Legislature:
Category:
Reset
Active:

każ ta' housing soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-każ ta' housing soċjali bir-riferenza li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament ilu pendenti aktar minn ħmistax-il sena għadu sal-lum ma ġiex solvut, billi l-persuna involuta tingħata akkommodazzjoni soċjali mill-Awtorità tad-Djar?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-individwu qieghda tigi processata mal-applikazzjonijiet l-oħra.

Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja — Staff klerikali li għandhom degree mill-Università

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm staff klerikali li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li għandhom degree mill-Università? Jista' jgħid x'inhi d-degree u f'liema dipartimenti qegħdin? Jista' jgħid jekk humiex nisa jew irġiel?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija s-segwenti: - Awtorità tad-Djar; 2 nisa b’degree fl-edukazzjoni u fl-arkeologija - Qrati tal-Gustizzja; 10 nisa u 13-il raġel b’degrees diversi fosthom Criminology, Psychology & Sociology - MCESD; 4 nisa b’degree f’European Studies, International Relations, Economics u Business Management - MEUSAC; raġel b’degree f’Social Policy - Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg; mara b’degree fit-Taljan u l-Istudji Soċjali - Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali; 2 nisa b’degree fil-Komunikazzjoni u Management - Kummisjoni Nazzjonali għal Promozzjoni tal-Ugwaljanza; nil - Kummissjoni Nazzjonali ghal Persuni b’Dizabiltà; nil - Kummissjoni għal Vjolenza Domestika; nil - Dipartiment Standards fil-Ħarsien Soċjali; 3 nisa u 2 irġiel li għandhom Diploma - Kummisarju għall-Għaqdiet Volontarji; raġel u mara b’degree fl-Edukazzjoni u l-Marketing - Politika Soċjali; mara u ragel b’degree Islands and Small States Studies u Human Recources Management and Development - Kummissarju ghat-Tfal; 3 nisa u 2 irġiel b’degree f’Psychology, Sociology, Religious Studies u Diplomatic Studies.

talba għal benefiċċju

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34096, jista' l-Ministru jara li l-persuna kkonċernata tingħata risposta peress li s'issa ħadd għandu ma kkuntatjaha?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma li Onorevoli nterpellant li jien infurmat li d-Dipartiment reġa’ bagħat kopja tal-ittra oriġinali mibgħuta.

Persuni li jibbenefikaw minn għajnuna soċjali għall-ġenitur singlu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed jibbenefikaw minn l-għajnuna soċjali għall-ġenitur singlu?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-ammont ta’ persuni li jirċievu assistenza għaliex huma single parents (SUP) huwa ta’ 2950.

Paga Minima Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-paga minima nazzjonali? Kemm kienet il-paga minima nazzjonali fis-sena 2008, 2009, 2010, 2011 u din is-sena 2012?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-paga minima nazzjonali fil-ġimgħa applikabbli għas-snin mitluba hija s-segwenti: 2008 2009 2010 2011 2012 Ta’ età 18-il sena u fuqhom € 142.39 € 146.47 € 152.29 € 153.45 € 158.11 Ta’ età 17-il sena € 135.61 € 139.69 € 145.51 € 146.67 € 151.33 Taħt is-17-il sena € 132.77 € 136.85 € 142.67 € 143.83 € 148.49

Pensjoni tal-Wens

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu intitolat biex jibbenefika mill-pensjoni tal-wens? Kemm hu l-massimu ta' dħul fi flus li wieħed jista' jibbenefika minn din il-pensjoni tal-wens? Mis-sena 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 kemm hemm persuni li bbenefikaw minn din il-pensjoni? Mil-liema lokalità jiġu?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill Onorevoli interpellant li sabiex tapplika għall-Pensjoni tal-Wens trid tkun guvni jew xebba, inkella separat/a jew armel/a, u tkun qed iddur b’xi ħadd jiġi minnek li jkun jinsab f’sodda jew wheelchair. Il-massimu li persuna tista tibbenefika bħala Pensjoni tal-Wens huwa ta €98.69 fil-ġimgħa. Barra dan ikun intitolat għall-Bonus addizzjonali, il-bonus ta’ Ġunju u Diċembru, karta roża, benefiċċju ta’ l-Energija u għajnuna li tiġi mill-EU. Jista ukoll jikkwalifika għall-Għajnuna Medika (SKA) pero f’isem il-kap tal-familja.' l-Ammont ta persuni li ibbenefikaw mis-sena 2008 sal-lum huwa kif jidher fit-tabella kif impoggija fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pensjoni kontributorja għan-nisa li jkunu ħadmu għal għaxar snin

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk inbidlitx il-prattika/liġi li n-nisa li jagħlqu s-sittin sena huma intitolati għall-pensjoni kontributorja jekk ikunu ħadmu għaxar snin jew aktar? Jekk inbidlet, meta u kif saret u minn meta tgħodd din il-bidla?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jiena nfurmat li d-dritt għal pensjoni kontributorja taż-żewġ terzi jiddependi minn numru ta’ kundizzjonijiet kemm statutorji kif ukoll kontributorji. Fost il-kundizzjonijiet statutorji wieħed isib: 1. Li l-persuna tkun għalqet l-età tal-pensjoni; 2. illi kienet ilha taħdem għaliha nnifisha għal mhux anqas minn għaxar snin b’kollox qabel tirtira ; 3. illi tkun irtirat fis-16 ta’ Jannar 1979, jew wara ; u 4. illi tkun ħallset ir-rata proprja ta’ kontribuzzjonijiet f’kull żmien wara l-21 ta’ Jannar 1979. Fost il-kundizzonijiet kontributorji wieħed isib li l-persuna kkonċernata jkollha ta’ lanqas medja ta’ 15-il kontribuzzjoni fis-sena fuq perjodu ta’ 35 sena li ser titla’ għal 40 sena fil-każ ta’ persuni li twieldu wara l-1 ta’ Jannar 1962. Bl-emendi li daħlu fis-seħħ fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali bis-saħħa tar-riforma fil-pensjonijiet ta’ l-2006, persuni li twieldu wara l-31 ta’ Diċembru tal-1951 żdieditilhom l-eta tal-pensjoni gradatament kif ġej : - 1. Persuni li twieldu fis-snin 1952 sal-1955 l-età żdiedet minn 61 għal 62 fir-rigward ta’ persuni maskili u minn 60 għal 62 fir-rigward ta’ persuni femminili, 2. Persuni li twieldu fis-snin 1956 sal-1958 l-età tal-pensjoni ser tkun ta’ 63 sena ; 3. Persuni li twieldu fis-snin 1959 sal-1961 l-età tal-pensjoni ser tkun ta’ 64 sena ; 4. Persuni li twieldu fl-1 ta’ Jannar 1962 jew wara l-età tal-pensjoni ser tkun ta’ 65 sena. Għaldaqstant kif jista’ jara l-Onor Interpellant, filwaqt li l-kundizzjoni statutorja ta’ għaxar (10) snin impieg ma nbidlitx, hemm aspetti oħra tal-kundizzjonijiet statutorji u tal-kontribuzzjonijiet li nbidlu permezz tar-riforma fil-pensjonijiet li prinċipalment daħlet fis-seħħ fil-parti l-kbira fis-7 ta’ Jannar 2007.

Overpayment fuq post

Question

Jista' l-Ministru jara li jkun ivverifikat il-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li minkejja li quddiem l-Arbitru ġie maqbul u aċċettat, peress li kienet ilha xahar u nofs ma jgħix fil-post u xorta waħda ġie deċiż li għandu overpayment ta' 'l fuq minn €2,500?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-persuna kkonċernata qed tiġi nfurmata dwar il-każ tagħha.

Ħlas żejjed li ngħata lill-persuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ta' xiex inhuma l-ħlas żejjed li qed jingħad li ħa mid-dipartiment? jista' jgħid kif u meta ħadhom dawn l-ammonti?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli nterpellant li jien infurmat li n-numru tal-karta tal-identità mogħti minnu jista jkun mhux korrett għax skont l-informazzjoni li għandu d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jidher li hu ta’ persuna differenti minn dik mogħtija minnu. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jivverifika d-dettalji mogħtija minnu.

Pensjonanti li jħallsu t-taxxa

Question

Jista' l-Ministru jivverifika x'inhi r-raġuni għaliex ħafna pensjonanti li jħallsu t-taxxa, fir-rendikont għas-sitt xhur li ġejjin, għax-xahar ta' Diċembru 2012, l-ammont ta' taxxa huwa ħafna għola minn dak tax-xhur preċedenti? Jekk sar xi żball, jista' jgħid x'se jiġri issa biex il-persuna milquta jiġu infurmati?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-ittri li ħareġ id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali huma ittri ta’ informazzjoni biss u mhux rendikonti għat-taxxa. L-iskop ta’ din l-ittra prinċiplament huwa biex il-pensjonant jkun jaf eżatt x’irċieva pensjoni fl-aħħar sitt xhur, kif ukoll stima ta’ kemm se jkun l-ammont tal-pagament tal-pensjoni fis-sitt xhur li ġejjin. Fil-każ ta’ l-istima tas-sitt xhur li ġejjin, il-figuri huma intizi għal skop ta' informazzjoni biss u huma suggetti għal kwalunkwe tibdil fiċ-ċirkustanzi kif hemm spjegat tajjeb fl-ittri li ntbagħtu. Fid-dettalji li jkun hemm fl-ittra hemm inkluż stima tat-taxxa li ser ikun dovut fuq dak il-pagament. Fil-kalkolu li sar fl-ittri imsemmija bi żvista il-pagament tal-pensjoni tat-22 ta’ Diċembru li ġej u li huwa pagament bil-quddiem, ġie ikkalkulat bħala dħul ta’ din is-sena minflok dħul għas-sena 2013. B’riżultat ta’ hekk f’dan ix-xahar hemm indikat ammont ta’ taxxa żbaljata. Fl-10 ta’ Ġunju 2012, id-dipartiment ħareġ stqarrija għall-istampa fejn informa lill-publiku in ġenerali b’dan l-iżball u din il-ġimgħa stess qed jsir proċess biex ittra ta’ korrezzjoni bl-informazzjoni korretta toħroġ u tintbagħat lil pensjonanti li rċevew informazzjoni zbaljata.

kawżi ta' libelli mwaqfin

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każi ta' persuni li kellhom il-kawżi ta' libell tagħhom imwaqqfa (minnhom stess) waqt il-proċeduri tal-qorti, matul l-aħħar 12-il xahar? Kemm minn dawn il-kawżi twaqqfu wara li tħallsu xi danni li ġew miftiehma, u kemm twaqqfu mingħajr ma kien hemm ħlasijiet?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li; Qrati tal-Gustizzja Malta Bejn l-ewwel (1) ta’ Ġunju 2011 u l-ewwel (1) ta’ Ġunju 2012 ġew ċeduti ħmistax-il kawża ta’ libell. Mill-atti proċesswali ma jkunx hemm informazzjoni dwar x’arrangament ikun inlaħaq, jekk ikun intlaħaq, bejn il-partijiet. Qrati tal-Gustizzja Ghawdex: Matul l-aħħar 12-il xahar (mill-1 ta’ Ġunju 2011 sal-1 ta’ Ġunju 2012), kien hemm żewġ kawżi ċivili li ġew ċeduti. Fin-nota ta’ ċessjoni ma jingħata ebda tagħrif speċifiku għaliex il-kawża tkun qed tiġi ċeduta. Għalhekk it-tieni parti tal-mistoqsija ma tistgħax tiġi mwieġba.

Awtorità tad-Djar — xiri ta' appartamenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm applikazzjonijiet, lokalità lokalità, għal xiri ta' appartamenti għall-aħħar ħarġa li kellha l-Awtorità tad-Djar riċentement?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li taħt Avviż Legali 76 – Darek Facli, kien hemm 833 applikazzjoni. Minnhom kien hemm 404 applikanti għarajjes. L-applikanti ġew mill-lokalitajiet kif indikati hawn taħt: Locality Applicants Locality Applicants ATTARD 24 MSIDA 23 BAHAR IC-CAGHAQ 1 MTAHLEB 1 BAHRIJA 3 MTARFA 20 BALZAN 4 MUNXAR GOZO 2 BIRKIRKARA 74 NADUR GOZO 1 BIRZEBBUGA 18 NAXXAR 36 BORMLA 3 PACEVILLE 2 BUGIBBA 11 PAOLA 27 BURMARRAD 3 PEMBROKE 13 COSPICUA 13 PIETA' 14 DINGLI 18 QAWRA 8 FGURA 37 QORMI 71 FLORIANA 9 QRENDI 6 FONTANA GOZO 2 RABAT 38 GHAJNSIELEM GOZO 2 SAFI 5 GHARGHUR 9 SAN GWANN 72 GHAXAQ 12 SAN PAWL IL-BAHAR 1 GUARDAMANGIA 3 SANNAT GOZO 2 GUDJA 12 SANTA LUCIA 14 GZIRA 31 SANTA VENERA 15 HAMRUN 39 SENGLEA 10 IBRAGG 2 SIGGIEWI 22 IKLIN 13 SLIEMA 25 IMQABBA 1 ST JULIANS 25 KALKARA 12 ST PAUL'S BAY 41 KAPPARA 4 SWIEQI 15 KERCEM GOZO 4 TA' XBIEX 7 KIRKOP 11 TARXIEN 18 LIJA 5 VALLETTA 20 LUQA 20 VICTORIA GOZO 7 MADLIENA 1 VITTORIOSA 7 MARSA 12 XEWKIJA GOZO 1 MARSALFORN GOZO 1 XGHAJRA 4 MARSASCALA 22 ZABBAR 36 MARSAXLOKK 12 ZEBBUG 24 MDINA 1 ZEJTUN 17 MELLIEHA 16 ZURRIEQ 37 MGARR 13 MOSTA 62 MQABBA 10

Pensjoni mal-ħaddiema tal-eks tarzna

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'inhi r-raġuni li hemm diskriminazzjoni fil-pensjoni mal-ħaddiema tal-eks Tarzna u cioè ma dawk li rtiraw fis-sena 1993 u dan billi dawn qegħdin jirċievu anqas minn sħabhom li spiċċaw qabel u anke dawk li spiċċaw warajhom?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fuq din il-mistoqsija nibda billi niċħad li qiegħda ssir xi forma ta’ diskriminazzjoni fir-reviżjonijiet li qegħdin isiru fil-pensjonijiet tal-ex ħaddiema tat-Tarzna. Tajjeb nispjega illi fl-eżerċizzju li għaddej fil-preżent sabiex jiġu riveduti l-pensjonijiet tal-ex ħaddiema tat-Tarzna, kull pensjoni tiġi analogata mal-istrutturi tas-salarji tal-ħaddiem mal-Gvern skont il-grad u s-salarju li jkun irtira bihom il-pensjonant. B’riżultat ta’ dan issib illi hemm pensjonanti li għalkemm irtiraw bl-istess salarju iżda fi grad differenti, ġew intitolati għal rata ta’ pensjoni differenti. Fl-istess kategorija ta’ pensjonanti hemm ukoll uħud li ħadu ammont ta’ arretrati iżjed minn sħabhom li rtiraw warajhom u dan għaliex id-dħul pensjonabbli li rtiraw bih kien inqas minn ta’ dawk li rtiraw warajhom. Nikkonkludi illi din hi spjegazzjoni ġenerali u għaldaqstant kull każ irid jiġi mistħarreġ fuq il-merti tiegħu.

spazji tal-bjut tal-binjiet

Question

B'referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 28197 sa 28205 dwar photovoltaic cells fuq bjut ta' bini pubbliku, jista' l-Ministru jgħid kemm jirriżulta li units ta' social housing mifruxin f'pajjiżna jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-ġenerazzjoni ta' din l-enerġija?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi l-Awtorità tad-Djar għad m’għandhiex tali informazzjoni. L-awtorità qiegħda fil-fażi illi tibda r-riċerka dwar l-effiċjenza enerġetika u sorsi alternattivi ta’ enerġija fil-binjiet reżidenjali tal-Gvern.

Awtorità tad-Djar — solar water heaters

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux studji mill-Awtorità tad-Djar dwar kemm units ta' social housing mifruxin f'pajjiżna jkunu jistgħu jibbenefikaw minn solar water heaters? Dawn huma ristretti biss għall-appartamenti fis-sulari ta' fuq?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi l-Awtorità tad-Djar għamlet studju pilota ftit snin ilu dwar dan fil-binjiet kollha ta’ Santa Luċija. Qed isiru diskussjonijiet mal-Ministeru dwar ir-Riżorsi u Affarijiet Rurali dwar kif jista’ jsir iżjed xogħol f’dan il-qasam. L-awtorità ilha diversi snin tobbliga lil min jixtri proprjetà taħt id-diversi skemi ta’ affordable housing biex jistalla solar water heater .

Twaqqif ta' benefiċċju soċjali ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħdu l-awtoritajiet fil-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li jgħix fuq il-benefiċċju soċjali u ftit taż-żmien ilu twaqqfuqlu u m'għandux aktar flus biex jgħix?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli nterpellant li jiena nfurmat li l-individwu għandu jirrikorri f’wieħed mill-Uffiċċji Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sabiex jingħata l-informazzjoni meħtieġa.

Avukati tat-Tfal — rapporti fil-Qorti tal-Familja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba l-Avukati tat-Tfal ippreżentaw rapporti fil-Qorti tal-Familja fis-sena 2011, u kemm minnhom ġew issiġillati?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li; Qrati tal-Gustizzja Malta: B’referenza ghad-domanda tal-Onor Membru jinghad li kien hemm 29 rapport tal-Avukati tat-tfal fil-Qorti tal-Familja matul is-sena 2011. Seba’ kienu ssigillati. Qrati tal-Gustizzja Ghawdex: Ma tinżammx statistika jew nota ta’ rapporti redatti u preżentati lill-Qorti mill-Avukati tat-Tfal. Addirittura, lanqas neċessarjament jiġu preżentati fir-Reġistru tal-Qorti tali rapporti. Iżda meta dawn jiġu preżentati, bħala prassi, dawn jgħaddu lill-Maġistrat Sedenti f’ envelope magħluq. Imbagħad sta għall-maġistrat jekk jordnax li dan jibqa’ ssiġillat jew le. Madanakollu, pero’, ma jirriżultax lid-diversi Deputati Reġistraturi illi fis-sena 2011 ġew ippreżentati rapporti tal-Avukati tat-Tfal fil-Qorti tal-Familja.

ħlas għall-arbitraġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-posizzjoni tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li stante li kellha żewġ appelli fl-arbitru meta l-flus li kellha tirrifondi tathom kollha u xorta qegħdin jitlobuha mill-Uffiċċju tal-Arretrati li baqalha tagħti lura meta din hija persuna li ma taħdimx u qegħdha tgħix maż-żewġ uliedha?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli nterpellant li jiena nfurmat li l-individwu għandu jirrikorri f’wieħed mill-Uffiċċji Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sabiex jingħata l-informazzjoni meħtieġa.

Nuqqas ta' ħlas ta' manteniment

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa każ tal-omm li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li l-partner jinsab fil-Faċilità Korretiva Kordin fejn dan mhux immatni lit-tifla ta' tliet xhur peress li kull meta ċċempel, dejjem jgħidulha li l-każ tagħha għadu qed jitmexxa?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kawża ġiet registrata fi Frar 2012, kien hemm seduta f’Mejju fejn ir-raġel ma kienx notifikat u issa l-kawża tinsab differita ghal-Novembru biex jigi notifikat ir-raġel. Mill-Qorti harget notifika fl-20 ta’ Marzu, 2012 biex jiġi notifikat ir-raġel f’post is-Siġġiewi fejn ir-riferta ġiet negattiva stante li l-post ma setax jinstab; ħarġet notifika oħra lir-raġel nhar 31 ta’ Mejju, 2012 fl-istess indirizz u li wkoll il-marixxall ma setax isib il-post indikat. Huwa sta għal parti li jipprovdi l-indirizz fejn għandu jiġi notifikat il-kontro parti. Illi jekk il-kontro parti qiegħed fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin skont kif qed jingħad fid-domanda, allura n-notifika kellha tinħareġ fuq dak l-indirizz u mhux f’post is-Siġġiewi fejn qed jirriżulta li l-Marixxall lanqas biss jista’ jsib dan il-post. Qabel ikun hemm notifika skont il-ligi, il-Qorti żgur li ma tistax tipprosegwi f’dan il-każ.

pensjoni tar-romol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma r-romol maskili u dawk feminili li jirċievu pensjoni anqas minn €500 fix-xahar fil-mument?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li jien infurmat li numru ta’ persuni maskili li jirċievu pensjoni għar-Romol ta’ inqas minn €500 fix-xahar huwa ta’ 103 filwaqt li n-numru ta’ persuni feminili li jaqaw taħt l-istess kategorija huwa ta’ 7425.