Legislature:
Category:
Reset
Active:

Carers li jaħdmu mal-anzjani - Għarfien bażiku tal-lingwa Maltija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’ser ikun qed isir biex il-carers li jaħdmu mal-anzjani jkollhom għarfien bażiku tal-lingwa Maltija? Jista’ jgħid ukoll meta dan ser isir rekwiżit?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-istandards regolatori maħruġa mill-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani (OPSA) diġà jesiġu li l-istaff li jaħdmu fid-djar tal-anzjani jkollhom taħriġ fil-lingwa Maltija, liema Standard jinsab fir-‘Residential Services for Senior Citizens’ taħt is-sezzjoni ‘Training for Staff’.

Carers li jaħdmu mal-anzjani - Skills pass

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ser ikun qed jiġi introdott l-iskills pass għall-carers li jaħdmu mal-anzjani?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani (OPSA) bħalissa għaddejja bi proċess sabiex tiġi ntrodotta u mplimentata skills pass għall-carers li jaħdmu mal-anzjani fiż-żmien li ġej.

Anzjani li jgħixu fil-komunità - Residenza San Vincenz de Paule - Terapija tal-kimoterapija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta l-anzjani li jgħixu fil-komunità ser jibdew jirċievu t-terapija tal-kimoterapija fir-Residenza San Vincenz de Paule? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ kanċer ser ikun qed jiġi trattat f’din ir-residenza?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, fiż-żmien li ġej, ġewwa d-Day Clinic ta’ San Vinċenz de Paul se jkun hemm klinika speċjalizzata sabiex tipprovdi trattament għal diversi kundizzjonijiet relatati mad-demm u mard ieħor. Fl-ewwel fażi tal-operat tagħha, il-klinika se tkun qed toffri diversi trattamenti, bil-għan li skont il-ħtiġijiet identifikati u l-iżvilupp tas-servizz, jiġu estiżi wkoll it-trattamenti offruti.

L-Imtarfa - Dar tal-Anzjani - Xogħol ta’ rinnovazzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex wasal ix-xogħol ta’ rinnovazzjoni fid-Dar tal-Anzjani fl-Imtarfa? Jista’ jgħid ukoll kemm ser jiġi jiswa b’kollox dan ix-xogħol?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Il-Mosta - Dar tal-Anzjani - Xogħol ta’ rinnovazzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex wasal ix-xogħol ta’ rinnovazzjoni fid-Dar tal-Anzjani fil-Mosta? Jista’ jgħid ukoll kemm ser jiġi jiswa b’kollox dan ix-xogħol?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

L-Isptar Mater Dei – Clerks – Ħlas għall-użu tal-parkeġġ

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex membri tal-istaff li jaħdmu bħala clerks ingaġġati mill-kuntrattur qed jintalbu jħallsu l-użu tal-parkeġġ fl-Isptar Mater Dei meta jkunu qed jaqdu dmirhom fis-settur pubbliku?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-deċiżjoni dwar din il-materja ma ttieħditx mill-Isptar Mater Dei. Ma' dawn il-ħaddiema, l-isptar mexa mal-obbligi kuntrattwali tiegħu.

Appuntamenti ma' konsulent tal-ortopedija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm pazjenti jistennew appuntament ma' konsulent tal-ortopedija u kemm hi twila l-waiting time?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-appuntamenti mal-konsulenti tal-Ortopedija jingħataw skont il-prijorità klinika u d-disponibbiltà tal-klinika. Kull riferta tiġi skedata fl-iqsar żmien possibbli skont il-ħtiġijiet kliniċi tal-pazjent.

Ministeru għas-Saħħa – Sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali – KPIs

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk ġewx stabbiliti indikaturi ta' prestazzjoni (KPIs) sabiex jitkejjel l-impatt tal-użu ta' sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali fi ħdan il-Ministeru u l-entitajiet tiegħu, u jekk iva, jelenkahom u jindika kif qed jitkejlu?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija nru. 704.

Sptarijiet tal-Gvern – Impjegati

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 114 u jgħid kemm huwa n-numru ta’ persuni impjegati fl-isptarijiet differenti tal-Gvern, u jaqsam din l-informazzjoni skont il-kategoriji ta’ impjiegi stabbiliti għas-servizzi varji li huma meħtieġa f’kull livell? F’kull kategorija ta’ impjieg, jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-ħaddiema huma Maltin u kemm huma ta’ nazzjonalità mhux Maltija?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Berġa tas-Siġġiewi – Tobba

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kull meta jkun hemm tabib fil-Berġa tas-Siġġiewi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Klinika tal-Komunità tas-Siġġiewi is-servizz tat-Tabib tal-Familja jiġi offrut darbtejn fil-ġimgħa, nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Tlieta.

Berġa tas-Siġġiewi – Servizzi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’servizzi tas-saħħa jingħataw fil-Berġa tas-Siġġiewi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Klinika tal-Komunità tas-Siġġiewi hemm tliet kmamar kliniċi li fihom jiġu offruti diversi servizzi għall-klijenti tad-Dipartiment għall-Kura tas-Saħħa Primarja. Il-Klinika toffri servizz ta’ Tabib tal-Familja, servizz ta’ Infermiera, servizz ta’ Flebotomija (tneħħija tad-demm), servizz ta’ Speech Language Pathology, servizzi ta’ Podjatrija, servizzi ta’ Fiżjoterapija u servizz ta’ Psikoloġija.

Infermiera speċjalizzati fil-qasam tal-mediċina

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx infermiera speċjalizzati fil-qasam tal-mediċina li jaħdmu fiha bħal pereżempju fil-kardjoloġija jew ġerantoloġija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta hija fl-affermattiv.

Anzjani li jgħixu fi djar tal-anzjani

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm huwa n-numru ta’ anzjani li llum jgħixu fi djar tal-anzjani?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru ta’ anzjani li jgħixu fi djar tal-anzjani jammonta għal 4267; filwaqt li 1446 pazjent huwa rikoverat fil-long term care ta’ San Vinċenz de Paule.

Ċentri għall-Anzjanità Attiva

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fejn ser jinfetħu aktar ċentri għall-anzjanità attiva apparti dawk f’Ħaż-Żabbar u f’Ħaż-Żebbuġ?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li hemm pjanijiet biex jinfetħu ċentri oħra fiż-żmien li ġej u bħalissa qegħdin isiru l-arranġamenti sabiex jiġu identifikati l-postijiet eżatti.

Ħaż-Żebbuġ - Ċentru għall-Anzjanità Attiva

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ser ikun qed jiftaħ iċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva f’Ħaż-Żebbuġ?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ċ-ċentru ta’ matul il-jum għall-Anzjanità Attiva f’Ħaż-Żebbuġ ser jiftaħ fis-sena 2028.

Ħaż-Żabbar - Ċentru għall-Anzjanità Attiva

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ser ikun qed jiftaħ iċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva f’Ħaż-Żabbar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ċ-Ċentru ta’ matul il-jum għall-Anzjanità Attiva f’Ħaż- Żabbar ser jiftaħ fis-sena 2027.

Università tar-Raba’ Età - Anzjani li jgħixu fi djar tal-anzjani

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm huwa n-numru ta’ anzjani li llum jgħixu fi djar tal-anzjani li jattendu l-Università tar-Raba’ Età?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-sena skolastika li għaddiet ġewwa l-Università tar-Raba’ Età attendew 150 anzjan li jgħixu fi djar tal-anzjani.

Fall detection sensors, dawl addattiv u ‘voice-controlled appliances’

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ser ikunu qegħdin jingħataw il-‘fall detection sensors’, dawl addattiv u ‘voice-controlled appliances’ lill-anzjani li jgħixu waħedhom fil-komunità? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn humiex ser jingħataw b’xejn lill-anzjani jew jekk huwiex ser ikun hemm ħlas għalihom? Jekk iva, jista’ jgħid kemm ser ikun il-ħlas?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħalissa l-Anzjanita’ Attiva u l-Kura fil-Komunita’ tinsab fil-fażi ta’ ppjanar ta’ din l-inizjattiva. Wara li jitlestew il-proċessi neċessarji kollha, tibda l-fażi tal-offerta għax-xiri tal-hardware u s-software u s-sistema tal-implimentazzjoni.

Operazzjoni tat-tunsilli – Appuntamenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm pazjenti jistennew appuntament għall-operazzjoni tat-tunsilli?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li sal-1 ta’ Lulju 2026 kien hemm 145 pazjent li ilhom jistennew aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti.

Proċeduri relatati mal-uroloġija – Appuntamenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm pazjenti jistennew appuntament għal proċeduri relatati mal-uroloġija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li sal-1 ta’ Lulju 2026 kien hemm 198 pazjent li ilhom jistennew aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti.