Legislature:
Category:
Reset
Active:

xiri ta' dawl minn Sqallija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jaħsibx li bil-mod li nixtru d-dawl mill-grid minn Sqallija fl-Italja, il-prezz tal-istess dawl huwiex se jiġi iktar għoli jew jekk huwiex se jorħos lill-konsumatur Malti u Għawdxi meta jibda jagħmel użu minn dan id-dawl?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 36281.

Sqallija u l-Italja — prezz tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-prezz tad-dawl għall-Isqallin u Taljani tul dawn l-aħħar tliet snin? Kemm-il darba għola u kemm il-darba raħas? X'kien il-prezz tad-dawl meta għola u x'kien meta raħas?

Response (FENECH, TONIO)

Fil-mistoqsija l-Onor. Interpellant qed jiddistingwi l-prezz tad-dawl bejn Sqallija u l-Italja u jista’ jkun li mhux qed jirreferi għall-prezzijiet lill-konsumatur imma għall-prezzijiet tad-dawl interni. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jiċċara l-mistoqsija tiegħu.

Dipartiment tat-Taxxi Interni — Karta tal-Income Tax

Question

Jista' l-Ministru jara li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni joħroġ karta lis-sinjura li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li ilha titlob u tmur ħafna drabi l-Income Tax u jgħidula li din trid tinġieb mill-arkivji?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li uffiċjali mit-taqsima tat-Taxpayer Service tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni għamlu kuntatt mal-persuna indikata u d-diffikultà li għandha ġiet solvuta.

Arms Ltd — Kont pendenti

Question

Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni li l-kont li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ilu ma jinħareġ għal xhur sħaħ b'detriment għall-anzjana li hija reġistrata fuqu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ngħatat lil ARMS Ltd li minn naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.

Birżebbuġia — Triq San Mikiel - tiswijiet fil-kanna tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara, stante t-tentattivi inutili da parti tar-residenti, li l-kanna maqsuma fi Triq San Mikiel, Birżebbuġia tiġi rranġata u ma jibqax ħiereġ l-ilma?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħadet il-passi neċessarji u l-ħsara ssewwiet.

WSC — ħsarat f'kanna

Question

Jista' l-Ministru jara l-ilment tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward xi kanna li qiegħda tqattar wara li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlet xi xogħlijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma installat xi apparat ta’ komunikazzjoni mal-meter, u minħabba li ċċaqlaq ix-xogħol, ikkawża leak żgħir. Din il-ħsara qatt ma ġiet irrapurtata lill-korporazzjoni, biss kif daħlet l-informazzjoni, ġiet imsewwija minnufih.

ilmenti dwar kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-mara li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għalkemm ħallset l-arretrati kollha tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, għadha qed tirċievi kontijiet għoljin?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ngħatat lil ARMS Ltd li min-naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.

Isla — ilment dwar substation

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se tieħu l-Korporazzjoni Enemalta rigward substation li hemm fi Triq 4 ta' Settembru l-Isla minħabba sħana kbira li qed ikun hemm peress li l-fannijiet fejn hemm fil-magni mhumiex mixgħulin b'konsegwenza li qed ikun hemm ħafna sħana?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li minħabba li qed isir xi xogħol fil-bieb tas-substation, kien hemm il-ħtieġa li jinqala’ l-extractor fan li kien imwaħħal mal-bieb. Temporanjament twaħħal exractor fan ieħor fuq in-naħa ta’ ġewwa tas-substation. Malli x-xogħol ikun lest se jerġa' jitwaħħal l-extractor fan mal-bieb kif kien qabel.

Għawdex — Imġarr - irwejjaħ

Question

Peress li fl-Imġarr, Għawdex hemm problema minħabba rwejjaħ ta' drenaġġ ikkagunati minn blockage fis-sistema tad-drenaġġ għaliex instaddu l-mini; peress li meta sar ir-rapport lid-dipartiment konċernat, id-dipartiment qed jgħid li dan ix-xogħol ma jistax isir għaliex f'Għawdex m'hawn l-apparat ta' sigurtà meħtieġa u nel frattemp il-problema qed tippersisti u dan b'inkonvenjent kbir, jista' l-Ministru jara x'hemm bżonn isir biex din il-problema tiġi riżolta?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma bdiet ix-xogħol meħtieġ fuq il-mina, fejn ifforma blockage qawwi, x’aktarx ikkaġunat mill-maltempata qawwija tal-bidu ta’ Settembru. Dan huwa xogħol ta’ natura perikoluża u għalhekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-ilma tieħu miżuri għolja ta’ prekawzjoni għas-saħħa tal-ħaddiema tagħha. Dawn il-miżuri jinkludu li l-apparat tas-sigurta’, inkluż dak ta’ Għawdex, perjodikament jinħareġ mis-servizz għall-manutenzjoni u ċertifikazzjoni.

Enemalta — wires imwaħlin ma' faċċata ta' dar

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment tal-familja li d-dettalji dwar qed jintbagħtu separatament, li għandha dawn il-wires tad-dawl tal-Korporazzjoni Enemalta li qed jikkawżawlha ħsara mal-faċċata tad-dar filwaqt li wieħed mill-arbli qed jisparkja ta' sikwit u qed ikun ta' periklu għan-nies li jgħaddu mill-inħawi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngharraf lil Onorevoli Interpellant li r-risposta se tinghata f'seduta ohra.

San Pawl il-Baħar — Triq is-Simar - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif inhu mistenni li jitkompla x-xogħol li għad jonqos isir mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Korporazzjoni Enemalta, fi Triq is-Simar, San Pawl il-Baħar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngharraf lil Onorevoli Interpellant li r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

żball fil-ħlas ta' bolla

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' guvni li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament fejn bi żball kien qed iħallas bolla ukoll mill-part-time li flok taxxa kienu qed jaqtgħulu bolla?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi uffiċjali mit-taqsima tat-Taxpayer Service tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni diġà għamlu kuntatt mal-persuna indikata biex id-diffikultà li għandha tiġi mwieġba.

Arms Ltd — każ ta' persuna

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 34252, jista' l-Ministru jgħid għaliex sal-ġurnata tal-lum l-ARMS Ltd m'għamlet l-ebda kuntatt dirett ma' din il-klijenta li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li wara li l-ARMS għamlet kuntatt ma’ iben il-konsumatriċi, din il-persuna infurmat lill-ARMS li f’dak l-istess perjodu l-konsumatriċi kienet applikat għal xi vouchers tal-benefiċċji, u li l-ammont dovut fuq il-kontijiet, kien ser jiġi mħallas permezz ta’ installments.

Kontijiet tad-Dawl u Ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ dwar l-ilment tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni ngħatat lill-ARMS Ltd. li min-naħa tagħha kkomunikat direttament mal-klijent.

Għargħur — Triq Santa Katarina - spiera tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara x'jista' jsir peress li fi Triq Santa Katarina, Għargħur allegatament il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma mhux dejjem jieħdu ħsieb ibattlu l-ispiera tad-drenaġġ bil-konsegwenza li meta tfur, id-drenaġġ joħroġ fit-triq u kull meta l-kunsill jinduna li qed isir hekk, ninsab nfurmat li jgħarrfukhom dwar dan sabiex tibagħtu l-bowser? Hemm xi pjanijiet biex l-ispiera titqabbad mal-main tad-drenaġġ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Ħal Qormi — Triq Luqa - leakages

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-leakage ta' ilma fi Triq Luqa, Ħal Qormi (quddiem il-binja tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament) li ilu ħiereġ għal aktar minn ġimagħtejn?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma investigat u rriżulta li l-ilma kien ħiereġ minn residenza privata. Sar kuntatt mas-sid u min-naħa tiegħu ħa l-passi neċessarji biex iwaqqaf dan l-ilma.

Sistema tad-drenaġġ misduda

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-problema ta' din il-familja li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, li ghandha s-sistema tad-drenaġġ tal-gvern misduda (mill-bankina għal mat-triq) bil-konsegwenza li qed jikkawża inkonvenjent fid-dar tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi għalkemm is-sadd kien fil-house connection tal-konsumatur jiġifieri bejn il-bankina u s-sewer main tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, il-Korporazzjoni għenet lill-konsumatur biex ineħħi dan is-sadd u jsolvi l-problema.

Enemalta — wires tad-dawl

Question

Jista’ l-Ministru jinvestiga l-problema ta’ din il-familja li d-dettalji dwarha qed jitbagħtu separatament li għandhom wires tad-dawl għaddejjin minn mal-bieb tal-gallarija tagħhom b’inkonvenjent u periklu għalihom u minkejja li l-uffiċjali tal-Korporazzjoni Enemalta kienu anke marru fuq il-post sal-lum dawn ma tneħħewx?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi wara li saret spezzjoni fuq is-sit imsemmi, ġie kkonfermat li għalkemm saru xi tibdiliet fil-livelli tal-bini l-ebda applikazzjoni ma kienet sottomessa lill-Korporazzjoni Enemalta biex jiġu mressqin il-linji.