiq ta' dawk il-miżuri ta' din il-politika li jirrigwardaw lil Għawdex taqa' taħt l-Uffiċċju tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Għal 2012 il-voti allokati b'mod speċifiku għall-attivitajiet kulturali jammontaw għall-285,000 ewro. Dawn il-fondi jiġu amministrati mill-Ministeru għal Għawdex.
Eko Għawdex — nefqa fuq l-uffiċċju f'pjazza San Franġisk, Rabat
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33616, tista' l-Ministru tgħid item item il-kuntratturi li ħadmu dan ix-xogħol? Dan ix-xogħol ingħata b'direct order jew b'tender?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex ripetutament kull meta jonqos xi skrivan mill-uffiċċju tal-liċenzji tal-karozzi ta' Għawdex mhux qed jintbagħtu oħrajn minflokhom u dan b'inkonvenjenti kbar kemm għall-pubbliku u kemm għal min jaħdem hemm?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li s-sitwazzjoni għar-rigward tal-iskrivani fl-uffiċċju tal-liċenzji tal-karozzi qed tiġi indirizzata.
Ministeru għal Għawdex — impjegati nisa bi skala sebgħa
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati nisa fil-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha li huma minn skala sebgħa 'l fuq?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li hemm 90 impjegati nisa fil-Ministeru u d-direttorati li jaqgħu taħtu li huma minn skala sebgħa 'l fuq.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30734 dwar is-sit magħżul għall-uffiċċji relatati ma' back office, tista’ l-Ministru tgħid jekk ix-xogħlijiet fuq dan is-sit tlestewx f'Jannar 2012 kif kien mistenni? Jekk le, meta tlesta jew mistenni li jitlesta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li x-xogħlijiet ta' refurbishment u l-provvista tal-għamara ġewwa l-uffiċini msemmija huma lesti. Ninsab infurmata wkoll li fil-ġranet li ġejjin ser isiru xi xogħlijiet fuq il-parti ta' barra ta' dan il-bini.
Proġett ta' Ċentru Mediterranju fir-Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni
Question
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għal mistaqsija parlamentari 32195 dwar ftehim għat-tkabbir ta' siġar u pjanti ta' valur ġenetiku, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-ftehim mal-Università ta' Malta dwar il-proġett ta' Ċentru Mediterranju fir-Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni ġiex iffirmat? Jekk fl-affermattiv meta? Tista’ tpoġġi kopja ta’ dan il-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk għadu ma ġiex iffirmat, għaliex ma ġiex iffirmat? Meta mistenni li jiġi ffirmat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ma għandi xejn xi nżid mar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 32195.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa globalment għal kull safra separata (inkluż flights, subsistence allowance u accomodation) li fiha kienet involuta l-Ministru u fejn japplika s-Segretarju Parlamentari inkluż l-uffiċjali li marru magħhom? Fejn kienet id-destinazzjoni u minn akkumpanjahom matul l-2011?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.