Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mixed Commission bejn Malta u l-Libja — materja tal-kompetittività

Question

Jista' l-Viċi Prim MInistru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jinforma meta hi mistennija tiltaqa' l-Mixed Commission bejn Malta u l-Libja din is-sena? Jista' jara li tinbena l-idea biex iż-żewġ naħat jiddiskutu l-materja tal-kompetittività taż-żewġ pajjiżi u dan fid-dawl li ż-żewġ pajjiżi jikkontribwixxu aħjar għall-kummerċ u l-impjiegi rispettivi?

Response (BORG, TONIO)

Il-Kummissjoni Konġunta bejn Malta u l-Libja diġà ltaqgħet din is-sena. Is-26 Sessjoni ġiet konvenuta hawn Malta bejn it-18 u l-20 ta' Jannar. Filwaqt li d-data tas-Sessjoni li jmiss għad trid mifthema bejn iż-żewġ naħħat, is-suġġeriment li tiġi inkluża t-tema tal-kompetittività se jiġi evalwat fil-mument opportun.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — Kuntratti lill-kumpanija Content House

Question

Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2003 sal-lum x’kuntratti ngħataw mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranini jew xi entità li taqa' taħtu lill-kumpanija Content House? F’kull każ, x’kien il-valur tal-kuntratt u x’kien ix-xogħol li kellha tagħmel il-kumpanija? Il-kuntratti ngħataw b’tender jew direttament ??

Response (BORG, TONIO)

Mill-2003 lil hawn il-Ministeru uża s-servizz ta' Content House għal monitoraġġ ta' media internazzjonali matul xi xhur fl-2008, u matul is-sena 2009. L-offerta ta' Content House kienet irħas minn dik ta' min kien jipprovdi s-servizz qabel l-2008. Is-servizz ta' din il-kumpanija mhux qed jintuża għas-sena 2010 minħabba li ntalbu stimi ġodda u ġie magħżul l-irħas servizz provdut minn kumpanija oħra.

Qorti tal-Ġustizzja Ewropea — imħallfin ta' Malta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jindika kemm baqgħalhom żmien iż-żewġ imħallfin ta' Malta li jippresjedu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea?

Response (BORG, TONIO)

L-Imħallef Anthony Borg Barthet inħatar membru tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja għal perjodu transitorju mqassar mill-1 ta' Mejju 2004 sas-6 ta' Ottubru 2006. It-terminu tal-kariga preżenti beda fis-7 ta' Ottubru 2006 u għandu jispiċċa fis-6 ta' Ottubru 2012. L-imħallef Ena Cremona ukoll inħatret membru tal-Qorti tal-Prim' Istanza tal-komunitajiet Ewropej għal perjodu transitorju mqassar mill-1 ta' Mejju 2004 sal-31 ta' Awwissu 2007. It-terminu tal-kariga preżenti beda fl-1 ta' Settembru 2007 u jispiċċa fil-31 ta' Awwissu 2013. Mill-1 ta' Diċembru 2009, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Qorti tal-Prim' Istanza tal-Komunitajiet Ewropej saret magħrufa bħala l-Qorti Ġenerali.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — każijiet ta' korruzzjoni tal-VAT

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jwieġeb mistoqsija parlamentari 16052 u jgħid jekk matul l-2009 u 2010, persuni u/jew kumpaniji li nstabu ħatja fil-każ ta’ korruzzjoni tal-VAT ingħatawx kuntratti u/jew direct orders mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħtu? Jekk iva, liema huma dawn il-kumpaniji, liema kienu l-kuntratti u għal kemm jammontaw?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li, mill-informazzjoni disponibbili, ma jidhirx li matul l-2009 u l-2010 ngħataw kuntratti u/ jew direct orders mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u/jew entitajiet li jaqgħu taħtu, kif indikat fil-mistoqsija ta' l-Onorevoli Interpellant.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — xiri ta' computers

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm inxtraw computers inkluż laptops u/jew notebook computers fid-dekasteru tiegħu mill-1 ta' Jannar 2008 sal-lum? Għal min inxtraw u kemm kien il-prezz? Min awtorizza dan ix-xiri?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Kull apparat li nxtara ġie approvat mid-Direttur tas-Servizzi Korporattivi u/jew mill-Ministeru tal-Finanzi skont il-valur ta' prodott mixtri.

visas lill-barranin

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar in-numru ta' visas li ħarġu lill-barranin biex dawn ikunu jistgħu jżuru Malta, matul l-2008 u l-2009 rispettivament? Minn liema pajjiżi kienu dawk li nħarġitilhom visa u kemm kien in-numru minn kull pajjiż konċernat?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub.

visas għall-ħaddiema Maltin fil-Libja

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarjiet Barranin jagħti informazzjoni dwar kemm hu n-numru ta' ħaddiema Maltin li jaf bihom il-Ministeru u li għandhom xogħol permamenti fil-Libja? Kemm kien in-numru ta' visas li ħarġu lill-Maltin fl-2008 u fl-2009 rispettivament biex iżuru dan il-pajjiż?

Response (BORG, TONIO)

In-numru eżatt ta' Maltin li jaħdmu l-Libja jvarja bejn 350 u 400 skont il-kuntratti minn żmien għal żmien. Ħadd minn dawn m'għandu xogħol permanenti. In-numru ta' visas maħruġa lill-Maltin biex iżur l-Libja hu magħruf mill-awtoritajiet Libjani.

proċess għan-nomina ta' Malta għall-imħallef quddiem il-Qorti Ewropea

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jindika fiex wasal il-proċess għan-nomina ta' Malta għall-Imħallef sabiex jippresjedi quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem? Jista' jikkonferma jew le jekk il-gvern għażilx in-nomina tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista' jindika min huma?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Uffiċċji rappreżentattivi tal-Malta Enterprise

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk hemmx xi pjan għall-ftuħ ta' uffiċċji rappreżentattivi oħra tal-Malta Enterprise f'pajjiżi tal-Gulf Coperation Council, jekk hux se jkollhom fihom personnel Malti u jekk bħala heads hux se jkollhom Konsli Maltin ?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel żewġ partijiet tal-mistoqsija nitlob lill-Onervoli Interpellant isaqsi l-istess lill-Ministru konċernat. Dwar l-aħħar parti, l-uniku Head ta' uffiċċju tal-Malta Enterprise, hu dak fid-Dubai. Jekk tinħass il-ħtiega dan l-mudell jista' jiġi estiz f'pajjizi oħra fiż-żona tal-Gulf, u anke f'reġjuni oħra.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — xiri ta' mobile phones/iPhones

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid inxtrawx mobile phones/iPhones fid-dikasteru tiegħu mill-1 ta' Jannar 2008 sal-lum? Għal min inxtraw u kemm kien il-prezz? Min awtorizza dan ix-xiri?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mill-1 ta' Jannar 2008 s'issa inxtraw 17 mobiles / i-phones li ammontaw għal € 3,226.86. Iktar dettalji jinsabu fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Segretarjat Ġenerali tal-Unjoni tal-Mediterran — persuni nominati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti l-isem tal-persuna jew persuni li ġew nominati mill-Gvern Malti biex iservu fis-Segretarjat Ġenerali tal-Unjoni tal-Mediterran li għadu mhux qed jiffunzjona għax jinsab bla budget?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Malta kellha tinnomina persuna waħda biex isservi fis-Segretarjat tal-Unjoni tal-Mediterran u li Malta innominat lis-Sinjura Cecilia Attard Pirotta li ġiet aċċettata.

pajjiżi li fihom joqogħdu ċittadini Maltin

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar liema huma l-pajjiżi li fihom hu magħruf li hemm ċittadini Maltin, jew persuni ta' dixxendenza Maltija joqogħdu fihom? Kemm hu n-numru ta' persuni, fil-pajjiżi fejn il-preżenza hi żgħira, li hu magħruf li qed joqogħdu f'dawn il-pajjiżi?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li informazzjoni uffiċċjali ma teżistix. Iżda minn informazzjoni mhux uffiċċjali u lanqas dokumentata, il-Ministeru ġabar l-informazzjoni mill-Ambaxxati u Konsolati, li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — attivitajiet/konferenzi/taħditiet organizzati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'attivitajiet/konferenzi/taħditiet ġew organizzati mill-ministeru u mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu f'dawn l-aħħar sitt xhur? X'kienet l-attività? X'kienet l-ispiża involuta? Kien hemm xi ko-finanzjament għal dawn? Jekk fl-affermattiv minn min sar il-ko-finanzjament?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — każijiet ta' korruzzjoni tal-VAT

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk matul is-snin 2004, 2005, 2006, 2007 u 2008, persuni u/jew kumpaniji li nstabu ħatja fil-każ ta’ korruzzjoni tal-VAT ingħatawx kuntratti u/jew direct orders mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħtu? Jekk iva, liema huma dawn il-kumpaniji, liema kienu l-kuntratti u għal kemm jammontaw?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'xi seduta oħra.

Ambaxxaturi li jirrappreżentaw lill-Malta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar f'liema pajjiżi Malta għandha ambaxxata/ high commission miftuħa? Fejn hemm ambaxxatur/high commissioner residenti permanentement? F'dawk il-pajjiżi fejn Malta mhix rappreżentata permanentement, x'tip ta' rappreżentanza għandna u min jieħu ħsieb l-interessi tal-Maltin?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — benefiċċji relatati mal-kariga ta' chairman u kap eżekuttiv

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti dettalji dwar kemm huwa s-salarju u/jew onorarja, u benefiċċji oħra relatati mal-karigi ta' chairman u kap eżekuttiv, f'awtoritajiet, aġenziji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lil-Onorevoli Interpellant illi taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin m'hemm l-ebda awtorità, aġenzija jew korporazzjoni.

ftehim bilaterali bejn Malta u New Zealand

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti lista ta' ftehim bilaterali li jeżisti bejn Malta u New Zealand? Jista' jgħid ukoll liema ftehim huwa pending u x'inhuma l-prospettivi li dawn jiġu finalizzati? Jista' jgħid x'inhuma l-problemi li qegħdin iżommu lura li l-ftehim bilaterali dwar servizzi soċjali ilu dan iż-żmien kollu biex jiġi fis-seħħ, meta dan ilu jiġi mwiegħed mill-2004?

Response (BORG, TONIO)

Malta u New Zealand iffirmaw ftehim wieħed bejniethom, dak tad-19 ta' Mejju 2004 dwar arranġament imsejjaħ "Working Holiday Scheme". Permezz ta' dan il-ftehim, kull sena sa ħamsin żagħżugħ u żagħżugħa Maltin jistgħu jżuru New Zealand taħt din l-iskema għal perjodu ta' 12-il xahar. Bħalissa hemm żewġ ftehim bilaterali li qed jiġu negozjati bejn Malta u New Zealand, wieħed dwar is-Sigurtà Soċjali u ieħor dwar il-Ħelsien mit-Tassazzjoni Doppja. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jindirizza l-mistoqsija tiegħu dwar il-ftehim dwar is-Sigurtà Soċjali lill-Ministru konċernat.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — każijiet ta' korruzzjoni tal-VAT

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk matul l-2009 u 2010, persuni u/jew kumpaniji li nstabu ħatja fil-każ ta’ korruzzjoni tal-VAT ingħatawx kuntratti u/jew direct orders mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħtu? Jekk iva, liema huma dawn il-kumpaniji, liema kienu l-kuntratti u għal kemm jammontaw?

Response (BORG, TONIO)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra

training tal-istaff diplomatiku ta' Malta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid x'kien il-ħlas li ħa l-individwu li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għall-konsulenza li għamel u t-training li ta lil uħud mill-istaff diplomatiku ta' Malta? Għalfejn intgħażel dan l-individwu? Kien hemm xi shortlisting qabel ma ntgħażel? Jekk iva, min kienu l-ismijiet l-oħra? Għalfejn fl-aħħar mill-aħħar intgħażel dan l-individwu? Minn min?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi għal mistoqsijiet parlamentari 15157 u 15563 fejn diġà ngħatat tweġiba.

Protocol on Integrated Coastal Zone Management in the Mediterranean

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar jekk Malta hux qed tikkonsidra li tiffirma l-Protocol on Integrated Coastal Zone Management in the Mediterranean? Jekk iva, meta hu mistenni li dan il-protokoll jiġi ffirmat u possibilment ratifikat? Hemm xi studji partikolari li Malta għandha bżonn twettaq qabel tiffirma dan il-protokoll?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.